L-Artikolu 80 tal-Kap 552 jgħid hekk:
‘(1) Il-Bord tal-Ippjanar jista’ biss –
(a) fil-każijiet ta’ frodi; jew
(b) meta jkun hemm is-sottomissjoni ta’ xi informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta li hija inkorretta jew li ma tirriflettix is-sitwazzjoni fuq is-sit; jew
(c) fejn hemm żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument; jew
(d) fejn is-sigurtà pubblika hija konċernata, b’deċiżjoni jirrevoka jew jibdel kull permess għall-iżvilupp mogħti taħt dan l-Att, inkluża kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-Bord tal-Ippjanar skont xi Ordni, filwaqt li fid-deċiżjoni jagħti r-raġunijiet tiegħu u jrid jindika b’mod ċar il-bażi legali tar-revoka għal dik id-deċiżjoni;
Hekk kif issir talba minn kwalunkwe persuna biex tirrevokajew tibdel permess skont dan l-Att, jew minn jeddu, iċ-Chairperson Eżekuttiv għandu jipprepara r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Bord tal-Ippjanar dwar jekk il-permess għall-iżvilupp għandux jiġi revokatjew mibdul u għandu jistieden kemm lill-applikant u lill-persuna li għamlet it-talba, jekk ikun hemm, biex jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub.
Il-Bord tal-Ippjanar għandu jikkomunika d-data u l-ħin tas-seduta tiegħu lill-applikant u lill-persuna interessata li qed tagħmel t-talba taħt dan l-artikolu, jekk ikun hemm. Waqt is-seduta l-Bord tal-Ippjanar għandu jisma’ wkoll is-sottomissjonijiet ta’ tali applikant, jekk dan tal-aħħar jagħżel li jattendi, is-sottomissjonijiet tal-persuna interessata, jekk ikun hemm, u s-sottomissjonijiet ta’ kwalunkwepersuna oħra:
Iżda ċ-Chairperson Eżekuttiv jista’ fir-rigward ta’ kull permess għall-iżvilupp, inkluż kull awtorizzazzjoni maħruġa taħt xi Ordni wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att, jibda proċeduri sabiex jirrevoka jew jimmodifika dak il-permess għall-iżvilupp, inkluż kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-Bord tal-Ippjanar taħt xi Ordni, fi żmien ħames snin mid-data tal-ħruġ tal-permess għall-iżvilupp, inkluż xi awtorizzazzjoni maħruġa taħt xi Ordni.
(2) Għall-fini tas-subartikolu (1):
“frodi” tfisser is-sottomissjoni lill-Bord tal-Ippjanar ta’ xi informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta li abbażi tagħha l-Bord tal-Ippjanar ikun approva permess għall-iżvilupp, meta dik l-informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta hija falza;
“informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta inkorretta” tfisser is-sottomissjoni lill-Bord tal-Ippjanar ta’ xi informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta li abbażi tagħha l-Bord tal-Ippjanar ikun approva permess għall-iżvilupp, fejn tali informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta ma tirriflettix is-sitwazzjoni fuq is-sit jew hija erronja jew żbaljata;
“żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument” tfisser żball magħmul mill-Bord tal-Ippjanar huwa u jilħaq deċiżjoni u tali żball jidher mid-dokumenti tal-proċedimenti tiegħu:
Iżda l-Bord tal-Ippjanar m’għandux jirrevoka jew ibiddel permess għall-iżvilupp fuq il-bażi ta’ frodi jew informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta inkorretta jew żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument, fejn tali ċirkostanza ma kellha l-ebda inċidenza materjali fuq il-ħruġ tal-permess għall-iżvilupp b’tali mod illi kieku l-informazzjoni korretta kienet disponibbli fil-mument tad-deċiżjoni, ir-riżultat ma kienx ikun differenti.
(3) L-applikant, jew il-persuna interessata li qed tagħmel talba taħt dan l-artikolu, jekk iħossu aggravat mid-deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Ippjanar, għandu d-dritt li jappella d-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar quddiem it-Tribunal fi żmien tletin ġurnata mid-data tas-seduta meta d-deċiżjoni tkun ittieħdet.
