Fejn huwa meħtieġ perit u bennej?

Fejn huwa meħtieġ perit u bennej?

L-Artikolu 95(1) tal-Kap 10 jgħid hekk:

‘ħadd ma jista’ jaħdem is-sengħa ta’ bennej mingħajr liċenza mid-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi’.

Issa, skont l-istess Kap 10, il-kelma “bennej” tfisser hekk:

‘kull persuna li tibni għal kollox jewf’parti, bini tal-ġebel jew tal-madum li ma jkunx mibni bis-sejjieħ,ukoll jekk ix-xogħol magħmul jew mibdi minn din il-persuna jkunjikkonsisti biss fil-bini ta’ ħajt imtella’ biex jagħmel parti minn bini, jew fit-tħaffir ta’ bir, jew fossa, jew fil-bini ta’ loki, sink jew kanal għall-mogħdija ta’ ilma jew materjal maħmuġ.’

Mill-premess isegwi li kwalsijasi struttura tal-ġebel, ħlief meta din tkun tas-sejjiegħ, trid tiġi mwettqa minn bennej bil-liċenzja.

F’dan il-punt, tajjeb pero’ jiġi notat li, sa fejn jikkonċerna tħaffir ta’ siti u twaqqiegħ ta’ bini, il-liġi ma tgħidx li jrid ikun hemm l-ekwivalenti ta’ bennej liċenzjat għal dak it-tip ta’ xogħol. Is-sitwazzjoni, pero’, mistennija tinbidel bid-dħul ta’ liġijiet ġodda.[1]

Niġu issa għar-rwol tal-perit.  Fost il-funzjonijiet varji li normalment nassoċjaw ma’ perit, jiġu mill-ewwel f’moħħna it-tħejjija ta’ pjanti u  applikazzjonijiet biex joħorġu l-permessi, it-tħejjija ta’ kalkoli strutturali, stimi u tender documents, l-għoti ta’ struzzjonijiet lill-benejja u l-eventwali sorveljanza tax-xogħolijiet kif ukoll it-twettieq tal- kejl tax-xogħol li jwassal għaċ-ċertifikazzjoni tal-ħlas relattiv.

Il-professjoni tal-perit hija, fil-fatt, regolata bil- Kap 622[2].

L-Artikolu 3(1) tal-Kap 622 jiddeskrivi l-prattika  tal-perit bil-mod kif isegwi:

‘Il-prattika  tal-arkitettura  u  tal-inġinerija  ċivili  hija professjoni regolata, fid-dawl tal-ħtieġa suprema li jiġi mħares l-interess pubbliku, partikolarment għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet relatati mas-saħħa pubblika u s-sigurtà, ħarsien ambjentali, ħarsien ta’ wirt kulturali, u l-integrità strutturali ta’ binjiet u strutturi li jirriżultaw minn disinn u s-superviżjoni tal-kostruzzjoni ta’ binjiet u xogħlijiet ta’ inġinerija, li jagħti lok għal kompiti relattivi li jkunu riservati esklużivament għal detenturi ta’ warrant minn diversi Liġijiet ta’ Malta.’

Infatti, il-leġislatur irriserva numru ta’ attivitajiet li jirrikjedu b’mod esklussiv is-sehem attiv ta’ perit bil-warrant. Dawn li ġejjin huma ftit eżempji:

Fl-Avviż Legali 136 ta’ l-2019 insibu li perit huwa meħtieġ sabiex, qabel jinbeda x-xogħol, dan joħroġ dikjarazzjoni ta’ metodu meta ser jinbena bini ġdid fuq, jew viċin, proprjeta’ ta’ terzi kif ukoll meta ser jitwaqqa’ bini eżistenti jew jiġi skavat sit  viċin terzi.

Il-Kap 552, ossija l-Att dwar l-Ippjanar u Żvilupp, jirrikjedi li kull applikazzjoni ta’ żvilupp trid tiġi ntavolata minn perit.

Fil-Kap 16 insibu wkoll numru ta’ istanzi fejn il-leġislatur sejjaħ għal ħtieġa ta’ perit. Per eżempju, l-Artikolu 419(b) tal-Kap 16 jgħid li ‘Ebda wieħed mill-ġirien ma jista’ iwaħħal jew ipoġġi mal-ħajt komuni, mingħajr il-kunsens tal-ġar l- ieħor, xi biċċa xogħol ġdida, inkella, jekk dan ma jkunx irid, mingħajr qabel ma jkun stabbilixxa, b’periti, il-mezzi meħtieġa sabiex dik il-biċċa xogħol ġdida ma tkunx ta’ ħsara għall-jeddijiet tal-ġar l-ieħor.’

Interessanti wkoll dak li nsibu fIl-Kap 10, ossija l-Kodiċi tal-Pulizija.  Per eżempju, l-Artikolu 97(q)(ii) irid li qabel il-bidu tal-bini jew tal-bini mill-ġdid ta’ xi dar li l-għoli tagħha mill-aktar  saff  baxx  ta’ reżistenza għall-umdità sa l-ogħla ponta tad-dar, ikun iżjed minn erbgħa u għoxrin metri (normalment, 8 sulari), il-perit inkarigat  għandu  jissottometti  lid-Direttur  tax-Xogħlijiet Pubbliċi il-‘pjanti u dettalji flimkien ma’dawk il-partikolaritajiet l-oħra dwar il-bini jew bini  mill-ġdid  tad-dar  kif  jista’  jkun  meħtieġ mid-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi’ qabel jinbeda x-xogħol. Id-Direttur irid, imbagħad, jagħti parir bil-miktub  lis-Suprintendent  tas-Saħħa Pubblika jekk huwiex sodisfatt illi d-dar meta mibnija jew mibnija skond dawk  il-pjanti,  dettalji  u partikolaritajiet tkunx stabbili u żgura. Detto cio’, jeżisti dubju kemm frankament din ir-regola tiġi osservata fir-rejalta stante li s- Suprintendent  tas-Saħħa Pubblika m’għad għandu ebda sehem fl-ipproċessar ta’  applikazzjonijiet ta’ żvilupp peress li l-Kap 552 u l-Avviż Legali 162 ta’ l-2016 xejnu għal kollox il-mandat tas-Suprintendent li, sa April 2016, kien waħdu responsabbli mil-assesjar tal-materji sanitarji waqt il-proċess ta’ applikazzjoni. Mhux hekk biss. L-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar qed isserraħ fuq dispożizzjonijiet sanitarji ġodda li ntroduċiet tramite l-Avviż Legali 227 ta’ l-2016  mingħajr ma qatt ġew revokati dawk anteċedenti li jinsabu fil-Kodiċi tal- Pulizija.[3]


[1] Abbozz ta’ Liġi sabiex jemenda liġijiet varji dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni

[2] L-Att dwar il-Periti

[3] Artikolu 97 tal-Kap 10