Hemm xi rapporti li jridu jitħejjew mill-perit meta se jsiru xogħolijiet ta’ kostruzzjoni?
L- AVVIŻ LEGALI 72 TA’ L-2013 jipprovdi li f’każ ta’ xogħlijiet ta’ demolizzjoni, il-perit għandu jħejji d-dikjarazzjoni tal- metodu li għandha tqis il-kundizzjoni strutturali tal-kostruzzjoni nnifisha u ta’ strutturi kontigwi, is-sekwenza tax-xogħol, it-tip ta’ għodda, apparat u makkinarju li ser jintużaw, u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu f’kull stadju biex jipprovdu għal dawk is- salvagwardji li għandhom jiġu adottati kwantu s-segwenti:
1. Kontra instabbilità tal-istruttura;
2. Għal partijiet minnha li qed jiġu mwaqqgħin;
3. Għal kwalunkwe struttura kontigwa;
4. Għas-sigurtà tal-ħaddiema;
5. Għas-sigurtà ta’ terzi persuni.
Ir-Regolament 9 ta’ dan l-imsemmi Avviż irid li id-dikjarazzjoni tal- metodu (method statement) jitħejja mill-perit responsabbli b’kollaborazzjoni mal- manager tas-sit u l-kuntrattur. Id-dikjarazzjoni tal- metodu għandha tindika:
1. Id-data tal-bidu tax-xogħlijiet;
2. Id-dettalji tal-persuna li qegħda tikkummissjona x-xogħlijiet;
3. Id-dettalji tal-kuntrattur u ta’ kull subkuntrattur;
4. In-numru tal-permess għall-iżvillup jew kull awtorizzazzjoni oħra minn awtoritajiet pubbliċi, fejnhu meħtieġ;
5. Pjanta tal-posizzjoni tas-sit u ritratt tas-sit;
6. Rapport ta' kundizzjoni (condition report) li jinkorpora ritratti tal-proprjetajiet li huma kontigwi mas-sit tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni;
7. Skavar, demolizzjoni jew proċeduri ta’ kostruzzjoni li qed jiġu adottati, inkluża informazzjoni li hija rilevanti biex tissalvagwardja l-istabbilità tax-xogħlijiet li nbdew, u l-istabbilità ta’ struttura jew art kontigwa skont il-każ;
8. Pjanti u sezzjonijiet tax-xogħlijiet ppjanati, aċċess għas-sit u kull informazzjoni oħra li d-Direttur jista’ minn żmien għal żmien jitlob;
9. It-tip ta’ krejn li ser jintuża, il-lok fejn dan ser jintrama, il-metodoloġija ta’ kif ser jintrama, informazzjoni dwar il- kundizzjoni tal-art, u informazzjoni oħra relatata mal-krejn li tista’ tkun relevanti. Ċertifikati ta’ ispezzjoni tal-krejn għandhom jiġu sottomessi ukoll.
Hemm xi rapporti li jridu jitħejjew mill-perit meta se jitħaffer sit? Hemm xi regoli dwar makkinarju li jista’ jintuża?
L-AVVIŻ LEGALI 72 TA’ L-2013 jipprovdi li meta l-iskavar se jeċċedi fond ta’ 3 metri, qabel ma jinbeda’ xi skavar fil-blat fuq is-sit ta’ żvilupp, l-iżviluppatur huwa meħtieġ li jagħmel investigazzjoni ġeoloġika xierqa taż-żona li tkun ser tiġi skavata. Huwa veru li l-investigazzjoni ġeoloġika tista’ issir wara d- demolizzjoni tal-bini sovrastanti ż-żona li tkun ser tiġi skavata iżda il-liġi trid ukoll li qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet ta’ skavar, l-iżviluppatur għandu jissottometti r-riżultati tal-investigazzjoni lid- Direttur responsabbli għall-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini u, jekk ikun hemm il-bżonn, dikjarazzjoni tal-metodu emendata bbażata fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni. Mingħajr preġudizzju għar-regola taż-żewġ piedi u nofs, f’każ ta’ skavar f’żoni li jinsabu sa distanza ta’ 5 metri mill-konfini ta’ sit kontigwu, u li jinvolvi l-użu ta’ magna għat-tħaffir b’martell idrawliku anness jew drill pnewmatiku, il-kuntrattur għandu jiskava trinka permezz ta’ trencher sa fond ta’ mill-anqas 1.5 metri. Il-pożizzjoni tat-trinka għandha tkun b’mod li l-vibrazzjoni mill-apparat tal-iskavar li jilħaq l-konfini tas-sit jinżammu għall-minimu. Għal dan il-għan, it-trinka għandha tkun bejn il-magna tat-tħaffir u dik il-parti tal-konfini tas-sit li qegħda sa 5 metri mill-magna tat-tħaffir.