(4) Ma għandu jintalab l-ebda kumpens mill-Awtorità meta hija taġixxi skont id-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (1) fejn ir-raġunigħar-revoka jew għat-tibdil tal-permess għall-iżvilupp tkun ibbażatafuq frodi, informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta inkorretta jew żball, f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument jew fuq konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà pubblika.’
Dan id-dispost qed jgħidilna li permess ta’ żvilupp jiġi revokat anke wara li jkun għadda in ġudikat.
Tajjeb, pero’, li, qabel xejn niffokaw, fuq dik il-parti ta’ l-Artikolu 80 tal-Kap 552 li tghid hekk:
‘(1) Il-Bord tal-Ippjanar jista’ biss –
(a) fil-każijiet ta’ frodi; jew
(b) meta jkun hemm is-sottomissjoni ta’ xi informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta li hija inkorretta jew li ma tirriflettix is-sitwazzjoni fuq is-sit; jew
(ċ) fejn hemm żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument; jew
(d) fejn is-sigurtà pubblika hija konċernata
…b’deċiżjoni jirrevoka jew jibdel kull permess għall-iżvilupp mogħti taħt dan l-Att, inkluża kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-Bord tal- Ippjanar skont xi Ordni, filwaqt li fid-deċiżjoni jagħti r-raġunijiet tiegħu u jrid jindika b’mod ċar il-bażi legali tar-revoka għal dik id-deċiżjoni.’
Hawn qed naraw li permess ta’ żvilupp jista’ jiġi revokat jew mibdul f’ċirkostanzi speċifiċi, ossija meta wara li jinstab li jkun hemm “frodi”, “informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta inkorretta”, “żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument” u “fejn is-sigurtà pubblika hija konċernata.”
L-istess Artikolu 80 imbaħad jgħaddi biex jagħti definizzjoni ta’ “frodi”, “informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta inkorretta” u “żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument” bil-mod kif isegwi:
‘“frodi” tfisser is-sottomissjoni lill-Bord tal-Ippjanar ta’ xi informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta li tagħha l-Bord tal- Ippjanar ikun approva permess għall-iżvilupp, meta dik l-informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta hija falza;
“informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta inkorretta” tfisser is-sottomissjoni lill-Bord tal-Ippjanar ta’ xi informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta li abbażi tagħha l-Bord tal-Ippjanar ikun approva permess għall-iżvilupp, fejn tali informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta ma tirriflettix is-sitwazzjoni fuq is-sit jew hija erronja jew żbaljata;
“żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument” tfisser żball magħmul mill-Bord tal-Ippjanar huwa u jilħaq deċiżjoni u tali żball jidher mid-dokumenti tal-proċedimenti tiegħu.’
Issa ser nitratta il-kriterji msemmija, cioe’ “frodi”, “informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta inkorretta” u “żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument” b’mod individwali.
“FRODI”
Normalment, almenu fil-kors ordinarju, il-“frodi” jirrikjedi l-impostura li tikkonstrinġi lil dak li jkun li jemmen, li tneħħi kull suspett u li tipparilizza d-diliġenza tal-iffrodat u tissorprendilu l-buona fede tiegħu.
Detto cio, il-kelma “frodi” fil-kuntest ta’ l-Artikolu 80 tfisser ‘is-sottomissjoni lill-Bord tal-Ippjanar ta’ xi informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta li tagħha l-Bord tal- Ippjanar ikun approva permess għall-iżvilupp, meta dik l-informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta hija falza’.
Jidher għalhekk li, biex jintqal li permess huwa mtappan bi “frodi”, huwa biżżejjed li permess ikun imsejjes fuq informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta li hija ‘falza’ – punto e basta!
Issa, sabiex oġġett jitqies bħala ‘falz’, għandu jkun paċifiku li oġġett falz huwa dak li juri bħala veru dak li mhux veru.
Jekk, għall-mument, wieħed jislef mil-liġi kriminali, isib li hemm żewġ tipi ta’ falsitajiet – il-falz materjali u l-falz idejoloġiku.
Fil-każ tal-falz materjali, id-dokument jiġi ffalsifikat fl-essenza tiegħu u ma jibqax ġenwin (dan meta l-awtur apparenti ma jkunx l-awtur rejali tad-dokument jew meta d-dokument ikun issubixxa alterazzjonijiet wara l-formazzjoni definittiva tiegħu) mentri fil-falz ideoloġiku d-dokument ikun iffalsifikat biss fis-sustanza u cioe’ fil-kontenut idejali tiegħu (dan meta si tratta ta’ dokument ġenwin li jikkontjeni espożizzjoni ta’ fatti mhux veri). Kwindi, il-falz ideoloġiku ikopri l-iskorrettezzi fl-informazzjoni, dikjarazzjonijiet u, jew pjanti, riżultat ta’ negliġenza, cioe’ nuqqas tal-eżerċizzju ta’ dik il-kura u diliġenza raġonevoli li l-liġi tirrikjedi minn persuna ta’ prudenza.
Il-fatt, pero, jibqa’ li mill-mod kif l-Artikolu 80 huwa miktub, ma jidhirx li hemm ħtiega li jiġi pruvat li kien hemm ingann, fis-sens ta’ xi att premeditat tal-applikant biex jipprovdi informazzjoni żbaljata jew qarrieqa biex jinduċi lill-Awtorita’ toħroġ il-permess.
“INFORMAZZJONI, DIKJARAZZJONI JEW PJANTA INKORRETTA”
Il-kliem “informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta inkorretta” fil-kuntest ta’ l-Artikolu 80 ifissru s-sottomissjoni lill-Bord tal-Ippjanar ta’ xi informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta li abbażi tagħha l-Bord tal-Ippjanar ikun approva permess għall-iżvilupp, fejn tali informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta ma tirriflettix is-sitwazzjoni fuq is-sit jew hija erronja jew żbaljata. Din id-definizzjoni tneħħi kull dubju li permess jista’ jiġi revokat fil-mument li jiġi pruvat li ġiet provduta informazzjoni żbaljata, irrispettivament mill-mens rea.
“ŻBALL F’DOKUMENT LI JIDHER MINN EŻAMI TAL-ISTESS DOKUMENT”
Jibda biex jiġi puntwalizzat li fil-Kap 504 (li jien jippreċedi l-Kap 552), “żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument” kien definit bħala “żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument li ikun qed jikser il-liġi.” Ergo, fil-liġi preċedenti, “żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument” kien limitat għal żball li jikser il-liġiu mhux żball ta’ kwalsijasi fatt. Meta l-Artikolu 77 kien għadu in vigore u l-Qorti kellha, per eżempju, prova li s- site notice fil-bidu tal-proċess kienet imwaħħla ħażin[1], allura kontra d-diżpożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 32(4) tal-Kap 504[2], il-Qorti sabet li kien jeżisti dokument (ritratt tal-avviż) li jindika li hemm żball meta wieħed iħares lejn l-istess dokument (stante li dan ir-ritratt kien juri l-avviż imwaħħal fuq sit ieħor) u liema żball kien jikser il-liġi (stante li skont l-Artikolu 32(4) tali avviż kellu jitwaħħal fuq is-sit u mhux fuq sit differenti). B’hekk, il-Qorti kienet tal-fehma li l-permess kellu jiġi revokat.
Illum is-sitwazzjoni hi kemm xejn differenti għaliex l-Artikolu 80 irid “żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument” ikun ifisser “żball magħmul mill-Bord tal-Ippjanar huwa u jilħaq deċiżjoni u tali żball jidher mid-dokumenti tal-proċedimenti tiegħu.”
