Kif jintrabat id-dritt ta’ prospett mat-tema tas-servitujiet?

Kif jintrabat id-dritt ta’ prospett mat-tema tas-servitujiet?

Fl-ewwel lok, tajjeb nidentifikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti li nsibu fil-liġi.

L-Artikolu 455 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) Is-servitujiet huma kontinwi jew mhux kontinwi, li jidhru jew li ma jidhrux.

(2) Is-servitujiet kontinwi huma dawk li l-eżerċizzju tagħhom huwa jew jista’ jkun kontinwu mingħajr ma jkun meħtieġ fil-waqt il-fatt tal-bniedem: hekk huma l-akwedott, l-istilliċidju, il-jedd ta’ prospett, u oħrajn ta’ din ix-xorta.

(3) Is-servitujiet mhux kontinwi huma dawk li għall-eżerċizzju tagħhom hu meħtieġ fil-waqt il-fatt tal-bniedem: hekk huma s-servitujiet ta’ mogħdija, ta’ mili ta’ ilma, u oħrajn bħalhom.

(4) Is-servitujiet li jidhru huma dawk li l-eżistenza tagħhom tidher minn sinjali li jidhru, bħal bieb, tieqa, jew akwedott artifiċjali.

(5) Is-servitujiet li ma jidhrux huma dawk li m’għandhomx sinjali li jidhru tal-eżistenza tagħhom, bħal ma hija l-projbizzjoni li wieħed jibni fuq ċerta art jew li ma jibnix aktar minn ċertu għoli.’

L-Artikolu 457  tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘Is-servitujiet kontinwi u li jidhru jitnisslu –

(1) bis-saħħa ta` titolu;

(2) bil-preskrizzjoni, jekk il-fond li fuqu jig u ezercitati jista` jinkiseb bil-preskrizzjoni;

(3) bid-destinazzjoni tas-sid ta` zewg fondi.’

L-Artikolu 468  tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘Is-servitù tigi stabbilita bid-“destinazzjoni ta` sid ta` zewg fondi , meta jigi ppruvat illi z-zewg fondi, issa maqsuma, kienu tal-istess sid, u illi kien dak is-sid li qiegħed jew ħalla l-ħaga fl-istat li minnu titnissel is-servitù.’

L-Artikolu 469 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) Is-servitujiet kontinwi li ma jkunux jidhru, u s-servitujiet mhux kontinwi, ikunu jew ma jkunux jidhru, jistgħu biss jigu stabbiliti b`saħħa ta` titolu huma ma jistgħux jigu stabbiliti bil-preskrizzjoni jew bid-destinazzjoni ta` sid ta` zewg fondi.

(2) B`danakollu, is-servitù ta` mogħdija għall-uzu ta` fond tista` tinkiseb bil-preskrizzjoni ta` tletin sena, jekk dan il-fond ma jkollux ħrug iehor fuq it-triq pubblika u kull servitù oħra li, fil-11 ta` Frar, 1870, kienet ga miksuba taħt ligijiet ta` qabel, ma tistax tigi attakkata.’

L-Artikolu 474  tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) Is-sid tal-fond serventi ma jista’ jagħmel xejn li jista’ jnaqqas l-użu tas-servitù jew li jagħmel li dan l-użu jkun ta’ xkiel akbar. Hu ma jistax ibiddel il-kondizzjoni tal-fond, lanqas ma jista’jiddestina għall-eżerċizzju tas-servitù parti oħra tal-fond diversa minn dik li fiha s-servitù kienet ġiet stabbilita fil-bidu.

(2) Iżda, jekk l-eżerċizzju tas-servitù fil-parti jew fuq il-parti tal-fond li fil-bidu tkun ġiet iddestinata jsir ta’ xkiel akbar għas-sid tal-fond serventi, jew jekk dan is-sid ma jkunx jista’ minħabba dan l-eżerċizzju jagħmel xogħlijiet, tiswijiet jew miljoramenti fil-fond tiegħu, hu jista’ joffri lil sid il-fond dominanti parti oħra xorta waħda tajba għall-eżerċizzju tas-servitù, u dan ma jistax jirrifjutaha.

