Kif tista’ tattakka kuntratt?

View Categories

Kif tista’ tattakka kuntratt?

14 min read

L-Artikolu 1347 tal-Kap 16 jiddisponi s-segwenti:  

‘Il-bejgħ hu perfett bejn il-partijiet, u kwantu għall-bejjiegħ, il-proprjeta` tal-ħaġa tgħaddi għand ix-xerrej, malli jsir il-ftehim fuq il-ħaġa u fuq il-prezz, għalkemm il-ħaġa tkun għad ma ġietx ikkunsinnata u lanqas ma jkun ghad tħallas il-prezz; u minn dak il-hin il-ħaġa nfisha tibqa’ għar-riskju u għall-użu’.

Hawn qed ngħidu li, in via di prinċipju, il-ftehim fuq il-ħaġa u fuq il-prezz hi biżżejjed biex tikkostitwixxi trasferiment għalkemm il-ħaġa tkun għadha ma ġietx ikkunsinnata lix-xerrej.

Detto cio’, il-kuntratt, biex ikun jiswa, irid jissodisfa ukoll numru ta’ formalitajiet.

L-Artikolu 966 tal-Kap 16, infatti, jgħid hekk:

‘Ir-rekwiżiti essenzjali sabiex kuntratt ikun jiswa, huma:

(a) illi l-partijiet ikunu kapaċi biex jikkuntrattaw;

(b) il-kunsens ta’ dak illi jobbliga ruħu;

(ċ) ħaġa żgura li tkun l-oġġett tal-kuntratt;

(d) kawża leċita biex wieħed jobbliga ruħu’.

Kuntratt jista’, għalhekk, jiskontra diffikultajiet jekk jinstab illi:

  • il-partijiet m’humiex kapaċi biex jikkuntrattaw;
  • ma jkunx hemm il-kunsens ta’ dak illi obbliga ruħu;
  • li l-oġġett tal-kuntratt mhix ħaġa żgura;
  • il-kawża ta’ l-obbligazzjoni tkun waħda illeċita.  

L-Artikolu 1212 tal-Kap 16 , infatti, jgħid hekk:

‘Kull ftehim li fih tkun nieqsa xi waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali sabiex kuntratt ikun jiswa, jew li l-liġi tiddikjara espressament li hu null, hu suġġett għar-rexxissjoni’.

L-Artikolu 1209(1) tal-Kap 16 imbagħad jispjega li:

‘Bir-rexxissjoni ta’ kuntratt, jekk il-liġi ma tiddisponix xort`oħra, il-partijiet jiġu mqiegħda fl-istat li fih kienu qabel il-ftehim’.

Issa ser nelabora dwar r-rekwiżiti essenzjali sabiex kuntratt ikun jiswa, u cioe’:

(a) illi l-partijiet ikunu kapaċi biex jikkuntrattaw;

(b) il-kunsens ta’ dak illi jobbliga ruħu;

(ċ) ħaġa żgura li tkun l-oġġett tal-kuntratt;

(d) kawża leċita biex wieħed jobbliga ruħu’.

L-EWWEL REKWIŻIT: IL-PARTIJIET IKUNU KAPAĊI BIEX JIKKUNTRATTAW

Id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Kap 16 huma dawn:

967. ‘(1) Kull persuna tista’ tikkuntratta, jekk mil-liġi mhix iddikjarata inkapaċi.

(2) L-inkapaċità tal-ikkundannati għal kull piena li tkun, hija mneħħija.

(3) Huma inkapaċi li jikkuntrattaw fil-każijiet imsemmijin mil-liġi-

(a) il-minuri;

(b) l-interdetti jew inabilitati; u

(ċ) ġeneralment, dawk kollha illi l-liġi timpedihom minn xi kuntratti’.

968.Kull kuntratt magħmul minn persuna li m’għandhiex l-użu tar-raġuni, jew li tkun għad ma għalqitx seba’ snin, huwa null’.

973. ‘Il-persuni kapaċi li jikkuntrattaw ma jistgħux jeċċepixxu n-nullità tal-kuntratt minħabba l-inkapaċità ta’ dawk li magħhom ikunu kkuntrattaw’.