Ergo, illum, “żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument” irid bilfors ikun żball magħmul mill-Bord ta’ l-Ippjanar u jrid ikun konness mal-proċess tad-deċiżjoni, ergo żball li jkun seħħ wara l-ħruġ tad-DPAr.
It-tieni ħaġa hi li l-iżball jista’ jassumi kwalunkwe sura, u mhux bħal fil-każ ta’ l-Artikolu 70, irid ikun neċessarjament punt ta’liġi.
Fl-aħħar lok, pero’, u hawn ma nbidel xejn minn dak li kien jinsab ritenut fl-Artkolu 70, l-iżball irid ‘jidher minn eżami tal-istess dokument’, ergo irid ikun jeżisti dokument li kellu quddiemu l-Bord, l-iżball irid ikun manifest u, allura, faċilment tinduna bih meta tħares lejn id-dokumenti tal-proċedimet tal-Bord. Tali żball irid ikun għalhekk suppożizzjoni ta’ xi fatt li l-verita` tiegħu tkun eskluża għal kollox jew fuq is-suppożizzjoni li l-fatt ma jeżistix. Kwindi, l-iżball irid ikun żball materjali ta’ fatt u mhux żball ta’ kriterju jew t’interpretazzjoni.
IL-FRODI, L-INFORMAZZJONI/DIKJARAZZJONI/PJANTA ŻBALJATA JEW L-IŻBALL FID-DOKUMENT IRIDU JKUNU DETERMINANTI GĦALL-ĦRUĠ TAL-PERMESS
Ser niffoka issa fuq il-parti ta’ l-Artikolu 80 li tgħid dan:
‘Iżda l-Bord tal-Ippjanar m’għandux jirrevoka jew ibiddel permess għall-iżvilupp fuq il-bażi ta’ frodi jew informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta inkorretta jew żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument, fejn tali ċirkostanza ma kellha l-ebda inċidenza materjali fuq il-ħruġ tal-permess għall-iżvilupp b’tali mod illi kieku l-informazzjoni korretta kienet disponibbli fil-mument tad-deċiżjoni, ir-riżultat ma kienx ikun differenti.’
Ergo, iċ-ċirkostanzi li jwasslu għar-revoka iridu jkunu tali li mingħajrhom il-permess ma kienx joħroġ. Kwindi, ir-revoka ta’ permess tista’ tirnexxi biss jekk id-deċiżjoni, għalkemm vizzjata b’xi wieħed mit-tlett kriterji msemmija, ma tkunx tista’ tiġi sorretta b’raġunijiet oħra indipendenti minn dik żbaljata. Il-konsegwenza ta’ dan kollu hi li l-frodi jew informazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta nkorretta jew żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument irid ikollu inċidenza materjali fuq il-ħruġ tal-permess b’tali mod illi kieku l-ħaġa korretta kienet disponibbili fil-mument tad-deċiżjoni, ir-riżultat kien ikun differenti.
PRESKRIZZJONI
Tajjeb jigi sottolinjat li fl-Artikolu 80 insibu ritenut dan:
‘…Iżda ċ-Chairperson Eżekuttiv jista’ fir-rigward ta’ kull permess għall-iżvilupp, inkluż kull awtorizzazzjoni maħruġa taħt xi Ordni wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att, jibda proċeduri sabiex jirrevoka jew jimmodifika dak il-permess għall-iżvilupp, inkluż kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-Bord tal-Ippjanar taħt xi Ordni, fi żmien ħames snin mid-data tal-ħruġ tal-permess għall–iżvilupp, inkluż xi awtorizzazzjoni maħruġa taħt xi Ordni.’
Dan il-proviso huwa ċar kristall. Revoka tista’ tintalab għal dawk il-permessi li nħarġu ‘wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att’, ossija l-4 ta’ April 2016 nonche’ fi żmien ħames snin minn mindu jkun inħareġ dak il-permess.
