Kif ghandha tigi applikata u nterpretata klawsola penali (penalty clause) f’kuntratt?

View Categories

Kif ghandha tigi applikata u nterpretata klawsola penali (penalty clause) f’kuntratt?

10 min read

DISPOSTI LEGALI

L-Artikolu 1120 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta jistabbilixxi illi:

1120. (1) Il-penali hija l-kumpens tal-ħsara li jbati l-kreditur minħabba n-nuqqas tal-esekuzzjoni tal-obbligazzjoni prinċipali.

(2) Il-kreditur jista’ jaġixxi għall-esekuzzjoni tal-obbligazzjoni prinċipali minflok ma jitlob il-penali li fiha jkun waqa’ d-debitur.

(3) Hu ma jistax jitlob il-ħaġa prinċipali u l-penali flimkien, ħlief meta l-penali tkun ġiet miftiehma għad-dewmien biss.’

L-Artikolu 1121 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta jistabbilixxi illi:

1121. (1) Jekk l-obbligazzjoni tkun li wieħed m’għandux jagħmel xi ħaġa, hu jaqa’ fil-penali hekk kif jikser l-obbligazzjoni.

(2) Jekk l-obbligazzjoni ma setgħetx tiġi esegwita ħlief f’ċertu żmien, id-debitur jaqa’ fil-penali hekk kif jagħlaq dak iż-żmien, kemm-il darba fil-ftehim ma jkunx ġie stabbilit żmien ieħor.

(3) F’ kull każ ieħor, id-debitur jaqa’ fil-penali meta jsir ħati ta’ dewmien, bħal ma jingħad fl-artikolu 1130.’

L-Artikolu 1122 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta jghid hekk:

1122. (1) Il-qorti ma tistax tnaqqas jew ittaffi l-penali ħlief f’dawn il-każijiet:

(a) jekk id-debitur ikun esegwixxa parti mill-obbligazzjoni, u l-kreditur ikun aċċetta espressament il-biċċa li ġiet esegwita;

(b) jekk id-debitur ikun esegwixxa parti mill-obbligazzjoni, u l-parti hekk esegwita, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi partikolari tal-kreditur, tkun biċ-ċar tiswielu. lżda, f’ dan il-każ, ebda tnaqqis ta’ penali ma jista’ jsir, jekk id-debitur, meta ntrabat għall-penali, ikun irrinunzja espressament għal kull tnaqqis jew jekk il-penali tkun ġiet miftiehma għad-dewmien biss.

(2) Meta skont dan l-artikolu l-penali għandha tiġi mnaqqsa, it-tnaqqis għandu jsir fil-proporzjon tal-parti tal-obbligazzjoni li tkun baqgħet mhux esegwita’.

L-Artikolu 1123 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta jghid hekk:

1123. Meta l-obbligazzjoni prinċipali bi klawsola penali jkollha bħala oġġett ħaġa li ma tistax tinqasam, ikun hemm lok għall-ħlas tal-penali wkoll jekk jonqos mill-obbligazzjoni wieħed biss mill-werrieta tad-debitur; u f’ dan il-każ, il-penali tista’ tintalab jew –

(a) kontra dak li jkun naqas għas-somma kollha, jew

(b) kontra kull wieħed mill-werrieta għal sehmu, jew, b’azzjoni ipotekarja għas-somma kollha, bla ħsara tal-jedd ta’ regress kontra dak li jkun naqas’.

L-Artikolu 1124 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta jghid hekk:

1124. (1) Jekk l-obbligazzjoni prinċipali bi klawsola penali tkun diviżibbli, u wieħed mill-werrieta tad-debitur jikser l-obbligazzjoni, jaqa’ fil-penali dak il-werriet biss, u għall-biċċa biss tal-obbligazzjoni prinċipali li għaliha hu kien obbligat, u ma jkun hemm jedd ta’ ebda azzjoni kontra dawk li jkunu esegwew l-obbligazzjoni.

