DAĦLA
Applikazzjoni għal permess ta’ żvilupp tiġi proċessata minn case officer. Wara li jagħmel l-evalwazzjoni tagħha, dan iħejji rakkomandazzjoni (DPAr) fejn jagħti parir dwar jekk dak mitlub għandux jintlaqa’ jew le.
Darba jitlesta dan id-DPAr, il-perit tal-applikazzjoni u l-oġġezzjonanti reġistrati (jekk ikun hemm) jkollhom terminu biex jirrispondu. Id- DPAr u r-risposta tal-perit u l-oġġezzjonanti jgħaddu mbagħad f’ħoġor il-Kummissjoni tal-Ippjanar (jew il-Bord tal-Ippjanar skont il-każ) li hija fil-liberta’ li tagħżel jekk taqbilx mar-rapport jew le u tiddeċiedi dwar jekk il-permess għandux jingħata.
Approfondiment ta’ dan il-ħsieb insibuh professat fis-sentenza fl-ismijiet Dr Simon Busuttil vs l-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-kjamat in kawża Pamela Cordina[1] fejn ingħad hekk:
‘…Il-case officer ta l-parir tieghu dwar l-izvilupp u liema policies u f’dan il-kaz liema cirkolari japplikaw. Wiehed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx pero tali rapport jersaq quddiem il- Kummissjoni li hi fil-liberta timxi skont jew kontra tali rapport wara li tisma l-partijiet interessati’.
Tqum il-mistoqsija dwar jekk il-perit li jkun qed jieħu ħsieb l-applikazzjoni għandux il-jedd ibiddel il-pjanti fil-proċess tal-applikazzjoni. Ser niffoka, l-ewwel, dwar l-istadju ta’ qabel jinħareġ id-DPAr u, imbagħad, ngħaddi għall-istadju ta’ wara, u cioe’ sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni finali.
TIBDIL FIL-PJANTI QABEL ID-DPAR
L-Artikolu 5(1)(b) tal-Leġislazzjoni Sussidjara 552.13 jgħid hekk:
‘wara d-data tal-validazzjoni u matul l-ipproċessar tal-applikazzjoni, iżda qabel l-iffinalizzar tar-rapport, u sakemm it-tibdiliet jikkostitwixxu talba għal emendi żgħar kif indikat fir-regolament 15 u b’dana illi jekk tkun saret talba skont ir-regolament 12(1) din tkun ġiet sodisfatta’.
L-Artikolu 5(1)(b) hawn fuq kwotat jgħid ċar illi bidliet fl-applikazzjoni li jikkostitwixxu tibdil żgħir jistgħu jsiru mill-applikant wara d-data tal-validazzjoni u anke matul l-ipproċessar iżda, dejjem, qabel il-finalizzar tar-rapport. Hawnhekk isir aċċenn għall-fatt li l-bdil ma jistax ikun materjali.
Issa, it-tifsira ta’ ‘tibdil materjali’ fil-Leġislazzjoni Sussidjara 552.13 hija din:
‘”tibdil materjali” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:
(a) bidla fil-konfigurazzjoni tas-sit li żżid l-area tas-sit b’aktar minn ħamsa fil-mija u liema tibdil fl-area tas-sit ma jġibx miegħu bidla fil-kategorija tal-proposta skont l-iskedi ta’ dawn ir-regolamenti;
(b) żjieda fl-għadd ta’ sulari;
(ċ) żjieda fl-għoli tal-bini li jaqbeż l-ogħla limitu tal-għolif ’metri;
(d) żjieda fil-volum, area jew unitajiet b’aktar minn għaxra fil-mija li ma ġġibx magħha bidla fil-kategorija tal-proposat skont l-iskedi ta’ dawn ir-regolamenti;
(e) bidla fl-użu propost li ma jaqax taħt l-artikolu 3(1) tal-Ordni tal-2014 dwar il-Klassijiet ta’ Użu fl-Ippjanar tal-Iżvilupp;
(f) bidla fl-allinjament uffiċjali tal-bini;
(g) bidla fil-pożizzjoni ta’ żvilupp/i fis-sit iżda li ssir f’żona soġġetta għal restrizzjonijiet addizzjonali; jew
(h) bidla fil-posizzjonar tal-aċċess tal-vetturi fl-iżvilupp/ili twassal sabiex l-aċċess tal-vetturi jiġi mqiegħed fi triq differenti’.