Dwar din it-tematika, il-Qorti ta’ l-Appell diġa’ kellha l-okkażjoni tesprimi ruħha wara li l-Awtorita’, minkejja li dak iż-żmien l-Artikolu 77 tal-Kap 504 ukoll kien abbinat ma’ permessi maħruġa ‘…wara d-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att’, deherilha li l-liġi ma timponi ebda terminu biex tapplika d-dettami tal-Artikolu 77. Dan kien il-kaz fl-ismijiet Emanuel Mallia vs L-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar[3]. Bi tweġiba għal dak li sostniet l-Awtorita’, il-Qorti wieġbet b’dan il-mod:
‘Jigi rilevat qabel xejn illi din l-ordni tal-Awtorita biex jinbeda l-process ta’ modifika talpermess saret a bazi tal-artikolu 77 tal-Kap. 504. It-talba formali saret fit-18 ta’ April 2013. Hu pacifiku illi dan il-permess inhareg qabel id-dhul fis-sehh tal-Kap. 504. Filfatt il-premess igib in-numru 4618/06. L-artikolu 77 tal-Kap. 504 jirreferi b’mod car u specifiku ghal process ta’ modifika jew revoka ta’ permess li nhareg wara d-dhul fis-sehh tal-Kap. 504. L-artikolu hu ghalhekk limitat biss ghal permessi b’data specifika ta’ hrug u terminu perentorju ta’ dekadenza li fih l-Awtorita tista’ tiehu passi. Hi l-fehma tal-Qorti li l-legislatur wera b’mod car l-intenzjoni tieghu li ma hiex suxxettibbli ghal ebda interpretazzjoni b’mod li titqies tinkludi dak li mhux espressament inkluz mill-legislatur. Il-ligi ghandha tigi applikata u interpretata fil-parametri tat-termini taghha u fil-dawl tal-massima legali quod lex voluit lex dixit.’
M’huwiex in diskussjoni għalhekk, li bl-istess raġunament, l-Artikolu 80 japplika biss għal dawk il-permessi li nħarġu wara d-dħul fis-seħħ tal-Kap 552, ossija l-4 ta’ April 2016.
Meta niġu, imbagħad, għat-test ‘…fi żmien ħames snin mid-data tal-ħruġ tal-permess għall–iżvilupp’, il-ħames snin jibdew jgħoddu mid-data li nħareġ il-permess, irrispettivament jekk tali permess baqax validu oltre t-terminu ta’ ħames snin.
IL-LINJA FINA BEJN REVOKA U STĦARRIĠ MILL-ĠDID
Magħdud il-premess, nissottolinja li l-proċess kontemplat fl-Artikolu 80 mhux wieħed ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċess ta’ stħarriġ ta’ proposta ta’ żvilupp. Invece, l-eżercizzju li għandha tagħmel l-Awtorita’ meta quddiemha jkun hemm talba għal revoka ta’ permess huwa li, abbażi tar-rekords li kellha l-istess Awtorita’ quddiemha fil-ħin tad-deċiżjoni, tara jekk tali rekords kienux frodolenti (jiġifieri nformazzjoni, dikjarazzjoni jew pjanta li f’dak il-mument tad-deċiżjoni kienet falza) jew addirittura jekk kien hemm xi nformazzjoni jew dikjarazzjoni jew pjanta li ma kinitx tirrifletti s-sitwazzjoni fuq is-sit jew jekk il-bord għamel żball huwa u jilħaq id-deċiżjoni u tali żball jista’ jigi faċilment perċepit mid-dokumenti tal-proċedimenti tiegħu.
Wieħed m’għandu qatt, għalhekk, iħallat “informazzjoni”, “dikjarazzjoni” jew “pjanta inkorretta” jew inkella “żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument” m’applikazzjoni skorretta ta’ policies. In poche parole, applikazzjoni tal-liġi, pjan jew policy b’mod ħażin (inġust jew żbaljat) fil-konfront tal-fatti specie tal-każ ma jwassalx għal estremi tal-Artikolu 80 sakemm ma jintweriex li l-applikazzjoni ħażina tal-liġi, pjan jew policy seħħet minħabba sottomissjoni t’informazzjoni , dikjarazzjonijiet, pjanti żbaljati jew żball f’dokument li jidher minn eżami tal-istess dokument.
