Fl-ewwel lok, tajjeb nidentifikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti li nsibu fil-liġi.
L-Artikolu 455 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘(1) Is-servitujiet huma kontinwi jew mhux kontinwi, li jidhru jew li ma jidhrux.
(2) Is-servitujiet kontinwi huma dawk li l-eżerċizzju tagħhom huwa jew jista’ jkun kontinwu mingħajr ma jkun meħtieġ fil-waqt il-fatt tal-bniedem: hekk huma l-akwedott, l-istilliċidju, il-jedd ta’ prospett, u oħrajn ta’ din ix-xorta.
(3) Is-servitujiet mhux kontinwi huma dawk li għall-eżerċizzju tagħhom hu meħtieġ fil-waqt il-fatt tal-bniedem: hekk huma s-servitujiet ta’ mogħdija, ta’ mili ta’ ilma, u oħrajn bħalhom.
(4) Is-servitujiet li jidhru huma dawk li l-eżistenza tagħhom tidher minn sinjali li jidhru, bħal bieb, tieqa, jew akwedott artifiċjali.
(5) Is-servitujiet li ma jidhrux huma dawk li m’għandhomx sinjali li jidhru tal-eżistenza tagħhom, bħal ma hija l-projbizzjoni li wieħed jibni fuq ċerta art jew li ma jibnix aktar minn ċertu għoli.’
L-Artikolu 447 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘(1) Is-sid li l-fond tiegħu m`għandux ħrug fuq it-triq pubblika, jista` jgiegħel lis-sidien tal-fondi ta` ma` genbu li jagħtuh il-mogħdija meħtiega, bi ħlas ta` kumpens proporzjonat għall-ħsara li ggib dik il-mogħdija.
(2) Din il-mogħdija għandha ssir f`dik il-parti fejn tkun tal-anqas ħsara għall-persuna li fuq il-fond tagħha tigi mogħtija.’
L-Artikolu 448 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘Jekk il-fond ikun sar magħluq minn kull naħa minħabba bejgħ, tpartit, jew qasma, dawk li jkunu biegħu, partu jew qasmu għandhom jagħtu l-mogħdija, bir-rigel, bil-bhima jew bil-karrettun, skont il-kaz , mingħajr l-ebda indennizz.’
L-Artikolu 449 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘Jekk il-mogħdija mogħtija kif jingħad hawn fuq ma tibqax meħtiega, minħabba l-ftuħ ta` triq gdida, jew it-tagħqid tal-fond ma` ieħor li jmiss mat-triq pubblika, is-sid tal-fond serventi jista` jitlob it-tmiem ta` dak il-jedd ta` mogħdija billi jrodd l-indennizz li jkun ħa jew billi ma jissoktax jieħu l-ħlas ta` kull sena li jkun gie miftiehem.’
L-Artikolu 453 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘(1) Meta l-mogħdija jew l-akwedott ikunu jistgħu jittieħdu minn fuq zewg fondi jew izjed li jkunu ta` sidien diversi, is-servitù għandha tigi stabbilita fuq dak il-fond li għal sidu tkun tal-anqas ħsara.
(2) Jekk is-servitù ma tkunx ta` izjed ħsara għal fond milli għal ieħor, is-servitù tigi stabbilita fuq il-fond fejn l-aktar ikun jaqbel għal dak li jitlobha, u dan ma jistax jagħzel fond ieħor mingħajr il- kunsens ta` sidu.’
L-Artikolu 457 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘Is-servitujiet kontinwi u li jidhru jitnisslu –
(a) bis-saħħa ta` titolu;
(b) bil-preskrizzjoni, jekk il-fond li fuqu jig u ezercitati jista` jinkiseb bil-preskrizzjoni;
(c) bid-destinazzjoni tas-sid ta` zewg fondi.’
L-Artikolu 468 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘Is-servitù tigi stabbilita bid-“destinazzjoni ta` sid ta` zewg fondi , meta jigi ppruvat illi z-zewg fondi, issa maqsuma, kienu tal-istess sid, u illi kien dak is-sid li qiegħed jew ħalla l-ħaga fl-istat li minnu titnissel is-servitù.’
L-Artikolu 469 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘(1) Is-servitujiet kontinwi li ma jkunux jidhru, u s-servitujiet mhux kontinwi, ikunu jew ma jkunux jidhru, jistgħu biss jigu stabbiliti b`saħħa ta` titolu huma ma jistgħux jigu stabbiliti bil-preskrizzjoni jew bid-destinazzjoni ta` sid ta` zewg fondi.
(2) B`danakollu, is-servitù ta` mogħdija għall-uzu ta` fond tista` tinkiseb bil-preskrizzjoni ta` tletin sena, jekk dan il-fond ma jkollux ħrug iehor fuq it-triq pubblika u kull servitù oħra li, fil-11 ta` Frar, 1870, kienet ga miksuba taħt ligijiet ta` qabel, ma tistax tigi attakkata.’
