Ikun hemm problema f’każ ta’ eċċess minħabba li l-ġudikant jibbaża r-raġuni tad-deċiżjoni fuq titolu, kawżali jew fatt ġuridiku, essenzjalment differenti minn dak li, permezz ta' azzjoni jew eċċezzjoni, jiġi dedott mill-partijiet in sostenn tal-konklużjonijiet tagħhom.
Illi dawn il-prinċipji jsibu sostenn anke fil-qafas ta’ l-ippjanar, fis-sens li huwa meħtieġ li wieħed jara x'ikun intalab quddiem it-Tribunal wara deċiżjoni ta’ l-Awtorita’ u dik it-talba titqies minn dak li jissemma fir-rikors li bih il-kawża tinbeda.
Is-sentenza Jean Paul Busuttil -vs- L-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar il-11 ta’ Diċembru 2014 [App180/2012] stabbiliet żewġ prinċipji fil-kuntest tal-premess, fis-sens illi:
(i) Filwaqt li t-Tribunal huwa obbligat jikkunsidra l-aggravji kollha ta’ sustanza li jistgħu ikollhom effett għad-deċiżjoni pero m’għandux hu jdaħħal aggravji li ma jitqajmux mill-partijiet. Aggravju f’dan il-kuntest ma jinkludix l-inserzjoni ta’ pjanti u permessi fil-proċess quddiem it-Tribunal;
(ii) Aggravji li ma tqajmux b’mod ċar quddiem it-Tribunal wisq anqas ma jistgħu jiddaħħlu quddiem il-Qorti tal-Appell.
Tajjeb wieħed pero jirrimarka li m’hemmx lok ta’ extra petita jew ultra petita f’ċirkostanza fejn jingħata rimedju li, għalkemm ma jissemmiex bħala talba espressa, joħroġ ex necessaria consequentia minn talba oħra li tkun magħmula. Dan joħroġ ċar mill-ġurisprudenza nostrana. (Ara per ezempju sentenza fl-ismijiet Joseph Vella, Joseph Zammit u martu Victoria Zammit. v. Nazzareno Farrugia u martu Maryanne Farrugia mogħtija mill-Qorti tal-Appell nhar is-7 ta’ Diċembru 2007 (App 568/1996/2).