L-Artikolu 15 tal-Leġislazzjoni Sussidjara 552.13 imbagħad jgħid hekk:
‘(1) Talbiet għal emendi żgħar jistgħu jiġu biss sottomessi sabiex jemendaw disinji u dokumenti approvati ta’ permessi ta’ żvilupp u għandhom ikun magħmula mill-istess perit u applicant tal-applikazzjoni oriġinali, kemm-il darba ma jkunux ġew osservati l-proċeduri ta’ bidla ta’ perit u bidla ta’ applikant.
(2) Kundizzjonijiet tal-permessi ma jistgħux jiġu emendati permezz tal-proċedura biex isiru emendi żgħar.
(3) Emendi lid-disinji u dokumenti approvati għandhom jitqiesu bħala emendi żgħar meta jkunu dwar:
(a) tibdil li jirreferi għal żvilupp li huwa xort’oħra aċċettat taħt ordni ta’ żvilupp;
(b) tibdil li jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(i) ma jirriżultax fi żvilupp li ma jaqbilx aktar mal-karattru taż-żona tal-madwar;
(ii) ma jbiddilx b’mod sinifikattiv il-forma ġenerali jew in-natura tal-iżvilupp;
(iii) ma jinvolvix bidla fl-użu jew fin-numru ta’ unitajiet permessi;
(iv) ma jaffettwax is-sustanza jew forma ġenerali ta ’skema ta’ landscaping;
(v) ma jwassalx għall-ħtieġa ta’ parkeġġ addizzjonali ta’ vetturi fuq is-sit, li ma jistgħax jiġi pprovdut fiżikament fuq is-sit;
(vi) ma jikkostitwix xi tibdil materjali mid-disinji approvati qabel;
(vii) ma jestendix lil hinn mill-bini jew mill-konfini tas-sit kif imfissra fuq il-pjanta tas-sit u d-disinji approvati; u
(viii) ma jaffettwax l-oġġezzjonijiet li jkunu saru matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika fejn dawn ikunu sostanzjali għad-deċiżjoni.
(4) Talbiet għal emendi żgħar għandhom jiġu ppreżentati permezz tas-sistema elettronika, kemm -il darba:
(a) tiġi użata u mimlija kif imiss il-formola tal-applikazzjoni għal emendi żgħar; u
(b) il-permess ma jkunx skada u jkun għadu validu.
(5) It-talba għal emendi żgħar għandha tinkludi:
(a) disinji u dokumenti emendati;
(b) il-ħlas dovut kif imiss; u
(ċ) reviżjoni jew aġġornament ta’ kull dokument approvat, meta dan ikun japplika.
(6) Kull disinn għandu juri b’mod ċar il-bidliet kollha proposti b’kuluri konvenzjonali. Il-kodifikażzjoni bil-kuluri għandha tiġi indikata fuq l-istess disinn. Għandhom jinżammu l-istess numru u format tad-disinji (inkluż il-pożizzjonar tad-disinji tas-sulari, elevazzjonijiet, sezzjonijiet fuq id-disinji).
(7) Wara talba għal emendi żgħar jistgħu jkunu meħtieġa reviżjonijiet lid-dokumenti approvati, bħal emendi fir-Rapporti dwar is-Sigurtà minn Nirien u l-Ventilazzjoni, Rapporti tal-Aċċessibilità ta’ Awditjar, Dikjarazzjonijiet ta’ Metodi ta’ Restawr, jew kondizzjonijiet stabbiliti minn Awtoritajiet jew Dipartimenti tal-Gvern oħra. F’każijiet bħal dawk, dawn il-verifiki opportuni għandhom jintalbu miċ-Chairperson Eżekuttiv mill-konsulenti rispettivi. Il-konsulenti rispettivi għandhom iwiegbu fi żmien ħmistax -il ġurnata, u fin-nuqqas għandu jitqies li ma jkun hemm ebda oġġezzjoni minn dik ir-reviżjoni. Ebda sottomissjoni tardiva ma tiġi aċċettata. Notifika lill-konsulent li tagħti prova tad-data tardiva tas-sottomissjoni għandha tittella’ fuq is-sistema elettronika.
