L-Artikolu 4(2)(d) tal-Kap 199 jistipula li s-sid ikun intitolat jirriprendi l-pussess tar-raba’ tiegħu jekk jipprova illi: ‘matul is-sentejn minnufih qabel id-data tat-terminazzjoni, l-għalqa tħalliet ma tinħadimx għal mill-anqas tnax -il xahar konsekuttivi skond il-kalendarju’.
Dan ifisser li sid il-kera jista’ jitlob li jieħu lura l-pussess darba dan jipprova li matul is-sentejn minnufih qabel id-data tat-terminazzjoni, l-għalqa tħalliet ma tinħadimx għal mill-anqas tnax -il xahar konsekuttivi skont il-kalendarju. Fil-prattika, il-ġurisprudenza dejjem saħqet li l- użu ta’ raba’ ifisser illi r-raba’ jkun maħdum skond is-sengħa biex jiġi utilizzat għall-produzzjoni tal-prodotti.
Infatti, fis-sentenza fl-ismijiet Markiz Joseph Scicluna vs Joseph Bezzina et., deċiża mill-Qorti ta’ l-Appell fis-6 ta’ Ottubru 1999, dik il-Qorti qalet li mhux biżżejjed li ‘r-raba’ jkun qed jiġi użat jekk sempliċiment kull tant żmien tintefa` ftit żerriegħa mħollija għall- elementi’. Dik il- Qorti fil- fatt kompliet tgħid:
‘Meta hekk jiġri wieħed ġustament seta’ jsostni li r-raba’ ma jkunx qed jiġi użat imma abbużat’.
F’dan l-istess każ, inzerta li r-ritratti esebiti wrew in oltre illi meta ttieħdu kien fiż-żmien viċin meta nbdew il- proċeduri u b’hekk seta’ jiġi aċċertat, kif del resto aċċertaw ukoll il-periti tekniċi tal-Bord, illi r-raba’ in kwistjoni kien żdingat u abbandunat u li kien ilu hekk għal numru ta’ snin. B’konsegwenza, il- Qorti ordnat it-terminazzjoni tal- qbiela abbazi ta’ l-imsemmi Artikolu 4(2)(d).