L-Artikolu 474 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘(1) Is-sid tal-fond serventi ma jista’ jagħmel xejn li jista’ jnaqqas l-użu tas-servitù jew li jagħmel li dan l-użu jkun ta’ xkiel akbar. Hu ma jistax ibiddel il-kondizzjoni tal-fond, lanqas ma jista’jiddestina għall-eżerċizzju tas-servitù parti oħra tal-fond diversa minn dik li fiha s-servitù kienet ġiet stabbilita fil-bidu.
(2) Iżda, jekk l-eżerċizzju tas-servitù fil-parti jew fuq il-parti tal-fond li fil-bidu tkun ġiet iddestinata jsir ta’ xkiel akbar għas-sid tal-fond serventi, jew jekk dan is-sid ma jkunx jista’ minħabba dan l-eżerċizzju jagħmel xogħlijiet, tiswijiet jew miljoramenti fil-fond tiegħu, hu jista’ joffri lil sid il-fond dominanti parti oħra xorta waħda tajba għall-eżerċizzju tas-servitù, u dan ma jistax jirrifjutaha.
(3) It-tibdil tal-parti tal-fond iddestinata għall-eżerċizzju tas-servitù jista’ wkoll isir fuq talba tas-sid tal-fond dominanti, jekk hu jipprova li dan it-tibdil huwa għalih ta’ ġid kbir, u ma hu ta’ ebda ħsara għall-fond serventi.’
L-Artikolu 475 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘Kull min għandu jedd ta’ servitu’ għandu jinqeda b’dan il-jedd skond it-titolu tiegħu, u ma jista’ jagħmel la fil-fond servjenti u lanqas fil-fond dominanti ebda tibdil li jista’ jtaqqal iżjed il-piż tal-fond serventi.’
L-Artikolu 2115 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘(1) Il-preskrizzjoni tolqot il-jeddijiet u l-azzjonijiet li jmissu lil kull persuna, istitut, jew korp morali, bla distinzjoni, kif ukoll il-beni suggetti għal fedekommess.
(2) Izda, l-eccezzjoni tal-preskrizzjoni ma tistax tingħata kontra jeddijiet u azzjonijiet li jmissu lill-Gvern ta` Malta, ħlief fil-kazijiet imsemmijin fl-artikoli 2149, 2153, 2154, 2155 u 2156.’
Hemm ukoll il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija (Kap 10) li jiddefinixxi “triq” bħala:
‘…kull triq u tinkludi hara, sqaq, pjazza, fortifikazzjoni, jew lok iehor ta` passagg pubbliku.’
Jitnissel mill-preċitat li d-dritt ta’ passaġġ jifforma parti mill-familja ta’ ‘servitujiet kontinwi li ma jkunx jidhru’ u għalhekk, in bażi ta’ l-Artikolu 469(1), tali dritt jista’ jiġi stabbilit biss b`saħħa ta` titolu u mhux bid-destinazzjoni tas-sid ta’ żewġ fondi, jew bil-preskrizzjoni ta’ 30 sena. L-uniku eċċezzjoni li jista’ jkun hemm a rigward hi, kif hemm provdut fl-Artikolu 469(2) tal-Kap 16, meta ‘…il-fond ma jkollux hrug iehor fuq it-triq pubblika……’ F’dak il-każ, u dak il-każ biss, tapplika l-preskrizzjoni ta’ 30 sena.
Si segue li biex wieħed jivvanta dritt fuq passaġġ minn fuq art ta’ ħaddieħor bil- preskrizzjoni ta` tletin (30) sena, l-art ma jridx ikollha aċċess għat-triq minn fuq proprjeta’ oħra. Per altro, tali bżonn t’aċċess minn fuq l-art ta’ ħaddieħor trid tirriżulta minn ċirkostanzi li jkunu ndependenti mill-volonta’ ta’ min ikun qed jirreklama dak id-dritt. Għalhekk, dak li jkun ma jistax, per eżempju, hu stess, joħloq sitwazzjoni fejn ikollu bżonn aċċess minn fuq l-art tal-viċin, u mbagħad jinsisti li l-viċin jikkonċedilu dak id-dritt bil-preskrizzjoni. In poche parole, il-bżonn t’aċċess minn fuq l-art ta` ħaddieħor trid tirriżulta għalhekk minn ċirkostanzi li jkunu ndipendenti mill-volonta’ ta` min ikun qed jirreklama dak id-dritt. In piu, irid ikun hemm interkjużura proprja tal-fond u mhux sempliċimentbogħod mill-fond għat-triq pubblika. Fi kliem ieħor, il-kumdita` ma tagħtix lok għad-dritt ta` passaġġ neċessarju iżda hija l-interkjużura tal-fond li tagħti lok għal dan id-dritt ta` passaġġ. In poche parole, wieħed ma jistax jippretendi li jottjeni dritt ta` passaġġ bis-saħħa tal-preskrizzjoni sempliċiment għaliex huwa iktar komdu għalih li juża dak il-passaġġ minn ieħor.
