Fl-istess ħin, dan l-Att se jħassar dak viġenti filwaqt li se jintroduci provedimenti oħrajn indipendentement mill-ħtiġijiet ta’ l-imsemmija Direttiva. In piu’, bosta mill-kunċetti li jirraviża dan l-abbozz ġja jeżistu fl-Att viġenti.
Dan huwa sommarju ta’ dak li essenzjalment qed jiġi proponut fl-Att il-ġdid:
1. Fl-ewwel lok, il-prattika ta’ perit se tibqa’ regolata bhal dik ta’ avukat, nutar ecc.. Fi kliem ieħor, perit jista’ jippratika tali jekk huwa ‘warranted’, u dan dejjem sabiex jiġi mħares l-interess pubbliku. Għalhekk, huwa biss id-detentur tal-warrant li jista’ jsejjaħ lilu nnifsu ‘perit’;
2. Għal darb’oħra, l-Att il-ġdid jagħraf li għandu jkun biss perit bil-warrant li jista’ jerfa r-responsabilta’ tad-disinn u s-superviżjoni tal-kostruzzjoni ta’ binjiet u xogħlijiet ta’ nġinerija biex finalment jiċċertifika l-integrità strutturali ta’ binja;
3. Dawk il-periti ta’ żmieni u anke wara nissejħu ‘perit Arkitett u Inġinjier Ċivili’. Il-liġi, pero’, issa tiddistingwi bejn Perit Inġinier Ċivili u Pertit Arkitett;
4. Dil-liġi taħseb ukoll li jkun hemm timbru preskritt maħruġ skont regolamenti lill-warrant holder u allura perit ma jistax juża kwalunkwe timbru personalizzat bħalma jiġri llum. Dan it-timbru jrid jgħid ukoll jekk il-perit hux arkitett jew perit inġinjier u jrid jintuża fid-dokumenti kollha provduti mill-warrant holder. B’hekk il-konsumatur se jkun jaf min għandu quddiemu, ossija jekk hux perit li speċjalizza bħala arkitett jew perit li speċjalizza bħala inġinjier;
5. L-Att jistipola min u kif wieħed jista’ jottjeni warrant ta’ perit, liema warrant irid jingħata minn Bord (magħruf bħala l-Bord ta’ Warrant jew il-Warranting Board) wara eżami u wara li l-perit prospettiv ikun għamel sena jiprattika taħt is-superviżjoni ta’ warrant holder ieħor li jkun ilu jiprattika minimu ta’ 10 snin. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Warrant ikunu soġġetti għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva mwaqqaf skont l-Artikolu 5(1) tal-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva;
6. L-Att jagħti ukoll garanzija li persuni li kisbu l-kwalifiċi professjonali tagħhom fi stat membru, ikollhom aċċess għall-istess professjoni u jeżerċitawha f’Malta bl-istess drittijiet bħala ċittadini u dan in lineja mad-direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiċi Professjonali;
7. L-Att jippermetti wkoll l-eżerċizzju tal-professjoni taħt it-titolu professjonali tal-istat membru tal-oriġini, kemm -il darba dan ma joħloqx konfużjoni għall-konsumaturi tas-servizz f’Malta kif ukoll il-possibilita’ li persuna legalment stabbilita fi stat membru tipprattika l-professjoni f’Malta fuq bażi temporanja u ta’ kultant, mingħajr il-ħtieġa li ssegwi l-proċeduri stipulati sabiex tidħol fir-reġistru tad-detenturi tal-warrant;
8. Fi kwalunkwe każ, pero, il-punt ta’ tluq jibqa’ li biex wieħed jingħata l-warrant lokalment irid, bħala bażi, jkollu taħriġ ta’ ħames (5) snin full-time, jew l-ekwivalenti ta’ tliet mitt (300) ECTS jew ikun irċieva taħriġ akkademiku f’Malta tal-inqas fil-livell 13 (e) kif imfisser fir-Regolamenti dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki Professjonali, f’università jew f’istituzzjoni ta’ tagħlim komparabbli, għal perjodu minimu ta’ erba’ (4) snin full-time, jew l-ekwivalenti ta’ mitejn u erbgħin (240) ECTS. F’dal-każ, pero’, il-kandidat irid ukoll ikun temm b’suċċess l-eżamijiet finali fil-livell universitarju, bl-arkitettura jew l-inginjerija (skont il-każ) tkun il-qasam prinċipali ta’ studju li jiggarantixxi li l-kandidat ikun laħaq profiċjenza tal-inqas f’dawk id-dixxiplini li jistgħu jiġu preskritti apparti li jkun ukoll wettaq perjodu ta’ taħriġ prattiku professjonali formali għall-perjodu minimu ta’ sentejn (2) full-time;