Il-liġi li ma tistax tħaffer entro żewġ piedi u nofs għadha tgħodd?
L-Artikolu 439 tal-Kodiċi Ċivili għadu jgħodd. Dan huwa kategoriku fis-sens li jipprojbixxi li jsir tħaffir fil-viċinanzi ta’ ħajt. It-tneħħija ta’ saffi, anke jekk ħamrija, huwa “tħaffir” li ma jistax isir skont il-liġi. F’dan il-kuntest, issir riferenza għas-sentenza studjata u riċerkata li tat il-Prim’ Awla fil-kawża “Mangion vs Borg” fit-3 ta’ Frar, 1983. Fiha ntqal li “l-artikolu 476 (illum 439) jistabilixxi f’termini ġenerali a rigward ta’ kull speċi ta’ fond id-distanza li għandha tiġi osservata fi kwalunkwe tħaffir, ikun x’ikun l-oġġett ta’ dak it-tħaffir.” Din id-distanza ta’ żewġ piedi u nofs ġiet stabbilita b’mod kategoriku u għandha dejjem tiġi osservata, u l-viċin għandu dritt jitlob li tiġi osservata din id-distanza anke jekk ma jippruvax danni.
Sa fejn hu responsabbli l- perit? Sa fejn hu responsabbli l- kuntrattur?
Hi rilevanti s-sentenza f’dan ir-rigward mogħtija mill- Qorti tal-Kummerċ fis-sentenza tagħha fl-ismijiet Lilian Stilon DePiro pro et noe et vs Henry Ghirlando fl-20 ta' Marzu 1962 (Vol. XLVI.iii.746) :
"Jekk l-arkitett kellu d-direzzjoni tax-xog hol, filwaqt li x-xogħol kellu jiġi eżegwit mill-appaltatur, l-arkitett mhux responsabbli jekk id-difetti huma dovuti unikament għall-ħtija tal-appaltatur, għal xi negliġenza da parti tiegħu, jew, per eżempju, għall-imperizja fl-arti tiegħu, u għal xejn mid-direzzjoni tal-arkitett. Jekk id-difetti huma dovuti għal direzzjoni ħażina, allura jirrispondi l-arkitett, purcke` ma jkunx hemm ukoll ħtija tal-appaltatur; għaliex dan ma għandux jeżegwixxi direzzjoni li jkun jaf li hija ħażina u li sejra tipperikola l-istabbilita` tal-kostruzzjoni; u lanqas ma għandu japprofitta minn negliġenza tal-arkitett u jittrasgredixxi d-dettami tal-arti edilizja; f'liema każ, l-appaltatur jirrispondi mal-arkitett, kull wieħed minnhom fil-miżura tal-kolpa rispettiva".
X’inhu l-obbligu tal-appaltatur?
Bħala l-ewwel prinċipju huwa dottrinalment u ġurisprudenzjalment riċevut illi l-appaltatur għandu l-obbligu li jeżegwixxi x-xogħol lilu kommess fis-sens li huwa għandu l-obbligu wkoll li jara li dan ix-xogħol ikun sejjer isir utilment u mhux b’mod li l-quddiem juri difetti. L-appaltatur li jeżegwixxi ħażin ix-xogħol li jifforma l-oġġett ta’ l-appalt huwa responsabbli għad-dannu kollu li jiġi minn dik l-eżekuzzjoni ħażina. Għax kif jinsab ritenut ukoll “f’każ bħal dan hu għandu mill-ewwel ma jagħmilx ix-xogħol jew ikollu jirrispondi għad-difetti li jiġu l-quddiem” (Mario Blackman vs Carmelo Farrugia et noe, Appell Kummercjali, 27 ta’ Marzu 1972).