(3) It-tibdil tal-parti tal-fond iddestinata għall-eżerċizzju tas-servitù jista’ wkoll isir fuq talba tas-sid tal-fond dominanti, jekk hu jipprova li dan it-tibdil huwa għalih ta’ ġid kbir, u ma hu ta’ ebda ħsara għall-fond serventi.’

L-Artikolu 475  tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘Kull min għandu jedd ta’ servitu’ għandu jinqeda b’dan il-jedd skond it-titolu tiegħu, u ma jista’ jagħmel la fil-fond servjenti u lanqas fil-fond dominanti ebda tibdil li jista’ jtaqqal iżjed il-piż tal-fond serventi.’

L-Artikolu 2115 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) Il-preskrizzjoni tolqot il-jeddijiet u l-azzjonijiet li jmissu lil kull persuna, istitut, jew korp morali, bla distinzjoni, kif ukoll il-beni suggetti għal fedekommess.

(2) Izda, l-eccezzjoni tal-preskrizzjoni ma tistax tingħata kontra jeddijiet u azzjonijiet li jmissu lill-Gvern ta` Malta, ħlief fil-kaz ijiet imsemmijin fl-artikoli 2149, 2153, 2154, 2155 u 2156.’

Minkejja li fil-Kap 16 ma nsibu l-ebda definizzjoni tas-servitu’ ta’ prospett, il-Qrati nostrani rritenew li prospett huwa marbut mal-arja u d-dawl kif ukoll il-veduta  meta wieħed iħares ‘il barra mit-tieqa u, jew il-gallarija.[1]

In effetti, il-liġi trid li tassigura d-dritt tal-prospett billi tipproteġi l-persuni mill- introspezzjoni, dritt li l-Qrati jsejħulu li ’hu ragonevoli kontra l-perikolu u l-abbuz mis-sid dominanti, li jgawdu servitu ta’ dawl u arja.’[2]

Jinżel minn dan kollu rifless li servitu’ ta’ prospett hi servitù kontinwa u li tidher u għalhekk, in bażi ta’ l-Artikolu 457, din is-servitù tista’ tinkiseb b`saħħa ta` titolu, bid-destinazzjoni tas-sid ta’ żewġ fondi u anke  bil-preskrizzjoni ta’ 30 sena.

B’danakollu, huwa ben aċċettat li l-prospett għandu jitqies ċirkoskritt fil-limiti stabbiliti fil-liġi għad-daqs tal-bitħa formata mid-distanza regolamentari li kellha tinżamm quddiem it-tieqa fl-istess livell ta’ dak l-appartament.[3] Hekk per eżempju, fil-każ ta’ bini li ma jaqbiżx 10.1 metri, irid jinżamm spazju mhux ostakolat quddiem l-apertura ta’ almenu 3 metri.[4]

Barra minn hekk, il-fatt li sid il-fond dominanti għandu dritt jiftaħ tieqa fuq bitħa ta’ terz ma jfissirx li sid il-bitħa  servjenti ma jistax iwettaq bini fil-bitha b’mod li ma jimblokkax it-twieqi jew jostakola l-ftuħ ta’ twieqi fil-fond dominanti.[5]


[1] Ara sentenza fl-ismijiet Anthony Falzon vs Saviour Aquilina u Claire Aquilina mogħtija mill-Qorti tal-Appell nhar it-18 ta’ Lulju 2017

[2] Ara sentenza fl-ismijiet Maria Azzopardi et vs Giuseppe Sciberras deċiża mill-Qorti tal-Appell fit-18 t’Ottubru 1963

[3] Ara sentenza fl-ismijiet Louis Chetcuti vs Francis Agius mogħtija mill-Qorti tal-Appell nhar it-28 ta’ Frar 1997

[4] Liġi Sussidjarja 552.22 – Regolamenti Dwar L-Ippjanar tal-Iżvilupp (Saħħa U Sanità)

[5] Ara sentenza fl-ismijiet Chetcuti vs Agius mogħtija nhar it-28 ta’ Frar, 1997