Kemm huwa possibli li sid jirkupra r-raba’ mqabbla jekk il-kerrej kien traskurat?

Kemm huwa possibli li sid jirkupra r-raba’ mqabbla jekk il-kerrej kien traskurat?

Tajjeb wieħed ifakkar x’jgħid il-Kap 16 meta kerrej in ġenerali jinqeda bil-ħaġa mikrija b’mod ħazin. Fil-Kap 16 insibu li l-kerrej għandu obbligu li jinqeda bil-ħaġa mikrija u jaħdem ir-raba’ bħala missier tajjeb tal- familja (Artikoli 1554 u 1555 tal-Kap 16) u għalhekk m’għandux jinqeda biha b’mod li jista’ jġib ħsara lil sid il-kera. Infatti, il- kerrej għandu jwieġeb ukoll għal ‘…tgharriq u ghall-hsarat li jigru matul it-tgawdija tieghu, meta ma jipprovax li dan it-tgharriq jew hsarat graw minghajr htija tieghu’ (Artikolu 1561 tal-Kap 16). In oltre, il- kerrej għandu obligu li jirritorna lura l-ħaġa fi stat tajjeb, ossija l-obbligu  ‘….li jikkunsinna l-haga, u li  jikkonservaha sal- kunsinna’ (Artikolu 1126 tal-Kap 16).

Tista’ tghid li l-Kap 199 irid ukoll li l-bidwi inkwilin jieħu ħsieb l-art mikrija lilu. Infatti, l-Artikolu 4(2)(f) tal-Kap 199 jistipula li hemm lok għar-ripreża jekk ‘matul  is-sentejn  minnufih  qabel  id-data  tat-terminazzjoni,  il-kerrej,  li  jkun  marbut  li  jsewwi  u jżomm fi stat tajjeb il-ħitan tar-raba’, naqas li jwettaq dak  l-obbligu  jew  abitwalment  naqas  li  jħares  xi kondizzjoni oħra tal-kirja jew deliberatament jew bi traskuraġni kkaġuna jew ħalla li tiġi kaġunata ħsara, ħlief ħsara ta’ importanza żgħira, f’xi siġar tal-frott fir-raba’’.

Prima facie, il-liġi qed tgħid li s-sid jista’ jieħu lura r-raba’ jekk  matul is-sentejn, minnufih qabel id-data tat-terminazzjoni, il-kerrej li jkun marbut li jsewwi u jżomm fi stat tajjeb il-ħitan tar-raba’ iżda dan ikun naqas li jwettaq dak l-obbligu jew abitwalment naqas li jħares xi kundizzjoni oħra tal-kirja jew deliberatament jew bi traskuraġni kkaġuna jew ħalla li tiġi kaġunata ħsara, ħlief ħsara t’importanza żgħira f’xi siġar tal-frott fir-raba’.

F’dan l-isfond, il-ġurisprudenza tgħallimna li meta jiġi  ippruvat li min jikri ikun żamm il-ħitan tar-raba’ fi stat verament ħażin, hemm bażi sabiex it-talba tas-sid tiġi milqugħa skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(f) tal-Kap 199. Hekk, per eżempju, qalet il-Qorti tal-Appell (inferjuri) fis-sentenza fl-ismijiet Salvina mart Angelo Mercieca et vs Margaret xebba Attard mogħtija fil-15 ta’ Ġunju, 2011, u cioe’:

‘il-Qorti tħoss li l-appellant għandu raġun għaliex huwa obbligu tal-inkwilin tar-raba’ li jinqeda bil-ħaġa mikrija u jaħdem ir-raba’ bħala missier tajjeb tal-familja skond id-disposizzjonijiet tal-artikolu 1554 u 1555 tal-Kap. 16 u ma għandux jinqeda bl-istess b’mod li jġib ħsara lil sid tal-kera u għall punt partikolari mertu tal-pendenza odjerna jirriżulta li dan l-obbligu jinkludu dak li jżomm fi stat tajjeb ta’ riparazzjoni l-ħitan tar-raba’ għax il-liġi hija konxja mill-importanza tagħhom għall-preservazzjoni tal-ħamrija u bħala lqugħ għall-elementi.’

Il-Qorti żiedet tgħid li kienet lesta li ‘timponi għal dan in-nuqqas is-sanzjoni massima ta’ l-evizzjoni biex tassigura l-osservanza ta’ dan l-obbligu’. Ergo, il-liġi hi evidentement severa mal- inkwilin meta dan jitraskura l-obligu li jżomm fi stat tajjeb ta’ riparazzjoni l-ħitan tar-raba’. 

Detto questo, il-mod kif huwa miktub l-Artikolu 4(2)(f) jista’ jagħtik impressjoni li l- ftehim sabiex l-inkwilin jieħu ħsieb tal-istess ħitan tar-raba’ ird ikun wieħed espress fis-sens li trid tinġieb prova mis-sid li turi illi l-inkwilin kien ġie marbut speċifikament li jsewwi u jżomm fi stat tajjeb il-ħitan tar-raba’, anke jekk irriżulta indubbjament illi l-ħitan tassew mhux miżmuma fi stat tajjeb. Detto questo, hemm numru ta’ sentenzi li juru li tali ftehim espress m’huwiex meħtieġ, b’dan illi l-kerrej huwa tenut jieħu ħsieb il-ħitan tas-sejjiegħ f’kull ċirkostanza (ara sentenza fl-ismijiet Carmela Aquilina vs Teresa Magro deċiża f’Ġunju 1996, sentenza fl-ismijiet Grezzju Caruana et vs Ġużeppi Degabriele deċiża fit-3 ta’ Novembru 2004 u sentenza fl-ismijiet Francis Borg et vs Carmen Agius et deċiża fid-19 ta’ Mejju 2010).

Magħdud dan kollu, jibqa’ dejjem  il- fatt li għad-determinazzjoni tal-ħtija trid tirriżulta ness ta’ kawżalita bejn il-fatt ta’ l- allegata ħsara u l-att jew ommissjoni imputabbli lill-kerrej. Per altro, biex ikun hemm ix-xoljiment tal-kuntratt minħabba ħsara, tali ħsara trid tkun gravi u serja (ara sentenza fl-ismijiet Mallia vs Giordmaina deċiża mill-Prim’Awla fil-11 ta’ Novembru 1957).