Indunajt li dak li kellu f’moħħu dan il-perit kien l-Artikolu 435 tal-Kap 16. Dan l-Artikolu jgħid hekk:
“(1) Għad li l-bini ma jkunx sar fuq il-linja tal-konfini, il-ġar jista’ jekk ma jitħalliex għall-anqas il-bogħod ta’ metru u nofs, jitlob li jagħmel komuni l-ħajt, u jista’ jibni sa fejn jasal il-ħajt u jpoġġi miegħu, billi jħallas, ma’ nofs is-siwi tal-ħajt, is-siwi tal-art li jokkupa, kemm-il darba sid l-art ma jagħżilx li joħroġ il-bini tiegħu, fl-istess żmien, sal-linja tal-konfini.
(2) Jekk il-ġar ma jkunx irid jinqeda b’ dan il-jedd, huwa għandu jibni l-ħajt jew bini tiegħu b’mod li jkun hemm il-bogħod ta’ tliet metri mill-ħajt jew mill-bini tal-parti l-oħra.
(3) Din ir-regola għandha titħares f’kull każ ieħor meta l-bini tal-parti l-oħra hu bogħod anqas minn tlett metri mill-konfini.
(4) Il-fatt biss li dar jew ħajt li ġa jeżistu jitgħollew, jitqies bini ġdid”
Mill-ewwel daqqa t’għajn, dan l-Artikolu jtik x’tifhem li jekk wieħed ma jmissx il-ħajt diviżorju, trid titħalla distanza ta’ tlett metri. Il-verita legali, pero’, hi mod ieħor. Dan m’huwiex dak li jrid l-Artikolu 435.
L-Artikolu 435 japplika biss meta l-bini ta’ ‘A’ ma jkunx sar fuq il-linja tal-konfini li tiddividi ż-żewġ proprjetajiet adjacenti ta’ ‘A’ u ‘B’ u l-art li ma ntużatx ma tkunx ġiet utilizzata w akkwistata minn ‘B’. L-ideja hi li meta wieħed jiġi biex jibni u ma jibnix fuq il-linja medjana iżda jidħol ’il ġewwa fl-art tiegħu, tali art li m’utilizzax tista’ tiġi akkwistata mill-ġar. Jekk dan id-dritt ma jkunx ġie utilizzat, il-ġar irid imbagħad iħalli distanza ta’ tlett metri mill-ħajt eżistenti biex jagħmel il-konfini tal-bini tiegħu u b’hekk ma jiġix utilizzat il-ħajt diviżorju.
Il-kwestjoni, pero’, hi differenti meta jkun inbena ħajt diviżorju fuq il-linja medjana jew ikun il-ħajt diviżorju, anke jekk mhux mibni fuq il-linja medjana, ikun ġja reż komuni u l-art tkun ġiet utilizzata. F’dal-każ, l-Artikolu 435 ma japplikax u wieħed ma jinħtiegx iħalli distanza ta’ tlett metri meta se jibni viċin il-ħajt diviżorju.
Dr Robert Musumeci huwa perit, avukat u ottjena PhD fil-Liġi ta’ l-Ippjanar u Żvilupp. Huwa jgħallem dan is-suġġett fil-Fakulta tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta