Kif għandu jiġi nterpretat l-Artikolu 435 tal-Kap 16?

Kif għandu jiġi nterpretat l-Artikolu 435 tal-Kap 16?

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 434 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘Kull persuna għandha jedd tibni ħajt jew bini fuq il-linja  tal-konfini tal-fond tagħha, bla ħsara tal-jedd tal-ġar li jagħmel komuni l-ħajt kif provdut fl-artikolu 418’.

L-Artikolu 435 tal-Kap 16, imbagħad, jgħid hekk:

‘(1) Għad li l-bini ma jkunx sar fuq il-linja tal-konfini, il ġar jista’, jekk ma jitħalliex għall-anqas il-bogħod ta’ metru u nofs, jitlob li jagħmel komuni l-ħajt, u jista’ jibni sa fejn jasal il-ħajt u jpoġġi miegħu, billi jħallas, ma’ nofs is-siwi tal-ħajt, is-siwi tal-art li jokkupa, kemm-il darba sid l-art ma jagħżilx li joħroġ il-bini tiegħu, fl-istess żmien, sal-linja tal-konfini.

(2) Jekk il-ġar ma jkunx irid jinqeda b’dan il-jedd, huwa għandu jibni l-ħajt jew bini tiegħu b’mod li jkun hemm il-bogħod ta’ tliet metri mill-ħajt jew mill-bini tal-parti l-oħra.

(3) Din ir-regola għandha titħares f’kull każ ieħor meta l-bini tal-parti l-oħra hu bogħod anqas minn tliet metri mill-konfini.

(4) Il-fatt biss li dar jew ħajt li ġa jeżistu jitgħollew, jitqies bini ġdid.’

L-Artikolu 435 tal-Kap 16 jinstab fost id-dispożizzjonijiet fl-ewwel taqsima tat-Tieni Ktieb intitolat “fuq il-jeddijiet fuq il-Beni,” preċiżament fit-Titolu IV, subtitolu I, Kap III intitolat “Fuq il-boghod li ghandu jinzamm f’xi kazijiet.” Kif ser naraw, dawn id-dispożizzjonijiet tal-liġi japplikaw biss fil-każ fejn il-proprjetajiet in kwistjoni jkunu kontigwi. In-neċessita’ tagħhom tiġi mill-presuppost li ma jinħolqux passaġġi u sqaqien idjeq minn tlett metri fil-wisa` tagħhom.

Mela, fl-ewwel lok, permezz ta’ l- Artikolu 434, il-leġislatur jitkellem fuq id-dritt ta’ kull persuna li tibni fuq il-linja tal-konfini tal-art tagħha u li l-ġar jista’ jagħmel dak il-ħajt komuni.

Dwar l-Artikolu 435 nixtieq nagħmel dawn l-osservazzjonijiet:

(i) Is-subinċiż (1) jgħid hekk:

‘(1) Għad li l-bini ma jkunx sar fuq il-linja tal-konfini, il ġar jista’, jekk ma jitħalliex għall-anqas il-bogħod ta’ metru u nofs, jitlob li jagħmel komuni l-ħajt, u jista’ jibni sa fejn jasal il-ħajt u jpoġġi miegħu, billi jħallas, ma’ nofs is-siwi tal-ħajt, is-siwi tal-art li jokkupa, kemm-il darba sid l-art ma jagħżilx li joħroġ il-bini tiegħu, fl-istess żmien, sal-linja tal-konfini’.

Isegwi li jekk wieħed mill-ġirien jibni ħajt diviżorju ‘il ġewwa mil-linja medjana ġol-proprjeta’ tiegħu u d-distanza bejn il-linja medjana u l-wiċċ tal-ħajt hi anqas minn 1.5 metri, il-ġar l-ieħor għandu għażla li jikkomuna dak il-ħajt, billi  ovjament iħallas nofs kemm jiswa l-imsemmi ħajt. Imbagħad, huwa għandu t-tieni għazla, dik  li jqabbad ma’ dak il-ħajt billi jħallas, in oltre, il-prezz ta’ kemm tiswa l-art okkupata.