Jekk il-perit japprova x-xogħol jew jagħmel xogħol għax gie sforzat mill-kommittent, ikun ifisser li l-appaltatur jiġi eżonorat?
Jekk ikun hemm l-approvazzjoni tax-xogħol jew l-appaltatur ikun mexa skond l-ispecifications jew l-istruzzjonijiet lilu mogħtija mill-kommittent, l-appaltatur jibqa’ obbligat u responsabbli li jagħti lill-appaltant opra sodisfaċenti, u ma jistax jallega li x-xogħol sar mhux sewwa għax hu għamlu kif ried il-kommittent, billi l-appaltatur hu obbligat jirreżisti għal kwalunkwe intromissjoni tal-kommittent.
Ħlas tal-prezz tal-appalt ifisser neċessarjament approvazzjoni tax-xogħol?
Il-ħlas tal-prezz tal-appalt jew il-ħlas akkont ma jfissrux neċessarjament approvazzjoni tax-xogħol jekk dan fil-fatt jirriżulta difettuż. Meta allura jirriżultaw difetti, l-appaltatur jitqies in kolpa minħabba inadempiment.
X’inhuma d-dmirijiet tal-perit?
1 Il-perit għandu jissorvelja adegwatament ix-xogħol in korso (ara Francesco Saverio Farrugia vs AIC Joseph A. Tonna, App Civ 25/03/1970 u Edward Theuma et vs John Saliba et, App Kum 17/11/1972);
2. Il-perit inkarigat mid-direzzjoni ta' bini hu obbligat jivverifika anke il-materjali li jkunu qegħdin jiġu wzati fil-bini (ara Avukat Dr. Carlo Moore nomine vs AlC Carmelo Falzon et, PA 04/11/1957);
3. Ir-responsabbilta’ tkun għal difett ta' kostruzzjoni, minbarra difett tal-art, u dak id-difett jista' jkun mhux biss xogħol ħażin imma anke xogħol eżegwit b'materjal ħażin (ara Rebecca Aquilina vs Giuseppe Sciortino et, App Kum 05/12/1955, Nobbli Gioacchino Attard Montalto vs Emmanuel Schembri et, App Kum 28/06/1957 u Emanuel Abela vs Perit Arkitett Fred Valentino et, App 04/12/1998);
X’għandu jkun il-grad tal- kolpa professjonali fil- każ ta’ perit?
Wieħed għandu jivvaluta l-kolpa fuq il-prinċipju tal-kolpa professjonali, fejn il-kolpa jeħtieġ Ii tkun inkurja gravi jew injoranza supine (ara Angelo Reitano et vs AIC Charles Cumbo, App Civ 31/05/1957, Bonsons Limited vs AIC Catherine Galea, 05/10/2001, Roderick Muscat et vs Perit Brian Ebejer, App Inf 06/10/2010 (mill-Alfabett tal-Kodiċi Ċivili. Imh. P. Sciberras. Vol Ap 301)
Xi tgħid il- liġi dwar ir-responsabbilta’ ta’ perit u/jew l-appaltatur?
L-Artikolu 1638 tal-Kodiċi Ċivili jagħmilha ċara li:
“(1) Jekk bini jew xogħol ieħor kbir ta' ġebel, mibni b'appalt, fi żmien ħmistax -il sena minn dakinhar li tkun tlestiet il-kostruzzjoni, jinqered, kollu jew biċċa minnu, jew juri li hemm periklu ċar li sejjer jiġġarraf minħabba difett fil-kostruzzjoni, jew ukoll minħabba difett tal-art, l-arkitett u l-appaltatur għandhom iwieġbu għal dan.