(8) Talbiet għal emendi żgħar għandhom jiġu trattati miċ-Chairperson Eżekuttiv u deċiżjoni għandha tinħareġ mhux aktar tard minn tletin ġurnata minn sottomissjoni elettronika kompleta.
(9) Partijiet reġistrati interessati għandhom ikunu notifikati li tkun saret talba għal emendi żgħar. Meta parti reġistrata interessata tissottometti oġġezzjoni għal talba għal emendi żgħar fi żmien ħmistax-il ġurnata min-notifika li tkun saret talba għal emendi żgħar, it-talba għal emendi żgħar għandha tkun ipproċessata miċ-Chairperson Eżekuttiv u r-rakkomandazzjoni għandha tkun riferita lill-Bord tal-Ippjanar u dan, fl-ebda każ, mhux aktar tard minn tletin ġurnata mis-sottomissjoni tat-talba għal-emendi żgħar.
(10) Kull talba għal emendi żgħar li ma tkunx konformi ma’ xi wieħed mis-subregolamenti (1) sa (9) għandha tiġi rifjutata miċ-Chairperson Eżekuttiv jew mill-Bord tal-Ippjanar, skont il-każ, sakemm il-korp li jkun qed jiddeċiedi jispeċifika b’mod ċar ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ dawk it-talbiet. M’għandu jkun hemm ebda rifużjoni tal-ħlasijiet li jkunu saru. Il-kundizzjonijiet tal-permess oriġinali għandhom dejjem jibqgħu validi u l-iżvilupp, kif emendat, jibqa’ soġġett għal dawk il-kondizzjonijiet. Il-validità tal-approvazzjoni tal-emendi żgħar tiskadi mal-validità tal-permess.
(11) M’għandu jkun hemm ebda dritt ta’ konsiderazzjoni mill-ġdid jew appell minn deċiżjoni dwar talba għal emendi żgħar. Meta t-talba ma tistax tiġi kunsidrata permezz tal-proċedura ta’ emendi żgħar jew ordni ta’ żvilupp, għandha tiġi preżentata applikazzjoni għal żvilupp komplet.’
Jitnissel minn dak hawn fuq ċitat li wara li l-case officer ikun lesta r-rapport tiegħu (id-DPAr), il-perit ikun mistieden jagħmel il- kummenti tiegħu. Detto cio’, il-perit m’għandux il-fakolta’ li jibgħat pjanti ġodda bħala parti mir-risposta lill-case officer. Kif rajna aktar ‘il fuq, it-tibdil irid ikun sar ‘qabel l-iffinalizzar tar-rapport’. Ma jistax għalhekk, gratia argumenti, il-perit iressaq pjanti riveduti qabel is-seduta tal-Kummissjoni wara li jinħareġ id-DPAr u jippretendi li l-Kummissjoni tibgħat dan l-inkartament lill-case officer għall-assessjar mill-ġdid bħalma ġara fil-każ ta’ Nadine Xuereb.[2]
Il-perit jista’, invece, jikkummenta b’risposta għad-DPAr u jissenjala li huwa lest li jaderixxi ma’ dak li l-Kummissjoni jogħġobha timponilu.
IL-POTERI TAL-KUMMISSJONI LI TITLOB PJANTI ĠODDA
Darba tlesta r-rapport tal-case officer, il-Kummissjoni trid tieħu pożizzjoni dwaru u mhux tqis pjanti emendati li jingħatawlha mill-perit a sua sponte.
Detto cio’, ir-Regolament 13 tal- Leġislazzjoni Sussidjara 552.13 jgħid hekk:
‘(1) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Att u ta’ dawn ir-regolamenti, il-Bord tal-Ippjanar għandu jappunta l-ewwel seduta li matulha għandha tiġi diskussa l-applikazzjoni għal żvilupp mill-Bord tal-Ippjanar fi żmien mitt ġurnata mid-data ta’ validazzjoni:
Iżda ż-żmien fuq imsemmi ma japplikax għall-applikazzjonijiet għal żvilupp li jaqgħu taħt id-dispożizzjoinijiet tal-iSkeda 2:
Iżda l-perijodu fuq imsemmi għandu jiġi estiż b’perijodi ulterjuri kull meta estensjoni tkun meħtieġa taħt dawn ir-regolamenti:
Iżda ukoll, iċ-Chairperson Eżekuttiv jista’ jirtira kull applikazzjoni mill-aġenda għal reviżjoni ulterjuri kif ikun meħtieġ.