Il-kapaċita’ legali li wieħed jintrabat f’kuntratt titlob li l-persuna ma tkunx miżmuma milli tersaq fuq kuntratt għal xi stat legali li jġibha jew jagħmilha hekk inkapaċi. Għalhekk, huwa evidenti minn dawn id-diżpożizzjonijiet li kull kuntratt magħmul minn persuna li m’għandhiex l-użu tar-raġuni huwa null. Din, pero’, hija nullita’ relattiva fis-sens li n-nuqqas ta’ kapaċità (minħabba li parti tkun minuri, interdetta jew inabilitata jew dawk kollha li l-liġi timpedihom minn xi kuntratti (Artikolu 967) u wkoll min m’għandux l-użu tar-raġuni (Artikolu 968)) ma tagħtix lok għall-ineżistenza tal-kuntratt imma għall-annullabilità.

Qed ngħidu ukoll li l-eċċezzjoni tan-nullita’ ma tistax titqanqal minn dak li jkun ikkuntratta mal-persuna inkapaċi, biex b’hekk ħadd ma jieħu vantaġġ miċ-ċirkostanza tal-inkapaċita’ ta’ dak li jkun. Fi kliem ieħor, in-nullita’ hija waħda relattiva u tista’ biss tiġi eċċepita mill-parti inkapaċi għaliex ġiet stabbilita biss għall-benefiċċju tal-inkapaċi. B’hekk jidher li l-leġislatur ried li jagħti biss protezzjoni lill-inkapaċi.

Molto piu’, it-tħassir ta’ kuntratti li jkunu saru qabel id-data tal-għoti tad-digriet tal-interdizzjoni (jew inabilitazzjoni) huwa wkoll possibli iżda jiddependi fuq jekk l-inkapaċita’ naturali tal-persuna li tkun tiġix ippruvata fi grad tajjeb biżżejjed u kienet teżisti sewwa sew fil-waqt li jkun sar l-att jew il-kuntratt impunjat.

In fine, tajjeb jiġi sottolinjat li l-materja tal-kapaċita’ legali tinneċessita li tiġi ulterjorment inkwadrata fis-segwenti kriterji:

(a) il-kapaċita’ hija r-regola u l-inkapaċita’ l-eċċezzjoni;

(b) l-inkapaċita’ trid tiġi ppruvata minn min jallegaha;

(ċ) li biex persuna tkun kapaċi tagħmel kuntratt, mhux meħtieġ li jkun perfettament f’saħħtu minn moħħu, għax huwa biżżejjed li jkollu l-użu tar-raġuni b’mod li jkun jaf x’inhu jagħmel;

(d) li ċ-ċirkostanzi tal-inkapaċita’ iridu jirriżultaw minn fatti jew indizji gravi u ċirkostanzi preċiżi u mhux ekwivoċi.

Il-qofol ta’ dan kollu hawn fuq diskuss huwa li sakemm min jallega l-inkapaċita’ ma jseħħlux jippruvaha kif imiss, jibqa’ meqjus li l-kunsens intern kien rifless f’dak li jidher fuq l-att jew fil-kuntratt. Dan għaliex l-inkapaċita’ li wieħed jersaq għal kuntratt hija l-eċċezzjoni għar-regola li kulħadd huwa kapaċi li jintrabat f’kuntratt.

IT-TIENI REKWIŻIT: LI JKUN HEMM IL-KUNSENS TA’ DAK ILLI JOBBLIGA RUĦU

L-Artikolu 974 tal-Kap 16 jitkellem dwar il- ‘kunsens’ fuq kuntratt. Dan jgħid hekk:

‘Jekk il-kunsens fuq kuntratt ikun ġie mogħti bi żball, jew meħud bi vjolenza, jew b’għemil doluż, ma jkunx jiswa.’

Ser nitratta issa l-‘iżball’, il-‘vjolenza’ u l-‘għemil doluż’ b’mod distint.

Dwar l-‘iżball’ f’kuntratt, l-Artikolu 976 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) L-iżball dwar il-fatt ma jġibx in-nullità tal-kuntratt ħlief meta jaqa’ fuq is-sustanza nfisha tal-ħaġa li tkun l-oġgett tal-ftehim’.

Dan id-dispost huwa pjuttost ċar fis-sens li qed jgħidilna li l-iżball irid jaqa’ fuq ‘is-sustanza nfisha tal-ħaġa’. Hemm diversi sentenzi li jgħinuna nifmhu ahjar din in-nozzjoni ta’ ‘sustanza tal-ħaġa’.