9. Detto cio’, perit irid ukoll għarfien suffiċjenti ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Malta, b’tali mod li jkun jista’ jagħmel użu minnha fil-prattika tal-professjoni;
10. L-Att jagħraf ukoll l-irwol tal-Kamra tal-Periti bħala r-regolatur nazzjonali u l-korp rappreżentattiv tal-professjoni tal-perit. Għalkemm huwa ċar li l-Kunsill tal-Kamra se jkollu s-setgħa li jinvestiga warrant holders u jwettaq inkjesti f’każijiet ta’ mġieba professjonali mhux xierqa jew prattiċi ħżiena jew abbużi jew nuqqasijiet imwettqa minn jew kontra kwalunkwe detentur tal-warrant b’rabta mal-eżerċizzju tal-professjoni jew ma’ kwistjonijiet professjonali, l-investigazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe ksur allegat trid finalment tiġi mgħoddija lil entita’ separata magħrufa bħala l-Bord għall-Imġieba Professjonali tal-Periti presedut minn imħallef jew maġistrat irtirat u erba’ (4) membri magħżula miċ-chairman. Dawn il-membri jridu jintgħazlu minn fost numru ta’ mhux anqas minn għaxar (10) detenturi tal-warrant li ilhom bil-warrant għal mill-inqas ħmistax (15) -il sena. L-għażla tal-membri trid tassigura fost affarijiet oħra li membru ma jistax iservi fuq dal-Bord ‘jekk kellu tilwim, argument jew nuqqas ta’ qbil ta’ kwalunkwe natura mal-persuna li qed tressaq l-ilment jew mal-persuna li lilha jkun qed jiġi notifikat l-ilment.’ Finalment, huwa dal-Bord li jiddetermina li jaċċetta jew jirrifjuta b’mod sħiħ jew parzjalment, l-allegazzjonijiet imsemmija u jiddetermina l-azzjoni dixxiplinarja li għandha tittieħed kontra kwalunkwe detentur. Tajjeb jiġi puntwalizzat li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Kamra tal-Periti huma soġġetti għal appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva filwaqt dawk tal-Bord għall-Imġieba Professjonali tal-Periti hi appellabli quddiem il-Qorti tal-Appell;
11. Xi ħaġa oħra nnovattiva hi li kull detentur tal-warrant jew soċjetà reġistrata taħt l-Att il-ġdid għandhom ikunu koperti permezz ta’ poloz ta’ assigurazzjoni u tali assigurazzjoni għandha tipprovdi protezzjoni adegwata. L-Att irid li l-poloz ta’ assigurazzjoni għandhom ikopru d-detentur tal-warrant jew is-soċjetà kontra kull responsabbiltà li d-detentur tal-warrant jew is-soċjetà jistgħu jkunu soġġetti għaliha, għall-kumpens fir-rigward ta’ telf jew dannu lil xi persuna jew oġġett b’riżultat ta’ kwalunkwe att negliġenti, ksur ta’ obbligi, żball jew nuqqas kommessi mid-detentur tal-warrant, mis-soċjetà, kwalunkwe soċju tagħha jew kwalunkwe mill-impjegati, kif ukoll kontra kull talba għal kwalunkwe telf jew dannu riżultanti jew kontribwiti minn att kriminali jew malizzjuż jew nuqqas ta’ xi impjegat tagħhom.
Dan huwa essenzjalment dak li qed jiġi propost s’issa.
Dr Robert Musumeci huwa perit, avukat u ottjena PhD fil-Liġi ta’ l-Ippjanar u Żvilupp. Huwa jgħallem dan is-suġġett fil-Fakulta tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta