X’jiġri meta l-iSPED u l-policies jinsabu f’kunflitt?

View Categories

X’jiġri meta l-iSPED u l-policies jinsabu f’kunflitt?

4 min read

L-iSPED huwa pjan ħolistiku li joffri strateġija ġenerali li fuqu l-policies tal-ippjanar għandhom ikunu mfassla. Fil-fatt diversi policies tal-iSPED huma objettivi b’dikjarazzjonijiet ġenerali li għandhom iservu bħala gwida għall-formulazzjoni ta’ policies speċifici fuq l-użu tal-art fil-Gżejjer Maltin. L-assessjar tal-Awtorita’, għalhekk ma jistax jieqaf mal-provvedimenti tal-iSPED, iżda għandu jsir b’mod ħolistiku u b’kunsiderazzjonijiet lejn il-policies kollha adottati mill-Awtorita’, inkluż il-Pjani Lokali relattivi u l-policies sussidjarji rimanenti bħalma hija l-linja gwida DC2015.

Kwindi, l-iSPED għandu dejjem jinqara kontestwalment mal-pjanijiet u policies oħra applikabbli u mhux b’mod iżolat.

Mill-banda l-oħra,  huwa minnu li l-liġi tagħraf li jista’ jkun hemm lok ta’ kunflitt. Meta jiġri hekk, jiskatta l-Artikolu 52 tal-Kap. 552 tal-Liġijiet ta’ Malta, liema dispost jipprovdi s-sekwenza ta’ applikabilita’ tal-policies t’ippjanar, skont is-segwenti:

Fiċ-ċirkostanzi fejn iktar minn pjan jew policy waħda japplikaw għall-istess suġġett jew żona u hemm kunflitt materjali bejn kwalunkwe wieħed minnhom, il-preċedenza għandha tingħata fl-ordni li ġejja: l-Istrateġija Spazjali fuq pjan dwar suġġett, il-pjan dwar suġġett fuq il-pjan lokali, il-pjan lokali fuq pjan ta’ azzjoni jew pjan ta’mmaniġġar, il-pjan ta’ azzjoni jew pjan ta’ mmaniġġar fuq il-Brief dwar l-Iżvilupp u l-Brief dwar l-Iżvilupp fuq policies oħra msemmija fl-artikolu 50.

Għaldaqstant, l-Artikolu 52 jispeċifika bl-aktar mod ċar li din il-gradwatorja tapplika meta jkun hemm kunflitt materjali bejn il-policies approvati u mplimentati mill-Awtorita’.

Dan l-Artikolu 52, pero, ma jagħtix lok biex objettiv ta’ liSPED jintuża sempliċiment biex ixejjen jew imur kontra pjan jew policy li huma univoċi u ma jagħtu ebda lok ta’ diskrezzjoni. Dan l-insenjament insibuh rifless  fis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Appell fl-ismijiet Raymond Sammut vs l-Awtorita’ tal-Ippjanar (Appell 16/2020). Dan kien każ, fejn l-appellant talab permess għal bini ta’ erba’ sulari skont kif hemm provdut fil-Pjan Lokali iżda t-Tribunal deherlu li Urban Objective 3 li jagħti l-fakolta’ lill-Awtorita’ tistabilixxi għoli ta’ binjiet biex jipproteġi l-karattru u l-amenita’ ta’ żoni urbani u b’hekk l-applikazzjoni ġiet miċħuda. Hawnhekk, il-Qorti qalet lill-appellant li ma setax jippreżumi illi la darba hu aderixxa mal-pjan lokali dwar l-għoli permissibbli fiż-żona, b’daqshekk għandu dritt awtomatiku għall-approvazzjoni tal-iżvilupp. F’dan il-każ, it-Tribunal sab li Urban Objective 3 tal-iSPED kellu jwassal għall-konklużjoni li l-iżvilupp kif propost, fi triq  karaterizzata b’garages ta’ sular, ma kienx aċċettabbli għax ineħħi mill-karattru urban ta’ din il-parti taż-żona – dan, minkejja li, kif għidna, il-Pjan Lokali kien favur l-għoli propost.

Dan l-attegjament tat-Tribunal mhu xejn sorprentendenti ghaliex, wara kollox, fl-iSPED, insibu car u tond li  ‘Subsidiary Plans will need to take on board the SPED’.

Li huwa iżjed importanti pero f’din is-sentenza huwa s-segwenti:

‘L-Awtorita u t-Tribunal għandhom id-diskrezzjoni li jqisu żvilupp propost flaspetti kollha tiegħu ta’ ippjanar u sakemm objettiv tal-iSPED li hu intiż biex jiggwida u jagħti direzzjoni għall-applikazzjoni aktar effettiva tal-policies u fl-istess waqt għandu l-ogħla preċedenza f’każ ta’ konflitt bejn pjanijiet u policies skont artikolu 52 tal-Kap. 502 u ma jintużax sempliċement biex ixejjen jew imur kontra liġi, pjan jew policy li huma univoċi u ma jagħtu ebda lok ta’ diskrezzjoni, din il-Qorti ma tintromettix ruħha.

B’hekk, din is-sentenza tagħmilha ċara li l-iSPED xorta waħda ma jistax jiġi abbużat kontra l-applikant. L-iSPED qiegħed hemm biex jagħti direzzjoni għall-applikazzjoni aktar effettiva tal-policies iżda  ma jistax jintuża ‘… sempliċement biex ixejjen jew imur kontra liġi, pjan jew policy li huma univoċi u ma jagħtu ebda lok ta’ diskrezzjoni.’

Kwindi, quddiem allegazzjoni ta’ kunflitt, irid jintwera li dan huwa tanġibbli fejn dak li hemm ritenut f’policy u dak li hemm fl-iSPED ma jistgħux raġonevolment jikkonvivu. 

Il-konsegwenza ta’ dan kollu hi li d-decision maker jista’ jibqa’ jimraħ sakemm il-parametri mfassla fl-iSPED ikunu jippermettu – il-marġini sa fejn il-parametri mfassla fl-iSED iħalluk timraħ, ħafna drabi, huma kwistjoni teknika u allura jirrisolvu ruħhom f’punt ta’ fatt li l-Qrati ma jissindikawx sakemm ma jmissux l-estrem tal-assurdita’.