Bil-fatt tal-fidi taċ-ċens, jispiċċaw l-obligi marbuta mal-ħlas taċ-ċens, iżda mhux ukoll id-drittijiet reali naxxenti mill-kuntratt. Filfatt fis-sentenza fl-ismijiet Philip Fenech et vs A&R Mercieca Limited[1], kien ritenut dan li ġej:
‘Bil-fatt tal-fidi tas-subċens impost fuq il-kuntratt kostitwenti s-servitu`, jispiċċaw l-obbligazzjonijiet marbuta mal-ħlas taċ-ċens, iżda mhux ukoll dawk id-drittijiet reali li nħolqu bl-istess kuntratt ta’ enfitewsi. Kif qalet din il-Qorti fil-kawża “Coliero v. Cremona” deċiża fl-14 ta’ Ottubru, 1987, “għalkemm isir il-fidi taċ-ċens fil-bejgħ, il-konċedent li jkun irriżerva favur tiegħu drittijiet li għandhom fihom elementi ta’ proprjeta`, dawn id-drittijiet jibqgħu veljanti nonostante l-fidi taċ-ċens”.’
L-istess prinċipju ġie enunċjat fil-kawża fl-ismijiet Testaferrata Moroni Viani et vs Mifsud[2], fejn intqal li mal-fidi taċ-ċens, drittijiet reali riservati favur il-garanti jew terzi persuni fil-kuntratt oriġinali tal-konċessjoni enfitewtika jibqgħu mhux affettwati.[3]
[1] Ara sentenza fl-ismijiet Philip Fenech et vs A&R Mercieca Limited deċiża mill- Qorti tal-Appell fit-22 ta’ Mejju, 2008
[2] Ara sentenza fl-ismijiet Testaferrata Moroni Viani et vs Mifsud deċiża fit-22 ta’ Novembru, 1995
[3] Ara sentenza fl-ismijiet Testaferrata Moroni Viani et vs Carmelo Caruana & Co. Ltd. et deċiża fis-6 ta’ Ottubru, 2000