(2) L-azzjoni għall-ħlas tal-ħsara għandha titmexxa fi żmien sentejn minn dakinhar Ii jiġri xi wieħed mill-każijiet hawn fuq imsemmija”.
Meta japplika l-kunċett tal- każ fortuwitu?
Fis-sentenza Joe Caruana vs Philip Chircop & Sons Ltd et deciża fl-24 t’April 2015 intqal hekk: “….il-kunċett tal-każ fortuwitu jew forza maġġuri ma jseħħx meta għall-ħsara jkun ikkontribwixxa l-fatt, pożittiv jew negattiv, tal-bniedem. Skont il-prinċipju tad-dritt, biex ikun hemm il-każ fortuwitu mhux biżżejjed li jkun avveniment insolitu, sproporzjonat, u li jkun prodott mill-forzi tan-natura, imma jeħtieġ li jkun inevitabbli, b’mod li ma jistax jiġi evitat bid-diligenza ordinarja tal-“bonus pater familias”. Persuna ma tistax sempliċement tistrieħ fuq il-każ fortuwitu, jew forza maġġuri jew stat ta’ neċessita’ biex tiskolpa ruħha mill-ħtija meta teżisti l-kolpa anteċedenti”. (Ara deċiżjonijiet ta’ danni minn arma tan-nar waqt kaċċa Raymond Sammut vs Anthony Micallef deċiża fit-3 ta' Ottubru, 2008 (817/1999/1) PA – Imhallef G. Valenzia, u Carmela Fenech pro et noe vs Antonio Galea deċiża fl- 24 ta’ Mejju 1954 mill-Qorti ta’ l-Appell, u s-sentenza fl-ismijiet Mikiel Refalo pro et noe vs Pawlu Curmi deċiża fit-13 ta’ Jannar 1988 mill-Qorti ta’ l-Appell.
Għalhekk irid jintwera li d-dannu ma kienx ikkawżat minħabba ommissjoni tal-bniedem jew li ma jittieħdux rimedji u/jew miżuri ta’ prevenzjoni. Fil-każ ta’ fenomeni naturali li fuqha l-bniedem m’għandu ebda kontroll (bħax-xita), il-bniedem xorta għandu jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jilqa’ għal tali fenomeni sa fejn hu raġonevolment possibbli.
Biex ikun hemm il-każ fortuwitu mhux biżżejjed li jkun hemm avveniment insolitu, sproporzjonat u li jkun prodott mill-forzi tan-natura, imma jeħtieġ li jkun inevitabbli b'mod li ma jistax jiġi evitat bid-diligenza ordinarja tal-bonus pater familias.
L-appaltatur jeħles mir-responsabilta’ tiegħu jekk ikun hemm perit li jissorvelja x-xogħol?
Jekk il-vizzju tax-xogħol ikun dovut għall-lavorazzjoni u mhux fid-direzzjoni tal-perit, l-appaltatur huwa responsabbli. L-appaltatur għalhekk li jeżegwixxi ħażin ix-xogħol li jifforma l-oġġett tal-appalt huwa responsabbli għad-dannu kollu li jiġi minn dik l-eżekuzzjoni ħażina tax-xogħol u dan avolja s-sorveljanza ta’ dan ix-xogħol ikun hemm perit imqabbad mill-appaltant.
Fl-antik, il- Qrati irritenew:
“l’impiego di un uomo di scienza a dirigere il lavoro non esime mai l’appaltatore dal prestare quella diligenza e quella perizia ordinaria che gli e` imposto dalla natura del contratto.”
Perit jista’ jfittex appaltatur?
Il-perit kolpevoli ta’ difett ta’ sorveljanza għandu rigress kontra l-appaltatur li jkun ikkommetta vizzji ta’ lavorazzjoni.
L-appaltatur u l- perit huma responsabbli tal- materjal li jiġi użat fil- kors tal- kostruzzjoni?