L-Artikolu 80 m’huwiex, għalhekk, intiż sabiex jippermetti ‘reviżjoni’ kwantu għal jekk id-diskrezzjoni riżervata lill-Awtorita’ fid-determinazzjoni ta’ applikazzjoni għal żvilupp ġietx imħaddma kif suppost.
Il-kaz ta’ Dr Simon Busuttil vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u l-kjamat in kawza Pamela Cordina[4] jispjega dan billi jgħinna nifmhu li diverġenza ta’ opinjoni fuq il-policies applikabbli li jista’ jkun hemm quddiem il-fatti mhux kontestati b’xi wieħed mill-kriterji ta’ l-Artikolu 80 minn min iddeċieda l-permess ma twassalx għal revoka.
F’dan il-każ, waħda mill-allegazzjonijiet ċentrali kienet li l-Kummissjoni ġiet infurmata illi l-estent tal-iżvilupp seta’ jkun ta’ 30 metru meta fil-fatt kellha tiġi preżentata b’informazzjoni korretta u cioe’ li f’sit bħal dan, il-limitu tal-iżvilupp huwa ta’ 25 metru u mhux aktar. Ergo, il-Kummissjoni ġiet indotta f’dan l-iżball u dderiġiet lill-applikant jirriduċi l-iżvilupp li ma jaċċedix it-tletin metru biex, b’hekk, inħareġ il-permess (dejjem skont l-appellant) frott ta’ informazzjoni żbaljata u li ppreġudikat id-drittijiet tieghu billi saret invażjoni fi green enclave protetta bil-liġi. Busuttil iżid jgħid li l-Artikolu 80 hu ntiż biex jindirizza informazzjoni żbaljata li twassal għal deċiżjoni żbaljata.
X’kienu, pero’, l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta’ l-Appell?
Żball jew informazzjoni skorretta mogħtija mill-case officer lill-Kummissjoni li nduċiha tasal għal deċiżjoni skorretta fil-ligi ma tammontax għal “informazzjoni”, “dikjarazzjoni” jew ”pjanta inkorretta” iżda semai parir ħażin li wassal għal applikazzjoni ħażina ta’ policies għal fattispeċje partikolari tal-iżvilupp li, jista’ jagħti l-każ, li, kif għidt, kienu applikati b’mod ħażin. Il-Qorti kompliet tghid li, semai, dak huwa aggravju li jsib komfort fi dritt ta’ appell quddiem it-Tribunal u eventwalment appell quddiem il-Qorti tal-Appell (Sede Inferjuri) fuq punt ta’ liġi, jekk ikun ġiet applikata b’mod ħazin liġi, pjan jew policy u mhux il-proċedura tar-revoka. Wara kollox, il-Kummissjoni dejjem hi fil-liberta’ li timxi jew ma timxix skont jew kontra tali rapport wara li tisma l-partijiet interessati.
[1] Ara sentenza fl-ismijiet Emmanuel Busuttil Dougall (bil-karta tal-identita` numru 848754M) vs L-Awtorita` ta’ Malta dwar l-Ambjent u l- Ippjanar deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar l-24 ta’ Frar, 2011 (Ap3/2010)
[2] jirrikjedi li l-Avviż tal-applikazzjoni, minbarra li jiġi ppublikat, għandu jitwaħħal fuq is-sit u dan għar-responsabilita’ ta’ l-Awtorita’, b’dan li “l-applikant għandu jkun responsabbli li jiżgura li l-avviż jibqa’ mwaħħal għal perjodu ta’ għoxrin jum mid-data li l-avviż jiġi hekk imwaħħal…”.
[3] Ara sentenza fl-ismijiet Emanuel Mallia vs L-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar deċiża mill-Qorti tal-Appell fil-11 ta’ Lulju, 2016 (Ap12/16)
[4] Ara sentenza fl-ismijiet Dr Simon Busuttil vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u l-kjamat in kawza Pamela Cordina deċiża mill-Qorti tal-Appell fis-17 ta’ Novembru, 2021 (Ap14/21)