Kif inhu miktub is-subinċiż (1) ‘…il-ġar jista’…. jitlob li jagħmel komuni l-ħajt, u jista’ jibni sa fejn jasal il-ħajt u jpoġġi miegħu…’ jagħtina x’nifmhu li l-jedd ‘jista’….jitlob li jagħmel komuni l-ħajt’ jista’ jittieħed indipendentement mid-dritt ‘jista’ jibni sa fejn jasal il-ħajt u jpoġġi miegħu’.  Isegwi li t-tieni dritt, ossija li tqabbad mal-ħajt, huwa fakoltattiv u mhux bilfors tużufruwixxih għaliex tkun xtrajt nofs il-ħajt u għamiltu komuni. Li hu żgur, pero’, huwa li jekk il-ħajt għamiltu komuni meta d-distanza bejn il-linja medjana u l-wiċċ tal-ħajt hi anqas minn 1.5 metri, tista’ tmur pass oltre u tqabbad miegħu (ovjament billi wkoll tħallas għall-art).

Jekk mill-banda l-oħra, tiddeċiedi li ma tikkomunax il-ħajt, għandek obligu li tirtira 3 metri ‘il ġewwa minn wiċċ dak il-ħajt darba ser tibni. Dan huwa skont dak li jgħid is-subinċiż (2) u cioe:

‘(2) Jekk il-ġar ma jkunx irid jinqeda b’dan il-jedd, huwa għandu jibni l-ħajt jew bini tiegħu b’mod li jkun hemm il-bogħod ta’ tliet metri mill-ħajt jew mill-bini tal-parti l-oħra’.

(ii) Mill-banda l-oħra, ejja naraw x’jiddisponu is-subinċiżi (2) u (3). Dawn jgħidu hekk:

‘[…]

‘(2) Jekk il-ġar ma jkunx irid jinqeda b’dan il-jedd, huwa għandu jibni l-ħajt jew bini tiegħu b’mod li jkun hemm il-bogħod ta’ tliet metri mill-ħajt jew mill-bini tal-parti l-oħra.

(3) Din ir-regola għandha titħares f’kull każ ieħor meta l-bini tal-parti l-oħra hu bogħod anqas minn tliet metri mill-konfini.

[…]’

Logikament, ‘Din ir-regola’ (test meħud mis-subinċiż (3)) tirreferi għal dak li nsibu ritenut fis- subinċiż (2), u cioe‘Jekk il-ġar ma jkunx irid jinqeda b’dan il-jedd, huwa għandu jibni l-ħajt jew bini tiegħu b’mod li jkun hemm il-bogħod ta’ tliet metri mill-ħajt jew mill-bini tal-parti l-oħra.’ Issa s- subinċiż (2) li jitkellem dwar ‘dan il-jedd’ isegwi subinċiż (1) fejn effettivament hemm spjega ta’ f’hiex jikkonsisti dan ‘il-jedd’.

Liema huwa dan ‘il-jedd’?

Kif rajna, dan ‘il-jedd’ jinqasam fi tnejn – dak li l-ġar għandu għazla li jikkomuna l-ħajt, billi  ovjament iħallas nofs kemm jiswa, kif ukoll it-tieni għazla, dik  li jqabbad ma’ dak il-ħajt billi jħallas, in oltre, il-prezz ta’ kemm tiswa l-art okkupata.

Detto cio, rajna kif it-tieni għazla, ossija dik li tqabbad mal-ħajt, hija fakoltattiva u mhux bilfors tużufruwixxiha għaliex tkun xtrajt nofs il-ħajt biex għamiltu komuni. In poche parole, il-‘jedd’ ritenut f’ subinċiż (2) jippermettilek tmur għall-ewwel dritt (li tixtri nofs il-ħajt) mingħajr m’imbagħad tużufruwixxi t-tieni dritt (li tqabbad miegħu).

Il-konsegwenza ta’ dan kollu hi għalhekk li jekk min bena l-ħajt, dan poġġieh f’distanza ta’ aktar minn 1.5 metri mil-linja medjana iżda anqas minn 3 metri mil-linja medjana, il-parti l-oħra tista’ ‘titlob li tagħmel komuni l-ħajt’ mingħajr ma tħalli distanza ta’ 3 metri kif jgħid is-subinċiż (3).