Kemm huwa mportanti li policy tiġi nterpretata ad litteram?

Kemm huwa mportanti li policy tiġi nterpretata ad litteram?

Il-mod kif il-policies ta’ l-ippjanar għandhom jiġu nterpretati huwa sors ewlieni ta’ kontroversja. Ingħad diversi drabi li, fid-determinazzjoni ta’ applikazzjoni għall-permess, il-Bord tal-Ippjanar għandu jqis il- pjanijiet u l-policies li fl-aħħar mill-aħħar huma l-fondament tal-kontroll tal-iżvilupp u li għandhom ‘saħħa ta’ Liġi’.[1]

Tanto piu’, il-ġurisprudenza prevalenti hi fis-sens li l-Awtorita’ għandha obligu li, sa fejn dawn għandhom jiġu applikati għall-fattispecie tal-każ sotto skrutinju, tagħtihom interpretazzjoni ad litteram. Infatti, huwa ben saput li l-Qorti reviżorja tkun propensa tintervjeni meta jirriżultalha li ‘l-interpretazzjoni tmur kontra l-kelma u intenzjoni espressa tal-liġi’ u anke ‘f’każ ta’ nuqqas ta’ kjarezza, l-interpretazzjoni hi tant assurda li tista’ tippreġudika l-applikazzjoni l-aktar korretta u prattika tal-intenzjoni tal-leġislatur.[2]

Issa, huwa fatt inkontestat li, xi drabi, policy tkun miktuba b’mod li din tippermetti  marġni ta’ apprezzament wiesgħa u, allura, tista’ tagħti lok għal riżultanzi differenti. Meta dan hu il-każ, Qorti Reviżjonali m’għandhiex tissindaka jew tindaħal fl-użu ta’ dik id-diskrezzjoni afdata f’idejn l-organi deċiżjonali (bħal Bord ta’ l-Ippjanar jew it-Tribunal ta’ Reviżjoni ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar) fl-interpretazzjoni tal-policies.[3] Hekk, gratia argumenti, il-kelma ‘may’ (b’kuntrast ma’ ‘shall’) jew il-frazi  ‘in the opinion of’ jagħtu ‘leeway’ fejn decision maker jista’ jmur. Meta jintuża test bħal ‘preference will be given…’  jew ‘will not normally consider…’, il-bieb għall-approvazzjoni ma jingħalaqx ‘a priori’.  Meta jintużaw frażijiet bhal ‘a satisfactory outlook’ jew ‘bad neighbourliness’, sta għal min ser jiddeċiedi, almenu fin-nuqqas ta’ definizzjoni ulterjuri, li jagħti tifsira fil-kuntest ta’ dak li għandu quddiemu.  Detto questo, min ser jiddeċiedi, xorta waħda, għandu jagħraf x’inhu  l-iskop u l-volonta’ tal-leġislatur. B’hekk, wieħed m’għandux jinqeda bid-diskrezzjoni u jikser  is-sens prattiku u morali ta’ dak li raġjonevolment huwa meqjus  proporzjonat w aċċettabli   skont in-normi stabbiliti tas-soċjeta` u l-loġika ġuridika.

Kwindi, meta policy tagħti lok għal eċċezzjoni, m’ghandux ifisser li l-eċċezzjoni saret in-norma benche ikun jeżisti xi preċedent. Wara kollox, m’għandu  qatt jintilef di vista il- fattispeċie ta’ kull każ mill-lenti ta’ dak li l-pjan lokali jqis fiż-żona fejn qed jiġi propost l-iżvilupp. Min huwa fdat biex jiddeċiedi ma jistax, għalhekk,  jirridimensjona l-effett u l-applikazzjoni litterali ta’ klawżola sempliċiment għaliex f’moħħu jidhirlu li l-policy kellha tkun miktuba mod ieħor. In poche parole, meta l-kliem tal-policy huwa ċar,  l-interpretazzjoni litterali ta’ dak miktub fil-policy għandha sservi. Huwa biss meta l-kliem m’huwiex ċar li, imbagħad, wieħed għandu jħares  lejn mezzi t’interpretazzjoni sabiex jara l-vera sinnifikat tal-istess dispożizzjoni u jagħti effett lejn fejn il-policy tkun direzzjonata.

M’huwiex  konċess, per eżempju, li min huwa fdat bil-poter li jiddeċiedi l-applikazzjoni ta’ żvilupp, jistrieħ  fuq paragrafu spjegattiv ‘in isolation’ bl-intiża li  jitbiegħed minn dak li huwa mniżżel fis-sezzjonijiet rimanenti. Il-paragrafi ta’ policy iridu jinqraw kollettivament u sakemm dawn, meta moqrija flimkien, ma jagħtux lok għal eċċezzjonijiet jew devjazzjonijiet, l-organi deċiżjonali għandhom idejhom marbuta bl-effett u l-applikazzjoni litterali ta’ dak miktub. Bl-istess mod, meta policy tpoġġi rekwiżiti li jridu  jitqiesu b’mod kumulattiv, id-decision maker ma jistax jagħzel li jkun selettiv u jqishom b’mod alternattiv. Meta, għalhekk, il-policy hi ċara u ma tagħtix lok għal eċċezzjonijiet jew devjazzjonijiet minnha, l-organi deċiżjonali għandhom idejhom marbuta. Il-kliem projbittiv għandu dejjem jingħata interpretazzjoni litterali u min huwa fdat bil-poter li jiddeċiedi jekk permess ta’ żvilupp għandux jingħata jew le, ma jistax  jintroduċi elementi ġodda lil hinn minn dak li l-policy ħasbet għalih.

Dunque, l-apprezzament interpretattiv ta’ policy ma jista’ qatt jippermetti li dik l-interpretazzjoni tmur kontra l-qari litterali tal-istess policy. Jekk jiġri hekk, ikun ifisser li min ser jiddeċiedi ikun applika ħażin il-policy u mhux sempliċiment għażel triq leġittima flok oħra li seta’ jagħżel.   

Ċertament, wieħed jifhem li, f’qasam bħalma huwa dak ta’ l-ippjanar u żvilupp, l-organi deċiżjonali huma nklinati jsibu ‘soluzzjoni’, partikularment f’siti li jinsabu f’żoni diffiċli. Detto questo, ma jistax l-organu deċiżjonali ‘jiskarta l-policy rilevanti u jagħmel eċċezzjoni li ma tinsabx f’liġi, pjan jew policy, attrajenti kemm tista’ tkun attrajenti t-talba ta’ żvilupp.’[4] Meta kriterju ċar tal-policy ma jistax jintlaħaq, min ser jiddeċiedi  għandu jagħti widen u jieqaf hemm.


[1] Ara decizjoni fl-ismijiet Joseph Borg vs L-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mogħtija mit-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar nhar it-30 ta’ Jannar 2014 (App. 657/11 CF., PA 3915/07)

[2] Ara sentenza fl-ismijiet Paul Falzon vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar is-6 ta’ Lulju, 2022 (App. 50/2021)

[3]   Ara sentenza fl-ismijiet Louis Muscat vs Kummissjoni ghallKontroll tal-Izvilupp deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar it-23 ta’ Ġunju 2003

[4] Ara sentenza fl-ismijiet Din l-Art Helwa, Moviment Graffiti, The Archaeological Society Malta, Karl Buhagiar u James Buhagiar vs l-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-kjamat in kawza, Dominic Micallef ghan-nom ta’ Mdina Property Ltd deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar l-1 ta’ Frar 2023 (App. 58/22)