Taqbel jew ma taqbilx, illum huwa ben assodat fil-ġurisprudenza li l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar ma tistax tiskarta l-policy rilevanti u tagħmel eċċezzjoni li ma tinsabx f’liġi, pjan jew policy għaliex din m’għandiex is-setgħa li titbiegħed mill-policy speċifika, anke jekk, gratia argumenti, ‘is-sens komun’ jitfagħha f’direzzjoni oħra.
Kif sostniet il-Qorti tal-Appell fis-sentenza fl-ismijiet Raymond Cassar vs l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar[1]:
‘….. Ebda raguni ta’ similitudni ma tista’ treggi jekk l- applikazzjoni tmur kontra l-kliem espress ta’ ligi jew policy. Konsiderazzjonijiet ohra li jinsorgu minn tali applikazzjoni ta’ dan il-kuncett jistghu fil-kazijiet kongrui jaghtu lok ghal proceduri ta’ natura legali ohra mill-applikant fil-konfront ta’ min seta’ gie percepit li naqas fil-konfront tieghu pero fl-ambitu ta’ appell ta’ ippjanar iridu jigu applikati di rigore l-ligijiet,pjanijiet u policies konnessi mal-ippjanar.’
Sewwa sew, din is-sentenza ta’ Cassar ingħatat qabel id-dhul fis-seħħ tal-Kap 552 tal-Ligijiet ta’ Malta. Madankollu, huwa dottrinalment paċifiku li l-pożizzjoni legali meħuda f’Cassar, almenu f’għajnejn il-Qorti, jidher li ma nbidlitx bil-promulgazzjoni tal-istess Kap 552.
Infatti, fil-ġurisprudenza riċenti insibu ritenut li l-elementi kollha li nsibu fl-Artikolu 71(2) tal-Kap 552 jikkumplimentaw u mhux jissostitwixxu l-liġijiet, pjanijiet u policies, almenu sa fejn dawn huma ċari. Fuq dan il-punt, teżisti rassenja ta’ sentenzi fejn jingħad li permess ma jistax jinħareġ fuq il- preċett tal-valur u l-effett tal-element tal-commitment u dan abbażi tal-prinċipju li ‘ebda commitment ma jista’ jġib fix-xejn liġi, pjan jew policy’.[2]
L-ispirtu ta’ dak li qed ngħid hawn huwa li l-‘commitment’ m’għandux iwassal b’mod awtomatiku għall-approvazzjoni tal-permess u jservi bħala għodda li permezz tagħha jiġi għal kollox skartat dak li jipprovdu il-pjanijiet u l-policies relevanti għaliex dawn tal-aħħar jibqgħu l-fondament tal-kontroll tal-iżvilupp, li fl-aħħar mill-aħħar għandhom saħħa ta’ liġi.
L-uniku eċċezzjoni għal dan kollu tissussisti ‘…..fejn zona tkun fil-maggor parti taghha tant gia kommessa ghal zvilupp li mhux konformi ma’ policy, ligi jew pjan tant li lizvilupp propost jekk ma jigix approvat ikun l-eccezzjoni flagranti ghal dak li jirrizulta legalment zviluppat fiz-zona u jmur kontra aspettattiva legittima u ta’ sustanza…’.[3]
Fi kwalunkwe każ, jekk ser jinħareġ permess in bażi ta’ ‘….similar legal commitments…’, għandu jintwera tabilħaqq il-presenza ta’ ammont konsiderevoli ta’ ‘similar legal commitments’, ergo żvilupp fil-viċinanzi li tassew huwa munit b’fattizzi simili. Gratia argumenti, il-presenza ta’ commitment kummerċjali viċinanti mhux simili għal dak mitlub f’żona fejn tali użu mhux konċess bil-policy ma jista’ qatt jikkwalifika bħala ‘similar legal commitment’.
[1] Ara sentenza fl-ismijiet Raymond Cassar vs l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanardeciza mill-Qorti tal-Appellfl-10 t’Ottubru tal-2015
[2] Ara sentenza fl-ismijiet Michael Debrincat vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar l-24 ta’ Ottubru, 2018 (Ap55/18)
[3] Ara sentenza fl-ismijiet Ghaqda tar-Residenti ta’ Santa Maria Estate vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u l-kjamat in kawza Marc Spiteri deċiża mill-Qorti tal-Appellfil-15 t’Ottubru 2020 (Ap43/19)