Per eżempju, fis-sentenza fl-ismijiet Godfrey Aquilina nomine vs Sebastian Galea[1] jingħad li s-sustanza tal-ħaġa ddur mal-kwalita’ tal-ħaġa li, mingħajrha, ma kontx tgħaddi għal-kuntratt. Infatti, din is-sentenza tgħid hekk:

‘Biex iwassal għan-nullita’ tal-ftehim għax iħassar il-kunsens, l-izball irid jaqa’ fuq kwalita’ tal-ħaġa li kellhom f’moħhom il-partijiet, jew, għallinqas, li kellha f’moħha waħda mill-partijiet, u li mingħajrha, ma kinux jaslu għall-ftehim, jew dik il-parti li kienet fi żball ma kinitx tagħti l-kunsens tagħha’.

Fil-każ fl-ismijiet Prokuratur Legali Joseph Zammit noe vs Joseph Fenech et[2], ‘l-iżball li jaqa’ fuq is-sustanza nfisha tal-ħaġa’ kien imfisser li l-iżball fuq is-sustanza m’huwiex kwalsijasi nuqqas fil-kwalita’ tal-ħaġa iżda żball li kien ‘determinanti, soġġettiv, unilaterali u skuzabbli’. Infatti, f’din is-sentenza intqal hekk:  

‘Għar-rigward ta’ l-allegat żball ta’ fatt, l-artikolu 976 (1) tal-Kodiċi Ċivili jiddisponi li “L-iżball dwar il-fatt ma jġibx in-nullita’ tal-kuntratt ħlief meta jaqa’ fuq is-sustanza nfisha tal-ħaġa li tkun l-oġġett tal-ftehim”. Skond il-ġurisprudenza, l-iżball fuq is-sustanza għandu jkun determinanti, soġġettiv, unilaterali u fuq kollox, skuzabbli’.

Dwar il-‘vjolenza’ fir-rigward tal-kuntratti, l-Artikolu 978 tal-Kap 16, imbagħad, jgħid hekk:

‘(1) Il-kunsens jitqies meħud bil-vjolenza meta l-vjolenza hija tali li taħkem fuq persuna raġonevoli u ġġegħilha tibża’ li hija nfisha jew ħwejjiġha jistgħu jiġu mqiegħda għal xejn b’xejn f’perikolu ta’ ħsara kbira.

(2) F’dawn il-każijiet, għandhom jitqiesu l-età, is-sess, u l-kondizzjoni tal-persuna’.

Hawnhekk ukoll qed nitkellmu dwar minaċċi eżerċitati kontra persuna biex jiġi minnha karpit il-kunsens li hija qatt ma riedet tagħti. Sentenza artikolata li tispjega din in-nozzjoni hi dik fl-ismijiet Edgar G Soler noe vs H H Sir David Campbell noe[3] fejn ingħad hekk:

‘Illi skond il-ligi, il-vjolenza hija kawza ta’ nullita` tal-kuntratt ghaliex tostakola l-liberta` tal-kunsens. Il-vjolenza tikkonsisti f’vie di fatto jew minacci ezercitati kontra persuna biex jigi minnha karpit il-kunsens li hija ma tridx taghti. Hu pero` necessarju li l-vjolenza morali tkun il-kawza determinanti tal-kuntratt; jigifieri biex kuntratt ikun suxxettibli li jigi annulat minhabba l-vjolenza jehtieg li l- kunsens ta’ wahda mill-partijiet ikun gie estrat bi vjolenza; fi kliem iehor li l-kunsens ikun il-frott ta’ vjolenza ezercitata li tottjeni dak il-kunsens u mhux ir-rizultat accidentali ta’ vjolenza ezercitata tottjeni dak il-kunsens u mhux ir-rizultat accidentali ta’ vjolenza ezercitata biex jigi raggunt skop divers. Mhux bizzejjed li l-kunsens jigi moghti u l-kuntratt ikun sar taht pressjoni ta’ forza insormontabili ghal dak li jkun ta l-kunsens; ghaliex dik il-forza tista’ tkun forza naturali u nkonxjenti, u ghalhekk proprjament ma jkunx hemm vjolenza mill-punto di vista guridiku. Il-vjolenza trid tkun l-opera ta’ persuna li tezercitaha biex tottjeni l-kunsens’.