(2) It-termini stabbiliti fis-sub-regolament (1) m’għandhomx jiġu sospiżi sakemm:
(a) ma jiġix provdut mod ieħor fl-Att; jew
(b) kull meta l-Ministru jikkomunika lill-Awtorità li policy partikolari tkun qed tiġi riveduta, u f’dak il-każ ,l-Awtorità għandha tinnotifika lill-pubbliku b’tali intenzjoni permezz ta’ pubblikażzjoni fuq is-sit elettroniku tagħha u l-Bord tal-Ippjanar jirċievi talba minn applikant fil-perijodu stabbilit fir-regolament 12(5). Is-sospensjoni għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm il-policy li qed tiġi riveduta tidħol fis-seħħ jew sakemm l-applikant jirtira it-talba għas-sospensjoni.
(3) Fiċ-ċirkostanzi fejn –
(a) iċ-Chairperson Eżekuttiv ikun mitlub li l-proposta flimkien mal-isem tal-applikant jerġgħu jiġu pubblikati fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Informazzjoni kif ukoll reklamati mill-ġdid permezz ta’ avviż mwaħħal fuq is-sit, f’tali każ it-termini stabbiliti taħt is-subregolament (1) għandhom jiġu awtomatikament estiżi b’perjodu ta’ sitt ġimgħat;
(b) l-applikant jagħmel talba, fiż-żmien stabbilit fir-regolament 12(5), għal differiment tas-seduta tal-Bord tal-Ippjanar bażat fuq raġuni valida, u dik it-talba tiġi milqugħa, it-termini stabbiliti taħt is-subregolament (1) għandhom jiġu awtomatikament estiżi b’perjodu ta’ erba’ ġimgħat.
(4)(a) Il-Bord tal-Ippjanar għandu jiddeċiedi u jiddetermina kwalunkwe applikazzjoni matul l-ewwel seduta, ħlief jekk talba għas-sospensjoni jew differiment tkun ġiet milqugħa. Matul l-ewwel seduta, iċ-Chairperson tal-Bord tal-Ippjanar għandu jitlob lil kull membru tal-Bord preżenti għall-ewwel seduta biex jesprimi opinjoni proviżorja fuq ir-rakkomandazzjoni taċ-Chairperson Eżekuttiv. Jekk il-maġġoranza tal-membr ital-Bord tal-Ippjanar preżenti għall-ewwel seduta jesprimu opinjoni proviżorja li, jekk ma jingħatawx aktar kjarifiki, l-intenzjoni tagħhom hi li jmorru kontra ir-rakkomandazzjoni taċ-Chairperson Eżekuttiv, il-Bord tal-Ippjanar għandu, flimkien mar-rekwiżiti tal-Att, jiddiferixxi d-deċizjoni tal-applikazzjoni fiż-żmien li ma jeċċedix sitt ġimgħat, jipproponi lista ta’kondizzjonijiet jew raġunijiet ta’ rifjut, u jżid il-kummenti fis-sezzjoni tan-noti tal-kumitat fir-rapport. Il-perit, l-applikant, il-partijiet reġistrati interessati, il-konsulenti esterni u konsulenti oħra għandhom ikunu informati bil-proposti tal-Bord tal-Ippjanar qabel id-data tas-seduta li għaliha ikun differit is-smigħ:
Iżda li, f’każ ta’ applikazzjoni soġġetta għall-proċess tal-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali, il-Bord tal-Ippjanar għandu jagħti konsiderazzjoni wkoll lir-rapport finali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, maħruġ bħala parti mill-proċess tal-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali.