(2) Ir-regola miġjuba fis-subartikolu (1) ma tgħoddx għall-każijiet li fihom il-klawsola penali tkun ġiet magħmula sabiex il-ħlas ma jkunx jista’ jsir f’biċċa, u wieħed mill-werrieta ma jkunx ħalla li l-obbligazzjoni tiġi esegwita kollha. F’dan il-każ, tista’ tiġi mitluba mingħand dan il-werriet il-penali kollha, u mingħand il-werrieta l-oħra s-sehem biss tagħhom, bla ħsara tal-jedd ta’ regress li dawn għandhom kontra l-werriet li jkun naqas mill-obbligazzjoni’.

L-Artikolu 1125 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta jghid hekk:

1125. Kull minn jonqos li jesegwixxi obbligazzjoni li huwa jkun ikkuntratta, hu obbligat għad-danni’.

L-Artikolu 1126 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta jghid hekk:

‘1126. (1) Fl-obbligazzjoni li biha wieħed jintrabat li jagħti ħaġa tidħol l-obbligazzjoni li jikkunsinna l-ħaġa, u li jikkonservaha sal-kunsinna.

(2) Jekk id-debitur ikun in mora fil-kunsinna tal-ħaġa, il-ħaġa tibqa’ għar-riskju u periklu tiegħu, għalkemm qabel il-mora kienet għar-riskju u periklu tal-kreditur’.

L-Artikolu 1127 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta jghid hekk:

1127. Fil-każ li ma tiġix esegwita obbligazzjoni li biha wieħed ikun intrabat li jagħmel xi ħaġa, il-kreditur jista’ jiġi mogħti s-setgħa li jieħu ħsieb jesegwiha huwa nnifsu bi spejjeż tad-debitur’.

L-Artikolu 1128 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta jghid hekk:

1128. Jekk l-obbligazzjoni tkun li wieħed m’ għandux jagħmel xi ħaġa, id-debitur li jonqos mill-obbligazzjoni hu obbligat għad-danni minħabba biss li jkun hekk naqas.’

L-Artikolu 1129 tal-Kap 16 tal-Liġijiet ta’ Malta jghid hekk:

1129. Bla ħsara tal-jedd tiegħu għad-danni, il-kreditur jista’ jitlob li tiġi mneħħija kull ħaġa li tkun saret bi ksur tal-obbligazzjoni, u jista’ jiġi mogħti s-setgħa li jneħħiha hu stess bi spejjeż tad-debitur’.

L-Artikolu 1130 tal-Kap 16 imbaghad jghid hekk:

1130. (1) Jekk l-obbligazzjoni tkun li wieħed għandu jagħti jew jagħmel, u fil-ftehim ikun ġie stabbilit żmien, id-debitur jiġi mqiegħed in mora bl-egħluq biss ta’ dak iż-żmien, bla ħsara, għal dawk li huma mgħaxijiet imsemmijin fl-artikolu 1141, tad-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu.

(2) Jekk fil-ftehim ma jkun ġie stabbilit ebda żmien, jew jekk iż-żmien ikun jagħlaq wara l-mewt tad-debitur, id-debitur jew il-werriet tiegħu ma jiġix imqiegħed in mora ħlief wara li jiġi msejjaħ b’ att ġudizzjarju’.

Minn dawn id-disposti jsegwi li ‘penali’ huwa kumpens favur il-kreditur li jitnissel minn ftehim volontarju bejn il-kontraenti. L-iskop tal-penali huwa li jiddiswadi d-debitur milli jibqa’ inadempjenti fit-twettieq tal-obbligazzjoni principali li jkun dahal ghaliha. Darba id-debitur jaghmel tajjeb bil-penali, il-komportament illeċitu tieghu jigi sanzjonat. Tajjeb jintqal li l-klawzola tal-penali tehles lill-kreditur tal-obbligazzjoni mill-obbligu li jġib prova li huwa ġarrab ħsara – kwindi, kull ma jrid juri l-kreditur huwa li d-debitur tal-obbligazzjoni ma jkunx wettaq dak li jkun intrabat miegħu li jagħmel. Penali huma, ghalhekk, danni konvenzjonali u mhux gudizzjali fis-sens li l-penali huma danni pre-likwidati, fejn il-kontraenti jiftiehmu minn qabel li, f’kaz ta’ ksur tal-kuntratt, id-danni rizarcibbli jkunu tant, kwantifikati minn qabel. Fi kliem iehor, min jobbliga ruħu taħt penali li josserva l-obbligi minnu assunti hu obbligat iħallas dik il-penali jekk ma jipprovax hu illi kien hemm xi raġuni li teżentah minn dik il-penali.[1]