Il-każ fl-ismijiet Rosario Bartolo vs Giovanni Bartolo (Vol XXIX.II.749)[4] ukoll jgħina nifhmu meta l-vjolenza morali tammonta għall-vizzju tal-kunsens:

‘Biex il-vjolenza morali tammonta ghall-vizzju tal-kunsens hemm bzonn li tkun determinanti, ingusta u gravi u tali li taghmel impressjoni fuq persuna ragonevoli u li tiggenera l-biza’ li tesponi ingustament lill-persuna taghha jew il-gid taghha ghal dannu gravi … … Il-kwistjoni jekk hemmx vjolenza hija ndagni li hija mhollija interament fil-prudenza tal-gudikant.

Kwindi, il-vjolenza morali trid tilħaq livelli gravi ta’ biża. L- anzjeta` u t-turbolenza tal-persuna jistgħu ma jkunux biżżejjed u dan kif ġie ben spjegat il-Qorti fis-sentenza Evan Tony Camilleri et vs Michelina Vella[5] li qalet hekk:

‘L-istat ta’ anzjeta` u turbolenza tal-persuna ma jfissirx li l-kunsens ikun vizzjat, ghax fin-nuqqas ta’ prova ta’ theddida ta’ vjolenza fizika impellenti, darba li jirrizulta li l-kontraent kien jaf x’inhu jaghmel, il-kuntratt m’ghandux jithassar u allura kieku l-iskrittura kienet validament maghmula ma jirrizultax li l-kunsens tal-konvenuti fuq l-istess skrittura kien karpit bi vjolenza’.

Is-sentenza fl-ismijiet Frank Xavier Aquilina vs Carlo Leone Ganado et[6] tmur pass oltre billi tgħid li l-eżerċizzju ta’ dritt jew anke l-pretensjoni ta’ dritt kontra terz fl-ambitu ta’ proċeduri ġudizzjarji bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala element kostituttiv ta’ vjolenza:

‘Hu car pero` illi l-ezercizzju ta’ dritt jew anke l-pretenzjoni ta’ dritt kontra terz fl-ambitu ta’ proceduri gudizzjarji bl-ebda mod ma jista’ jitqies bhala element kostituttiv ta’ vjolenza morali fit-termini tal-ligi. Fejn dak id-dritt jezisti … … – il-kreditur kien pjenament gustifikat li jezercitah u d-debitu ma jistax javanza l-pretensjoni li l-effett negattiv ta’ l-ezercizzju ta’ dak id-dritt kien tant serju li seta’ jigi kkwalifikat bhala xi forma ta’ vjolenza morali fuqu’.

Dwar l-‘għemil doluż’ sa fejn jirrigwardja l-kuntratti, l-Artikolu 981 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) L-għemil doluż huwa motiv ta’ nullità tal-ftehim, meta l-inganni magħmulin minn waħda mill-partijiet ikunu tali illi mingħajrhom il-parti l-oħra ma kenitx tikkuntratta.

(2) L-għemil doluż ma jistax ikun preżunt, imma għandu jiġi ppruvat’.

Hawn qed nitkellmu dwar ‘għemil doluż’, ossija qerq jew ‘dolo’. Dan kien is-suġġett fis-sentenza fl-ismijiet Anthony Piscopo vs Charles Filletti[7] fejn il-Prim’Awla esprimiet ruħha bil-mod kif ġej:

‘A propositu, l-Artikolu 981 (1) tal-Kodiċi Ċivili jiddisponi illi “l-għemil doluż huwa motiv ta’ nullità tal-ftehim, meta l-inganni magħmulin minn waħda mill-partijiet ikunu tali illi mingħajrhom il-parti l-oħra ma kienitx tikkuntratta’.

Dan l-għemil doluż jew qerq m’hu qatt preżunt, imma għandu jiġi ppruvat minn min jallegah, kif hekk irid is-subinċiż (2) għall-imsemmi artikolu preċitat.  Dan ifisser li biex jiġi stabbilit u pruvat il-qerq trid issir il-prova illi l-parti l-oħra użat scienter raggiri frawdolenti u artifizji li kienu gravi. Dan il-kunċett huwa spjegat tajjeb ħafna fis-sentenza fl-ismijiet Josephine Galea et vs AIC Walter Caruana Montaldo[8] fejn intqal hekk:

‘..id-dolo jirnexxi meta ma jħallix lill-vittma żmien u ħsieb biex jirreżisti, anzi jneħħi minn moħħu l-iċken idea li hemm bżonn ta’ reżistenza u garanzija iktar minn dik prestata mill-persuna tal-kontraent l-ieħor u tal-fiduċja riposta fih’.

