Ir-rejalta’ legali, pero’, hi li l-effett tal-commitment jista’, in fine, jiġġustifika l-ħruġ ta’ permess ta’ żvilupp anke jekk il-proposta ma tkunx strettament mal-policy. Dan l-insenjament kompla jieħu żvolta nteressanti ricentement, f’deċiżjoni li ta t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar fl-ismijiet Romina Grech -vs- l-Awtorita' tal-Ippjanar. Essenzjalment, l-appellanta riedet tibni ‘conservatory’ viċin boutique hotel sitwata ġo l-ODZ iżda l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar irrifjutat il-permess abbażi tar-Rural Policies li jimmilitaw kontra aktar żvilupp fil-kampanja.
Din id-deċiżjoni ta’ l-Awtorita’ kienet appellata quddiem it-Tribunal. Fl-appell tagħha, l-applikanta argumentat li l-iżvilupp propost huwa wieħed anċillari mal-Boutique Hotel u jikkumplimenta l-kuntest agrikolu u rurali tas-sit, u li dawn huma kunsiderazzjonijiet materjali mportanti li għandhom jiġu meqjusa. L-appellanta qalet ukoll li l-Conservatory hija waħda demountable simili għal serra w intenzjonata għal ‘Botanical Garden’ u għalhekk relatata mas-settur agrikolu. Intqal ukoll li kunċetti simili għal dak propost f’ din l-applikazzjoni huma wżati b’mod regolari fil-każ ta’ 5 Star Boutique Hotels, fejn il-Conservatory huwa ntenzjonat sabiex jipprovdi post trankwill fejn wieħed jista’ jistrieħ f’ambjent li fih jitkabbru pjanti ta’ġewwa.
It-Tribunal ma damx jomgħoda u dlonk ħa nota tal-fatt li fil-viċin tal-hotel kien hemm diversi ‘commitments’. It-Tribunal ikkwota l-Artikolu 72(2) tal-Kapitolu 552 li jipprovdi b’mod ċar illi fid-determinazzjoni t’applikazzjoni għall-permess għall-iżvilupp, il-Bord tal-Awtorita’ għandu jqis kemm il-pjanijiet, il-policies u regolamenti kif ukoll “kull ħaġa ta’ sustanza, kompriż commitments legali fil-viċin, kunsiderazzjonijiet ambjentali, estetiċi u sanitarji li l-Bord jista’ jqis bħala rilevanti”. Dawn l-issues, skont it-Tribunal, kellhom jitqiesu mill-Awtorita’ skont il-liġi. Għalkemm it-Tribunal m’ordnax il-ħruġ tal-permess, l-atti ntbagħtu lura għand l-Awtorita’ biex tiddeċiedi mill-ġdid wara li tieħu in kunsiderazzjoni dak li jeżiġi l-imsemmi Artikolu 72(2) tal-Kapitlu 552 li jipprovdi b’mod ċar illi fid-determinazzjoni t’applikazzjoni għall-permess għall-iżvilupp, irid jittieħed kont tal-commitments fil-viċin tas-sit.
Din id-deċiżjoni tkompli titfa’ oneru fuq l-Awtorita’ filwaqt li tfakkarha fl-obbligu li għandha tara mhux biss dak li jgħidu l-policies ta’ l-ippjanar iżda wkoll tieħu kont ta’ dak li jeżisti fuq il-post u l-madwar. Huwa ben stabbilit li meta l-policy ma tirriflettix dak li hemm fuq il-post, il-kunsiderazzjonijiet ta’ sustanza (il-‘material considerations’) jistgħu jieħdu s-sopravvent. Dan ghaliex, kif jgħidu l-awturi Cullingworth u Nadin, ‘many issues raised by planning applications will not be addressed in policy, as there is a limit to which governments at any level, can, or wish to, commit policies to paper’.
Dr Robert Musumeci huwa perit, avukat u ottjena PhD fil-Liġi ta’ l-Ippjanar u Żvilupp. Huwa jgħallem dan is-suġġett fil-Fakulta tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta.