Ta’ min izid, pero, li kreditur jista’ dejjem jaġixxi għat-twettieq tal-obbligazzjoni prinċipali minflok ma jitlob il-penali li fiha jkun inkorra d-debitur. Dan ma jghoddx meta l-penali tkun ġiet pattwita għad-dewmien biss stante li, f’dak il-kaz, kreditur jista’ jitlob il-ħaġa prinċipali u l-penali flimkien. L-appaltatur, hawnhekk, ma jistax, gratia argumenti, juza l-argument li  ż-żmien għat-tlestija tal-proġett twal għaliex l-appaltant naqas milli javversa pagamenti fil-ħin. L-uniku difiza li qatt jista’ jkun hemm ghall-appaltatur huwa meta l-inadempjenza hija konsegwenza ta’ xi aġir lil hinn mill-kontroll tieghu bhal, nghidu ahna, meta l-perit imqabbad mill-appaltant jonqos milli jfornih bil-pjanti strutturali fil-hin u jispicca b’idejh fuq zaqqu.  

TEMPERAMENT TAL-PENALI

In via ta’ principju, il-kuntratti magħmulin skont il-liġi ghandhom is-saħħa ta’ liġi sakemm, ovjament, dawn ikunu saru bl-indipendenza personali tal-kontraenti rispettivi. B’hekk, dak miftihem ma jistax jigi mħassar ħlief bil-kunsens tal-partijiet jew għal raġunijiet magħrufa mil-liġi.  Il-Qorti, ghalhekk, ma tistax tissostitwixxi d-diskrezzjoni soggettiva taghha ghar-rieda tal-partijiet li jkunu stabbilew bejniethom il-quantum tad-danni.

Detto questo, ix-xejriet fil-ġurisprudenza lokali qed jindikaw ċaqlieq favur it-temperament tal-penali li għandhom jiġu likwidati u dan in omaġġ tal-prinċipju li l-kuntratti għandhom jiġu eżegwiti in buona fede u l-likwidazzjoni tal-penali li ssir m’għandhiex toħloq il-possibilità li jkun hemm konsegwenzi assurdi. Dan jista’ jsehh fil-kuntest ta’ l-Artikolu 993 tal-Kap 16 li jghid hekk:

993. Il-kuntratti għandhom jiġu esegwiti bil-bona fidi, u jobbligaw mhux biss għal dak li jingħad fihom, iżda wkoll għall-konsegwenzi kollha li ġġib magħha l-obbligazzjoni skont ix-xorta tagħha, bl-ekwità, bl-użu jew bil-liġi.’

L-imsemmi Artikolu 993 jaghmilha cara li l-kuntratti għandhom jiġu esegwiti bil-bona fidi u li dawn jobbligaw mhux biss għal dak li jingħad fihom iżda wkoll għall-konsegwenzi kollha li ġġib magħha l-obbligazzjoni skont ix-xorta tagħha, bl-ekwità, bl-użu jew bil-liġi. Issa, ma’ dan il-kuncett ta’ bona fidi jidħol ukoll ċertu element ta’ ekwità kif ukoll ta’ sens prattiku u morali li jiġi vjolat mhux biss meta konfrontat b’aġir speċifiku doluż biex jagħmel il-ħsara, iżda wkoll b’dak il-komportament li jkun għal kollox sproporzjonat u li ma jkunx aċċettabbli skont in-normi stabbiliti tas-soċjetà u tal-loġika ġuridika. Dwar din it-tematika jitkellem ukoll il-Professur Victor Caruana Galizia fejn jispjega li l-kontraenti  ‘…  should never be allowed to evade the faithful performance of the contract by deviating from what their intention is presumed to have been at the moment the contract was concluded.’[2]