Dwar l-istess suġġett tal-qerq bħala vizzju tal-kunsens, fis-sentenza fl-ismijiet Joseph Aquilina et vs Alfred Ellul[9], intefa’ dawl fuq x’jikkostitwixxi aġir qarrieqi ta’ kontraent:

‘L-elementi tad-dolus huma ben definiti fil-gurisprudenza u fid-duttrina. Biex ikun hemm id-dolo jridu jikonkorru erba’ elementi, li huma (a) l-intenzjoni li jqarraq da parti tal-parti l-ohra; (b) l-eghmil doluz irid ikun gravi; (c) id-dolo trid tkun determinanti biex gie iffirmat il-kuntratt; u (d) id-dolo irid ikun sehh bill-partecipazzjoni, attiva jew passiva, tal-parti l-ohra. Dwar l-ewwel element, jehtieg li l-frodi jigi dejjem pruvat, u frodi “in re ipsa”, li kien accettat fid-dritt Ruman, m’ghadux aktar parti mis-sistema taghna. Il-frodi tista’ tigi pruvata bi kwalunkwe mezz li tippermetti l-ligi, izda dik il-prova trid tirrizulta b’mod car u cert, u ma tistax tigi prezunta. It-tieni element irid li min ikun vittma ta’ frodi juri li l-ingann uzat kien ta’ certu gravità. Il-ligi trid tipprotegi l-kunsens ta’ dak li jkun, però, ma tridx lanqas tasal li thassar kuntratt b’rizultat ta’ kredulità zejda da parti tal-vittma (ara Giorgi, “Teoria Delle Obbligazzione”, Vol. IV pagna 127). Certi suggerimenti, insistenzi u attenzjoni zejda da parti ta’ dak li jkun irid jikkuntratta, ghalkemm mhux inkoraggjati, huma accettati, u wiehed ghandu joqghod hu attent li ma jaqax vittma ghal dawn it-tricks. Il-gurista Ricci (“Istituzioni di Diritto Civile”), jghid li l-maneggi wzati “deve consistere in quelle arti, maneggi o manovre che escono fuori dalla cerchia delle astuzie solite ad usarsi da tutti i contraenti”. Ir-ragiri wzati ghandhom ikunu ta’ certa gravita u certi inazetezzi ma jwasslux ghat-thassir tal-kuntratt (ara “Elaida vs FXB Ltd”, deciza mill-Qorti tal-Magistrati (Malta) fis-7 ta’ Dicembru, 1998)’.

Is-sentenza fl-ismijiet George Portelli et vs Ivan John Felice[10] tista’ tgħid li rribadiet dak li intqal fis-sentenza ta’ Aquilina fuq ċitata, fis-sens li l-minaċċi iridu jkunu gravi, determinanti u mwettqa unilateralment mill-parti l-oħra:

‘Illi biex il-qerq jolqot il-kunsens tal-parti f’kuntratt u jħassar is-siwi tal-istess kunsens, jeħtieġ li (a) jitħaddmu mezzi jew atti qarrieqa; (b) li jkunu fihom infushom gravi (ċ) b’mod li jkunu determinanti għan-negozju li jkun sar bejn il-partijiet, u (d), fuq kollox, li tali mezzi jew atti jkunu twettqu mill-parti l-oħra. Biex il-qerq ikun gravi, irid ikun tali li persuna ta’ dehen ordinarju ma jagħrafx li jkun ġie mqarraq u jkun għamil li jmur lil hinn minn ftaħir ezaġerat dwar xi kwalità tal-oġġett tan-negozju, u li kieku ma kienx għal dak il-qerq, kieku ma kienx jidħol fin-negozju in kwestjoni. Fil-kaz tal-qerq, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fil-vjolenza (bħala kawza ta’ nullità tal-kunsens), is-sehem ta’ terza persuna ma jkunx bizzejjed biex ixejjen is-siwi ta’ kuntratt fejn il-kunsens ta’ persuna jkun ġie meħud b’qerq. Dan il-prinċipju wkoll joħroġ mil-liġi;

Illi peress li l-għamil doluż ma jistax ikun preżunt, fejn jiġi allegat li l-kunsens ta’ xi parti kien milqut minn vizzju, il-piż tal-prova ta’ fatt bħal dan jaqa’ fuq min iqanqal allegazzjoni bħal din. Fil-każ preżenti, dan il-piż jaqa’ fuq l-imħarrek rikonvenjent.