(b) Il-Bord tal-Ippjanar jista’:
(i) jitlob lill-applikant li jippreżenta pjanti ġodda u dokumenti, f’liema każ il-Bord tal-Ippjanar għandu jagħti r-raġunijiet għal dik it-talba u sakemm dik it-talba ma tikkostitwix tibdil materjali;
(ii) jitlob lill-applikant li jipproduċi informazzjoni ulterjuri, f’liema każ il-Bord tal-Ippjanar għandu jagħti r-raġunijiet għal dik it-talba għal informazzjoni ulterjuri, jew
(iii) jikkonsulta skont l-artikolu 31 tal-Att, f’liema każ il-Bord tal-Ippjanar għandu jagħti ragunijiet għall-ħtieġa ta’ dik il-konsultazzjoni, f’liema każ il-Bord tal-Ippjanar għandu, matul is-seduta, ma jagħtix deċiżjoni dwar l-applikazzjoni u jistabbilixxi data għas-seduta li jmiss għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni, u din id-data m’għandhiex tkun aktar tard minn sitt ġimgħat mid-data tal-aħħar seduta:
Iżda kull konsulent estern u, jew konsulenti oħra u, jew persuna li tkun għamlet sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni skont l-artikolu 71(6) tal-Att għandhom ikunu infurmati li pjanti u d-dokumenti ġodda, informazzjoni ulterjuri u risposti għall-konsultazzjoni skont l-artikolu 31 tal-Att ġew hekk ippreżentati u għandhom ukoll jiġu mistiedna sabiex ikunu preżenti waqt is-seduta tal-Bord tal-Ippjanar, skont kif ikun il-każ, meta dik l-applikazzjoni tiġi diskussa.
Iżda kwalunkwe pjanti u dokumenti ġodda, u informazzjoni ulterjuri kif imsemmija qabel, għandhom jiġu sottomessi minn tal-inqas ġimagħtejn qabel id-data tas-smigħ:
Iżda kwalunkwe pjanti u dokumenti ġodda, u kull informazzjoni u risposti għal konsultazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 31 tal-Att kif fuq msemmija, għandhom jiġu sottomessi mhux aktar tard minn ħmistax-il ġurnata qabel id-data tas-seduta li tkun tmiss u għandhom jiġu riferuti direttament lill-Bord tal-Ippjanar:
Iżda wkoll il-Bord tal-Ippjanar jista’ wkoll jiddelega liċ-Chairperson jew lil xi wieħed mill-membri tiegħu, is-setgħa sabiex japprova l-pjanti riveduti jew id-dokumenti li jkollhom x’jaqsmu ma’ kull applikazzjoni li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata minnu iżda ma jistax jiddelega dik is-setgħa liċ-Chairperson Eżekuttiv.
(5) Jekk il-Bord tal-Ippjanar jimponi ħlas ta’ multa, kontribuzzjoni għal gwadann tal-ippjanar jew kwalunkwe kontribuzzjoni oħra, jew li tingħata garanzija finanzjarja jew kwalunkwe rekwiżit ieħor, bħala kondizzjoni għall-approvazzjoni tal-permess tal-iżvilupp, l-applikant għandu, sakemm ma jkollux istruzzjonijiet oħra mill-Bord tal-Ippjanar skont il-parametri ki fstabbiliti f’regolamenti dwar il-ħlasijiet u kontribuzzjonijiet, jagħmel tali ħlas fi żmien sitt xhur mid-data tan-notifika ta’ avviż f’dan is-sens, u fin-nuqqas, l-applikazzjoni tiġi miċħuda.
(6) Il-Bord tal-Ippjanar għandu jkun awtorizzat jemenda il-proposta ta’ applikazzjoni sabiex din tkun tirrifletti aħjar il-prinċipju tal-żvilupp mingħajr il-ħtieġa ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament 6(1) sa (5).
Iżda, l-emendi ma jistgħux jitbiegħdu mill-iskop tal-iżvilupp jew jaffettwaw b’mod negattiv id-drittijiet kweżiti tal-applikant.
(7) L-avviż tad-deċiżjoni għandu jiġi komunikat lill-applikant, lill-perit, lill-konsulenti esterni, lill-konsulenti oħra u lil kull parti reġistrata interessata, fi żmien ħmistax-il ġurnata mid-data tad-deċiżjoni.