Interessanti, fil-fatt, dak li kien deciz fis-sentenza fl-ismijiet Mary Calleja Urry et vs. Joseph Portelli et, mogħtija mill-Qorti tal-Appell (Superjuri) fil-25 ta’ Frar, 2011, li għamlet is-segwenti kunsiderazzjonijiet:

‘Jidher għalhekk li l-idea hi li l-penali eċċessivi jistgħu jiġu riveduti u mibdula. Fil-fehma tal-Qorti din is-sistema hi dik li l-aktar tagħmel sens in kwantu tiżgura li irrispettivament ta’ dak li jkunu ftehemu l-partijiet, ma tinħoloqx il-possibilità li jkun hemm konsegwenzi assurdi. Fil-liġi Maltija ma nsibu l-ebda provvediment li jgħid li l-Qorti għandha l-jedd li tnaqqas il-penali fejn din tirriżulta li hi eċċessiva. Il-prinċipju ġenerali hu li l-kuntratt jirrifletti l-ftehim tal-partijiet u l-kuntratt għandu jkun eżegwibbli. L-atturi għamlu riferenza għal sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (per Imħ. J.R. Micallef) fl-ismijiet Baggit Enterprises Limited vs Jeffrey Chetcuti et deċiża fil-15 ta’ April, 2002 fejn ġie osservat il-prinċipju li ftehim bejn il-partijiet għandu s-saħħa ta’ liġi bejniethom “… u l-ebda qorti m’għandha tindaħal fi ftehim bħal dan jekk ma jkunx milqut b’xi difett li ġġibu ma jiswiex.”’

F’kaz iehor izjed ricenti, din id-darba fl-ismijiet Fithome Creative Interiors Limited vs Doctor Tonio Ellul u Doctor Anne Louise Ellul Cachia Caruana deciz mill-Qorti tal-Appell nhar id-29 ta’ Settembru, 2021 (App52/2020), is-soċjetà appellata minn jedda aċċettat il-klawsola penali nkluża fil-kuntratt ta’ appalt, imma minkejja dan, il-lanjanza ewlenija tagħha f’dan l-appell kienet dwar il-quantum tad-danni li hija sfat esposta għalihom bil-ftehim iffirmat minnha. L-appalt in kwistjoni kien jiswa’ ftit aktar minn €460,000 filwaqt li l- penali amontaw ghal  €89,000, allura 1/5 ta’ dak li s-soċjetà appellata ħadmet għalih. Il-Qorti qalet hekk:

‘Fil-fehma tal-Qorti, huwa hawn fejn interpretazzjoni stretta tal-klawsola tal-penali naqset milli tagħmel ġustizzja bejn il-partijiet, għaliex il-penali likwidata mit-Tribunal tammonta għal perċentwal sostanzjali tal-valur tal-kuntratt. Il-Qorti kkonsidrat ukoll li f’dan il-każ, il-proċeduri arbitrali ġew oriġinarjament istitwiti mis-soċjetà appellata għaliex kien għad għandha bilanċ x’tirċievi mingħand il-konjuġi Ellul, u kien biss fil-kontrotalba li l-appellati ressqu l-pretensjoni tagħhom għall-ħlas tal-penali spettanti lilhom. Il-Qorti għalhekk sejra tittempera fuq bażi arbitrio boni viri l-ammont tal-penali li għandhom jitħallsu mis-soċjetà appellanta lill-appellati fis-somma ta’ ħamsin elf Euro (€50,000)’.

Kwindi, illum huwa pacifiku accettat li minkejja dak miftihem f’kuntratt ma jistax, almenu per via ta’ principju, jigi mħassar ħlief bil-kunsens tal-partijiet, il-Qrati huma favur ‘… l-idea li l-penali eċċessivi jistgħu jiġu riveduti u mibdula’ meta dak miftiehem fil-klawsola penali jkun ser iwassal ghall-‘…. possibilità li jkun hemm konsegwenzi assurdi.’


[1] Ara sentenza fl-ismijiet Nicola Callus et vs Nicolina Farrugia deciza mill-Qorti tal-Appell nhar il-5 ta’ Ġunju, 1959

[2] Notes on Civil Law, Laws III Year (Riveduti minn Profs. J.M. Ganado). 1978 paġna 288