L-eżekuzzjoni tax-xogħol tinvolvi naturalment l-għażla tal-materjal. B’hekk l-appaltatur u l-arkitett ma għandhomx jadoperaw materjali mhux tajba anke jekk, per dire, is-sid ikun irid li jiġu wżati dawk il-materjali mhux tajba, imma għandhom jirrifjutawhom.
Minn dan jitnissel in linea ta' prinċipju illi "ġialadarba jinkombi b'obbligu fuq l-appaltatur li josserva n-normi ta' indoli teknika fl-esekuzzjoni tal-opra, komprensiv f'dan il-kontroll tal-materjal intiż li jiġi wżat, huwa għandu jastjeni ruħu milli jesegwixxi l-opra jekk ikun deherlu, b'diliġenza ordinarja, illi l-materjal mhux tajjeb jew dan kapaċi 'l quddiem jimmanifesta difetti. F'każ bħal dan hu għandu ghalhekk mill-ewwel ma jagħmilx ix-xogħol jew ikollu jirrispondi għad-difetti li jiġru 'l quddiem.”
Xi dmirijiet ghandu l-perit?
Skont il- gurisprudenza, perit li jigi nkarigat mill-kostruzzjoni ta’ fond ghandu d-dmir li jassigura ruhu illi l-kostruzzjoni tal-bini lilu fdata, specjalment ghal dak li hi solidita', issir sewwa u skont is-sengha. Anzi l-Qrati jzidu jghidu li principalment, skond il-ligi, dan id-dover jaqa’ fuqu aktar milli fuq il-bennej u huwa l-perit dak li jassumi quddiem l-awtorita`kompetenti r-responsabilita' tax-xoghol li tieghu jkun ser jiehu d-direzzjoni. Dover ghalhekk, formalment assunt u mpost mill-ligi, tal-perit, hu dak illi juza l-abilita' u d-diligenza mehtiega biex fl-ezekuzzjoni ta’ dak il-bini xejn ma jsir li jista’ jikkaguna perikolu jew hsara.
Il- perit huwa responsabbli ghal zball professjonali?
Bhal kull professjonist, perit huwa responsabbli ghal zball grossolan izda mhux tenut ghad-danni rizultanti minn zball professjonali, sakemm mhux li dan sar kawza ta’ nuqqas ta’ prudenza, diligenza u attenzjoni ta’ bonus pater familias (ara f'dan is-sens Savona -vs- Asphar – Qorti ta’ l-Appell Superjuri Civili, 02/04/1951). Naturalment, ta' min ifakkar li kull kaz ghandu c-cirkostanzi partikolari tieghu, izda dejjem mistenni li professjonist ghandu jkun tajjeb, prudenti u diligenti.
Il- perit ghandu dimir li jara li l- bennej huwa licenzjat?
Sal- lum il- Qrati irritenew li huwa dmir il- perit li jara li l-bennejja li jkunu ser jahdmu tahtu jkunu licenzjati, u anke jekk licenzjati, ghandu jidderiegi huwa nnifsu u jissorvelja x-xoghol, b’mod li ma jhallix li jsiru operazzjonijiet kontra s-sengha u li jikkrejaw perikolu.
Huwa bizzejjed li l- perit jistaqsi lill- bennej x’ inhu jaghmel?
Mhux bizzejjed ghall-perit li jistaqsi lill-bennej x’inhu jaghmel, imma ghandu jaccerta ruhu personalment u direttament x’ikun qed isir, u huwa responsabbli ghad-danni jekk l-ghemil tieghu juri negligenza. (Ara per ezempju Marianna Cini pro. et. noe. -vs- Paolo Galea et. - Appell Civili, 27 ta’ Ottubru 1958)
X’ inhi s-sitwazzjoni jekk ix-xoghol jinbeda minghajr mal- perit ikun avzat?
Fil-kawza fl-ismijiet Alfred Miggiani -vs- Carmelo Cutajar et., deciza fit-18 ta’ Marzu, 1963 intqal li l- perit mhux responsabbli ghall-hsara li tigri minhabba xoghol esegwit hazin meta dak ix-xoghol li suppost sar taht id-direzzjoni tieghu kien inbeda minghajr ma hu gie avzat.