Jekk naraw il-liġi ordinarja, ossija il-Kap 16, din tgħid illi ‘l-kerrej, matul il-kirja, ma jista’ jagħmel ebda tibdil fil-ħaġa mikrija mingħajr il-kunsens ta’ sid il-kera’ (Artikolu 1564 tal-Kap 16). Detto questo, il-Kap 199 jillimita ruħu għall-espressjoni ‘abitwalment naqas li jħares xi kundizzjoni oħra tal-kirja’ (Artikolu 4(2)(f)).
Jitnissel minn dan appena osservat li l-kerrej, fil-każ ta’ qbiela, jista’ jagħmel tibdil fl-immobbli li qiegħed għandu b’kirja benche ma jkunx ottjena l-kunsens tas-sid basta li dan it-tibdil:
(a) ikun parzjali u mhux ta’ importanza;
(b) ma jbiddilx id-destinazzjoni tal-lokazzjoni;
(c) ma jippreġudikax id-drittijiet tas-sid;
(d) ikun utli jew neċessarju għall-godiment tal-fond;
(e) fit-terminazzjoni tal-lokazzjoni jkun jista’ jiġi b’faċilita’ eliminat u l-fond ikun jista’ jiġi ripristinat u mqiegħed fl-istat li kien qabel.
Għalhekk ir-regola ġenerali li ma jistgħux isiru nnovazzjonijet fil-fond lokat mingħajr il- kunsens tas-sid m’għandhiex tinftiehem bħala regola assoluta u hu mħolli għall- apprezzament tal-ġudikant dwar l-importanza tat-tibdil li jkun sar.
Infatti, il- Qorti ta’ l-Appell fis-sentenza fl-ismijiet Joseph Zerafa vs Toni Casha et. deċiża nhar l- 10 ta’ Mejju 2006 kienet qalet hekk:
‘Il-bini jew tkabbir ta’ ġiebja hu ta’ ġid għar-raba li jirriżulta li l-intimat għamel ħiltu kollha biex isir aħjar. Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għall-permess tas-sidien. Il-bini ta’ żewġt ikmamar fil-ġenb ma jistax jissejjaħ tibdil kbir jew li ġab dannu jew li biddel id-destinazzjoni tal-fond’.
Interessanti wkoll x’kien intqal mill-Qorti ta’ l-Appell fis-sentenza fl-ismijiet George Cachia vs in-Nobbli Robert Manduca et. deċiża fis-26 t’April 1971:
‘ikun abbuż tal-kliem li jingħad li bil-bini ta’ tlett ikmamar, tnejn għal storage tal-prodotti ta’ l-istess raba u tal-għodda, u waħda bħala garage għal vann użat għat-trasport tal-prodotti u in konnessjoni max-xogħol tar-raba, fuq parti żgħira mhux koltivabbli tal-fond, b’xi mod ibiddel id-destinazzjoni tal-fond. Si tratta kif jidher ta’ kerrej li jrid jimmeljora u jġib ‘l quddiem il-koltivazzjoni tar-raba u l-użu tiegħu b’mod aħjar minn kif kien jagħmel missieru u l-predeċessuri tiegħu………… u l-ambjenti li bena huma manifestament utli jekk mhux anke neċessarju għal dan l-iskop…… Dan ix-xogħol bl-ebda mod ma jiddanneġgja lill-appellanti jew jippreġudika d-drittijiet tagħhom, u l-fond jista’ dejjem jiġi riprestinat kif kien qabel meta tispiċċa l-lokazzjoni jekk l-appellanti jkunu hekk iridu’.
Wieħed pero’, xorta waħda, għandu jżomm f’moħħu l-entita’ tal-modifiki fil-fond mikri u li dawn ma jġibu ebda tibdil apprezzabbli lill-ekwilibriju ġuridiku tal-kuntratt bi ħsara għas-sidien tiegħu. L-interventi għandhom ikunu ntiżi għall-esiġenzi u għall-aħjar tgawdija tar-raba’ u ntiżi sabiex ikabbru l-potenzjal agrikolu ta’ l-artijiet (biex ma jitqiesux ħsarat). Dan kollu precizat, l-inkwilin jibqa’ fir-riskju li s-sid ser jigi lura u jghidlu li t-tibdiliet jew addizzjonijiet li seħħew ġabu trasformazzjoni radikali u rriversibbli tali li ma jistgħux jitneħħew fi tmiem il-kirja, sitwazzjoni, din, li tista’ tikkonvinċi ġudikant biex jippronunċja x-xoljiment.