(8) Għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti:
(a) kopja ta’ kull disinn jew dokument approvat għandha tiġi notifikata mill-Bord tal-Ippjanar lill-perit permezz ta’ mezzi elettroniċi;
(b) kopja ta’ kull disinn jew dokument approvat għandha tiġi notifikata mill-Bord tal-Ippjanar lill-applikant bil-posta normali fl-indirizz postali tal-applikant indikat fil-formula tal-applikazzjoni;
Iż-żmien stabbilit fl-artikolu 13 tal-Att dwar it-Tribunal ta’Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar għandu jibda għaddej mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż tad-deċiżjoni fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Informazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament 6(6)’.
Tabilħaqq, minn hawn fuq jemerġi li l-Kummissjoni għandha kull dritt li tvarja r-rakkomandazzjoni mressqa quddiemha bis-saħħa, appuntu, ta’ Regolament 13(4)(a). Sakemm jinħareġ permess eżegwibbli, il-Kummissjoni tista’ tordna hi li jiġu sottomessi pjanti li jwieġbu għal lanjanzi inkluż rettifikar ta’ informazzjoni żbaljata li jista’ jkun hemm. Li trid taċċerta l-Kummissjoni huwa li t-tibdil li ser ikun hemm ma jbiddel xejn mill-mertu tal-proposta. Ergo, irid ikun assigurat li t-tibdil ma jkunx sinnifikanti li jiżnatura l-applikazzjoni iżda, semai, dirett sabiex jiġu ndirizzati r-raġunjiet tar-rifjut.
Naturalment, huwa mportanti ferm li kull talba għal kjarifika tal-Kummissjoni ssir pubblikament bil-fakolta’ mogħtija lill-partijiet kollha jeżaminaw il-pjanti riveduti kif inhu xieraq. Ergo, kull pjanta ‘ġdida’ għandha tkun disponibbli qabel il-laqgħat quddiem il-Kummissjoni sabiex il-partijiet kollha jkollhom iċ-ċans li jesprimu l-opinjoni tagħhom a rigward. B’hekk jiġi evitat il-prospett fejn it-terzi jilmentaw li l- kwistjonijiet ma ġewx diskussi u ċċarati fil-proċess qabel il-ħruġ tal-permess eżegwibbli.
RIMARKI KONKLUSSIVI
L-oġġezzjoni ta’ case officer ma jfissirx li applikazzjoni tal-iżvilupp għandha bilfors tiġi rifjutata awtomatikament. Kif intqal supra, il- Kap. 552 u r-regolamenti li jitnisslu minnu jippermettu lill-applikant jissottometti pjanti riveduti, anke wara li jitlesta d-DPAr. Ġjaladarba l-applikant ikun wera biċ-ċar ix-xewqa li jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni, xejn ma jżomm lill-istess Kummissjoni li tqis it-talba tal-applikant għal differiment bħala waħda ġustifikata. Meta jiġri hekk, il-Kummissjoni għandha titlob il-pjanti ġodda u dokumenti jew informazzjoni ulterjuri hi wara li tagħti r-raġunijiet għal dik it-talba filwaqt li dejjem tassigura li t-tibdil m’huwiex ser ikun wieħed materjali.
Fi żgur, dak li trid tevita l-Kummissjoni huwa li taqta’ għad-dritt u tibgħat il-pjanti lura għal reassessment mingħajr lanqas tkun iddiskutiet il-każ bħalma ġara fil-każ ta’ Nadine Xuereb jew inkella tippermetti pjanti ġodda li jiżnaturaw il-proposta jew inkella li ma tagħtix opportunita’ ta’ almenu ħmistax -il ġurnata (qabel is-seduta) lit-terzi sabiex dawn jaraw eżattament x’ikun inbidel.
[1] Ara sentenza fl-ismijiet Dr Simon Busuttil vs l-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-kjamat in kawza Pamela Cordina deċiża mill-Qorti tal-Appell fis-17 Novembru 2021
[2] Ara sentenza fl-ismijiet Mario Said vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u l-kjamata in kawża Andrea Vella Baldacchino deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar is-27 ta’ Mejju, 2021(App. 5/2021)