Ibda biex, il-liġi tagħna ma tagħti ebda tifsira ta’ ħajt diviżorju iżda fis-sentenza fl-ismijiet Gatt vs Mintoff deċiża mill-Prim’ Awla u li hija tant kwotata mill-Qrati tagħna, issir referenza ghall-Artikolu 425 tal-Kap 16 jingħad li:
‘…mhux il-każ, almenu fis-sistema tal-liġi tagħna, li ssir ebda distinzjoni f’dan ir-rigward bejn ħajt proprju u ħajt komuni jew ħajt li jissepara żewġ edifiċji jew li jissepara dar minn fond ta’ natura oħra, jew dar minn bitħa ta’ oħra sakemm il-ħajt hu diviżorju’.
Impliċitament, hawn qed ngħidu li ħajt li jifred żewġ proprjetajiet jibqa’ jissejjaħ ‘diviżorju’ anke jekk mhux komuni.
Issa, meta niġu għall-ħxuna ta’ ħajt diviżorju, il-liġi ċivili tipprovdi li dan għandu jkun 38cm, ħxuna, din, ekwivalenti għal żewġ qoxriet ta’ 19cm/19cm.
L-Artikolu 407 tal-Kap 16, infatti, jgħid hekk:
‘Il-ħajt li qiegħed biex jaqsam bini minn ieħor, jew bini minn fond ta’ xorta oħra, għandu jkun ta’ ħxuna ta’ mhux anqas minn 38cm’.
Minkejja li hawn qed ngħidu li l-ħajt diviżorju jrid ikollu ħxuna ta’ 38cm, allura żewġ qoxriet ta’ 19cm, wieħed irid jara jekk meta nbniet il-proprjeta’, dan il-ħajt inbeniex b’inqas ħxuna (ħafna drabi, 23cm) bi ftehim bejn il-partijiet. F’dak il-każ, il-ħxuna għandha tibqa’ kif inhi.
Tajjeb jiżdied jintqal li, anke jekk il-ħxuna tal-ħajt hi ta’ disa’ pulzieri (23 cm), ergo anqas minn 38cm kif jippreskrivi l-Artikolu 407, imkien fil-liġi ma nsibu li din il-ħxuna nieqsa tirrendi l-ħajt inqas komuni. B’hekk, meta ħajt divizorju ta’ ħxuna anqas minn 38cm jintuża mis-sidien rispettivi fuq kull naħa tiegħu, ma jistax, imbagħad, xi wieħed minn dawn is-sidien jilmenta dwar ksur ta’ l-Artikolu 407. Fuq l-istess vena, kull wieħed mill-ġirien għandu dritt li jinnalza l-ħajt diviżorju komuni bl-istess ħxuna għaliex il-wisa’, hi kemm hi, hija meqjusa pro indiviso.
Ta’ min iżid ukoll li meta tinbena qoxra ġdida ma’ ħajt diviżorju eżistenti li jkollu l-kunsens tal-partijiet irrispettivament mill-wisa’, il-qoxra l-ġdida ma titqiesx li tikkwalifika bħala l-ħajt diviżorju għal finijiet tal-Artikolu 439 tal-Kap 16[1].
[1] Ara sentenza fl-ismijiet Attard et. vs Saliba et. mogħtija mill-Qorti Superjuri t’Għawdex nhar l-24 ta’ Lulju 2009