Illi l-qerq ma jistax jiġi allegat meta l-fatti setgħu jiġu stabiliti bla xkiel jew diffikultà żejda mill-parti li tallega qerq, għaliex f’kaz bħal dan ix-xilja ta’ qerq ma tkunx għajr skuza faċli biex wieħed jaħrab milli jwettaq ir-rabtiet li jkun daħal għalihom mal-persuna li allegatament uzat il-qerq. Fuq kollox, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa meħtieġ meta jiġi allegat l-izball, fil-kaz tal-qerq l-effett tal-għamil doluz ma hemmx bzonn li jaqa’ fuq is-sustanza tal-oġġett tan-negozju li jkun’.

IT-TIELET U R-RABA’ REKWIŻITI: L-OĠĠETT TAL-KUNTRATT TKUN ĦAĠA ŻGURA U L-KAWŻA TAL-OBBLIGAZZJONI TKUN WAĦDA LEĊITA

Dwar il-prinċipju ta’ kuntratt ‘mingħajr kawża’ u, jew ‘kawża falza’ u, jew ‘illeċita’ jitkellem l-Artikolu 987 tal-Kap 16. Dan id-dispost jgħid hekk:

‘L-obbligazzjoni mingħajr kawża, jew magħmula fuq kawża falza jew illeċita, m’għandha ebda effett’.

Dan ifisser li meta obbligazzjoni tkun imsejsa fuq kawża illeċita, mhux konsentit li l-Qrati jimplimentaw u jagħtu forza ġuridika u esklussiva għall-kontrattazzjonijiet ta’ din ix-xorta.

Madankollu, fis-sentenza fl-ismijiet Antonio Cassar noe vs Boris Arcidiacono[11], intqal dan:

‘Id-dispozizzjonijiet tal-Artikoli 987 sa 991 tal-Kodici Civili ma humiex intizi biex jaghtu xi drittijiet lil min ikun konxjament u deliberatament ikkontratta obbligazzjoni b’kawza illecita jew kontra l-ordni pubbliku imma kienu biss intizi bhala deterrent kontra l-ezekuzzjoni ta’ tali obbligazzjoni’.


[1] Ara sentenza fl-ismijiet Godfrey Aquilina nomine vs Sebastian Galea deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fis-7 ta’ Diċembru 1995

[2] Ara sentenza fl-ismijiet Prokuratur Legali Joseph Zammit noe vs Joseph Fenech et deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fl-4 ta’ Marzu 2004

[3] Ara sentenza fl-ismijiet Edgar G Soler noe vs H H Sir David Campbell noe deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili nhar it-29 t’Ottubru 1949 (Vol XXXIII.II.431)

[4] Kwotata fis-sentenza fl-ismijiet Frank Cristiano vs Raymond u Jane konjugi Portelli deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili nhar il-31 ta’ Mejju 2004

[5] Ara sentenza fl-ismijiet Evan Tony Camilleri et vs Michelina Vella deċiża mill-Qorti tal-Appell fid-9 ta’ Ġunju 2003

[6] Ara sentenza fl-ismijiet Frank Xavier Aquilina vs Carlo Leone Ganado et deċiża mill-Qorti tal-Appell fis-16 ta’ Ġunju 1995 (Vol LXXIX.II.561)

[7] Ara sentenza fl-ismijiet Anthony Piscopo vs Charles Filletti deċiża mill-Prim’Awla nhar is-16 ta’ Ġunju 2003

[8] Ara sentenza fl-ismijiet Josephine Galea et vs AIC Walter Caruana Montaldo deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fis-16 ta’ Diċembru 1970

[9] Ara sentenza fl-ismijiet Joseph Aquilina et vs Alfred Ellul deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fl-20 ta’ Marzu 2003

[10] Ara sentenza fl-ismijiet George Portelli et vs Ivan John Felice deċiża mill-Prim’Awla nhar it-28 ta’ Lulju 2004

[11] Ara sentenza fl-ismijiet Antonio Cassar noe vs Boris Arcidiacono deċiża mill-Qorti tal-Appell fil-5 ta’ Ottubru 1998