Per di piu’, meta ċ-ċirkostanzi fattwali jippermettu, sid il-fond servjenti jista’ ukoll jitlob alternattiva differenti fil-mod kif tiġi eżerċitata tali servitu’ fil-limiti tal-Artikolu 474(2) liema artikolu jagħti l-fakolta’ lil sid il-fond servjenti li, fejn dan huwa possibli, joffri lil sid il-fond dominanti parti oħra xorta waħda tajba għall-eżerċizzju tas-servitù b’ dan illi d-dominanti ma jistax jirrifjuta tali offerta.
X’jiġri mill-passaġġi meta art tkun suġġetta għal bejgħ, tpartit jew diviżjoni?
Kif diġa rajna, l-Artikolu 448 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘Jekk il-fond ikun sar maghluq minn kull naha minhabba bejgh, tpartit jew qasma, dawk li jkunu bieghu, partu jew qasmu ghandhom jaghtu l-moghdija bir-rigel, bil-bhima jew bil-karrettun, skond il-kaz minghajr l-ebda indennizz.’
Dan ifisser li jekk il-fond jirrendi ruħu magħluq minn kull naħa minħabba bejgħ, huma dawk li jkunu biegħu li għandhom jagħtu l-mogħdija meħtieġa u mingħajr ebda ndennizz. Ergo, min se jbiegħ ma jistax, l-ewwel, joħloq u jbiegħ biċċ’art bla aċċess, u wara, jimponi fuq terzi obbligu li jipprovdu huma aċċess għax-xerrej!
Jekk ir-raba’ oriġinarjament kellha aċċess dirett għat-triq meta kienet għadha f`idejn il-ġenituri u a tenur ta` l-Artikolu 448 tal-Kap 16 din ‘tinqasam per destinazione di pater familias’ bejn il-werrieta, dawk li messewhom il-porzjonijiet li spiċċaw interkjużi jkollhom kull dritt jippretendu li jingħataw minn ħuthom li messithom ir-raba’ għat-triq, aċċess minn fuq ir-raba’ tagħhom.
Interessanti, pero, x’jgħid l-Artikolu 447 tal-Kap 16. Dan jaqra hekk:
‘(1) Is-sid li l-fond tiegħu m`għandux ħrug fuq it-triq pubblika, jista` jgiegħel lis-sidien tal-fondi ta` ma` genbu li jagħtuh il-mogħdija meħtiega, bi ħlas ta` kumpens proporzjonat għall-ħsara li ggib dik il-mogħdija.
(2) Din il-mogħdija għandha ssir f`dik il-parti fejn tkun tal-anqas ħsara għall-persuna li fuq il-fond tagħha tigi mogħtija.’
Hawn qed ngħidu li wieħed jista` jġiegħel lis-sidien tal-fondi ta` ma’ ġenbu li jagħtuh il-mogħdija meħtieġa bi ħlas ta` kumpens meta dan m’għandux aċċess għal triq pubblika. Naturalment, dan il-passaġġ għandu jkun fejn huwa tal-anqas ħsara għall-fond servjenti. Ta’ min iżid li dan id-dritt ġie estiż anke meta wieħed għandu mezz ta` dħul bir-riġel għall-proprjeta` tiegħu iżda mhux għal dħul ta` vetturi jew inkella l-passaġġ li dak li jkun għandu fuq it-triq pubblika huwa meqjus perikoluz jew li joffri diffikulta’. Ovjament, darba t-terz jiġi provdut aċċess għal triq pubblika fil-futur, is-sid tal-fond serventi jista` dejjem jitlob it-tmiem ta` dak il-jedd ta` mogħdija billi jrodd l-indennizz li jkun ħa jew billi ma jissoktax jieħu l-ħlas ta` kull sena li jkun ġie miftiehem.
Hemm kwistjoni oħra li tmiss mad-dritt ta’ passaġġ u li xtaqt nitkellem dwarha – din hi dwar kemm għandu jkun wiesgħa passaġġ meta m’hemm xejn indikat fil-kuntratt. Il-liġi hija siekta in rigward iżda fis-sentenza fl-ismijiet Vassallo vs Camilleri[1], il-Prim’Awla qalet li passaġġ għal-użu ta’ karrettun m’għandux ikun wiesa’ aktar minn ħames piedi filwaqt li, għar-riġel, għandu jkun żewġ piedi.
[1] Ara sentenza fl-ismijiet Vassallo vs Camilleri mogħtija mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili nhar id-9 ta’ Ottubru 2003