L-għoti u t-tismija tar- raġunijiet li jkunu wasslu għal deċiżjoni ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar jew it-Tribunal ta’ Reviżoni ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar huma għodda meħtieġa li biha wieħed jista’ jqis is-siwi ta’ dik id-deċiżjoni. Kull min hu msejjaħ biex jagħti l-ġudizzju tiegħu, inkluż allura l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar u, iżjed w iżjed, it-Tribunal ta’ Reviżjoni, għandu, fil-minimu, anke jekk mhux b’ mod approfondit, jipprovdi r-raġuni tad-deċiżjoni tiegħu in kwantu minn din l-istess raġuni jkun jista’ jiġi dedott l-iter loġiku segwit u dak tar-raffront bejn ir-rikjest u d-deċiżjoni. Fuq is-saħħa ta’ dik jew dawk ir-raġunijiet, wieħed jista’ ikun jaf x’ikun wassal lill-dik l-enti biex tiddeċiedi kif iddeċidiet, x’qieset biex waslet għal deċiżjoni bħal dik, u x’rimedju jista’ jkollu dwarha.
Ergo, li jingħataw raġunijiet hi ħtieġa mportanti indipendentement minn jekk l-Awtorita’ jew it-Tribunal għandhomx raġun fil-mertu. Infatti, il-prinċipji tal-ġustizzja naturali għandhom jiġu osservati anke jekk, kieku fl-assenza li ma jiġux osservati, l-eżitu kien ikun l-istess. Fuq dan il-punt, il-Qrati tagħna jagħmlu ħafna drabi referenza għal każ seminali General Medical Council vs Spackman[1] fejn intqal hekk:
‘If the principles of natural justice are violated in respect of any decision it is, indeed, immaterial whether the same decision would have been arrived at in the absence of the departure from the essential principles of justice. The decision must be declared, to be no decision’.
Qed ngħid, hawn, li anke jekk l-Awtorita’ jew it-Tribunal ikollhom raġunijiet validi għaliex ikunu waslu għal konklużjoni partikulari, ir-raġunijiet għal tali konklużjoni għandhom jiġu esposti għaliex, altrimenti, tkun diffiċli li wieħed jiddeduċi jekk id-diskrezzjoni afdata lil min ħa d-deċiżjoni ġiet użata b’mod prudenti u ġust.
Tqum mill-ewwel il-mistoqsija: Kemm għandha tkun approfondita deċiżjoni?
Huwa paċifiku aċċettat li m’hemmx ħtieġa li jsir kumment fuq kull oġġett mertu tal-vertenza. Ergo, għandu jkun biżżejjed li ġudikant jislet il-kwistjonijiet rilevanti ta’ fatt u rilevanti legalment dipendenti fuq dak mitlub u eċċepit u wara li jixtarr il-kunsiderazzjonijiet fattwali u legali, jiddeċiedi skond il-liġi min mill-partijiet għandu raġun.
Detto questo, ġudizzju ma jistax ikun nieqes minn deskrizzjoni, anke jekk qasira, ta’ fatti aċċertati u kif dawn il-fatti aċċertati u meqjusa bħala pruvati skond il-liġi u dan, biex, imbagħad, wieħed jista’ jgħid jekk il-ġudikat huwiex wieħed validu fil-liġi o meno. Ma jistax, per eżempju, fid-deċiżjoni tiegħu, it-Tribunal ta’ Reviżoni ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar jgħid sempliċiment li d-disinn propost jirrispekkja l-karatterestiċi storiċi u kontestwali iżda imbagħad ma jagħtix ħjiel ta’ x’inhuma dawn il-karatteristiċi storiċi! Deċiżjoni trid għalhekk tqiegħed in riljev l-aspetti neċessarji bastanti għas-sostenn tar-ratio decidendi.
Dunque, meta niġu biex nistabilixxu jekk deċiżjoni tat-Tribunal hix motivata biżżejjed o meno, wieħed għandu jara jekk jistax raġonevolment jara li s-sustanza tal-appell tqieset kollha kemm hi fl-isfond tal-iżvilupp propost in lineja mal-liġijiet, pjanijiet u policies rilevanti għall-iżvilupp. Għalkemm it-Tribunal mhux marbut li jqis kull studju, wieħed wieħed u jsemmi kollox, irid xorta waħda jidher illi kellu fehma studjata ta’ dak li kienu qed isostnu l-partijiet u dan jirriżulta b’mod ċar minn qari tal-kunsiderazzjonijiet kif imfissra w spjegati.[2] Biex nistgħu ngħidu li deċiżjoni ta’ Tribunal mhix motivata, irid jinstab li minn evalwazzjoni tad-deċiżjoni, il-qarrej huwa kostrett jippreżumi dak li ma jirriżultax mid-deċiżjoni biex jikkonvalida l-istess.
[1] Ara sentenza fl-ismijiet General Medical Council vs Spackman deċiża mill-House of Lords fis-sena 1943
[2] Ara sentenza fl-ismijiet Cefai Dr Emmanuel George v L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u l-kjamat in kawza Thomas Devenish deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar is-16 ta’ Marzu 2022 (Ap15/21)