Minn qari ta’ dan id-dispost isewgi li jekk mir-riferta tal-uffiċjal inkarigat minn notifika ta’ skrittura jew att ġudizzjarju jinstab lil-persuna li għandha tiġi notifikata bl-iskrittura jew att:
(i) ma tirriżultax li qegħda barra minn Malta
u
(ii) d-dħul fil-post tar-residenza tagħha ma jkunx jista’ jsir,
jew
(iii) il-post tar-residenza tagħha ma jkunx magħruf.
…l-imsemmija liġi timponi tassattivament minimu ta’ ħames elementi li jridu jikkonkorru kollha kemm huma biex notifika bħal din tkun valida, ossija:
1: billi titwaħħal kopja tal-att fil-post, fil-belt jew fid-distrett fejn soltu jitwaħħlu l-atti uffiċjali;
2: billi dik l-iskrittura jew att jinħarġu fil-qosor fil-Gazzetta u f’ġurnal ta’ kuljum wieħed jew iktar minn wieħed skont kif il-qorti tiddeċiedi;
(Nota: Mhux biżżejjed allura li ssir biss il-publikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern)
3: meta jkun possibbli, jekk il-post tar-residenza jkun magħruf, billi titwaħħal kopja tal-iskrittura mal-bieb ta’ dik ir- residenza;
(Nota: L-Artikolu 187(3) irid biss il-publikazzjoni f’ġurnal u fil- Gazzetta tal-Gvern, u li “titwaħħal” kopja mal-bieb - la trid li dak li jkun ikun qara l-ġurnal, u lanqas li jinduna bl-att mal-bieb tiegħu. Il-liġi timponi kriterji oġġettivi u darba jirrizulta li dak li trid il-liġi twettaq, il-konvenut f’kawza għandu jitqies notifikat għal kull fini u effetti tal-liġi. Ma jkunx loġiku li l-konvenut jitħalla jeħles min-notifika billi jgħid li hu ma rax l-att mal-bieb tar-residenza tiegħu.)
4: Il-qorti tista’ wkoll tieħu dawk il-miżuri oħra li jkunu jidhrulha xierqa sabiex l-iskrittura jew l-att issir taf bihom il- persuna li lilha għandhom ikunu notifikati;
5: … u tistipula żmien minimu li għandu jgħaddi wara li ssir il-pubblikazzjoni u affisjoni.
Issa, f’dawn il-każijiet imsemmija, in- notifika għandha titqies li tkun saret fit-tielet jum ta’ xogħol wara l-aħħar data meta tkun giet pubblikata jew minn meta tkun twaħħlet il-kopja, skont liema l-aktar tard.
Mill-banda l-oħra, f’każijiet meta n-notifika tkun ġiet ordnata li ssir b’urġenza, in-notifika titqies li tkun saret f’dak iż-żmien speċifiku, wara t-twaħħil jew il-pubblikazzjoni skont kif il-qorti tista’ tistabbilixxi, li jissemma fl-istess pubblikazzjoni jew twaħħil.
Ta’ min jgħid ukoll li għalkemm hu desiderabbli li qabel ma tintuża din il-proċedura jsir tentattiv ta’ notifika wara l- ħinijiet legali, pero`, il-liġi ma tesiġix dan, u għalhekk in-nuqqas li jsir hekk, ma jwassalx għan-nullita` tan-notifika.
