Hemm xi tipi ta’ xogħlijiet li ma jaqgħux taħt l-Avviż Legali 136/19? Xi jrid isir f’dan il-każ?
Iva. Is-segwenti xogholijiet ma jikkwalifikawx fit-termini ta’ l-AL136/19:
(i) Skavar li ma jolqotx iż-żona affettwata (iz-żona madwar l-iskav, li tasal sa distanza ta’ mhux aktar minn qies ekwivalenti għall-għoli propost ta l-iskav, ‘il bogħod mil-limiti tal-iskav) vis a vis proprjetà ta’ terzi;
(ii) Id-demolizzjoni jew tneħħija ta’ kull struttura eżistenti, jew bejt jew struttura li ma tmissx mal-limiti ta’, jew mhix biswit jew sottostanti jew sovrastanti xi proprjetà ta’ jew okkupata minn terzi persuni;
(iii) Meta il-bini ta’ sulari addizzjonali jew ħitan ta’ sapport jew strutturi ma jkunux fuq xi proprjetà ta’ jew okkupata minn terzi persuni;
(iv) Meta il-kostruzzjoni ta’ bini ġdid jew sulari addizzjonali ma jmissux proprjetà eżistenti ta’ terzi persuni.
F’dawn il-każijiet, il-perit għandu jagħmel dikjarazzjoni li tispjega li x-xogħol ma jaqax taħt Regolament 4 ta’ l-AL136/19 u b’hekk ikun qed jitlob eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ l-AL136/19.
Kif nista’ nkun naf jekk il-proġett tiegħi jaqax taħt l-Artiklu 26?
Dan l-artiklu jirreferi għal dawk ix-xogħlijiet li minkejja li strettament jikkwalifikaw fit-termini ta’ l-Artiklu 4, fil-fehma tal-perit tal-proġett dawn xorta waħda mhux se jaffettwaw proprjetajiet ta’ terzi, ħlief għal xi ħsarat minuri. F’dawn il-każijiet, il-perit jista’ jipproċedi bix-xogħol minnufih wara li jissottometti dikjarazzjoni f’dan is-sens.
F’liema każijiet tapplika Formularja A f’relazzjoni mal-Artiklu 25?
Din il-formularja tista’ tintuża meta l-perit ikollu raġunijet li jiġġustifikaw eżenzjoni mis-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni tal-metodu ġdida u/jew rapporti tal-kundizzjoni ġodda u/jew polza tal-assigurazzjoni ġdida u garanzija bankarja ġdida. Dan jgħodd ħafna drabi għal xogholijiet li kienu nbdew taħt ir-rekwiżiti ta’ LN 72/2013, u fejn il-perit jemmen skont il-professjoni tiegħu li x-xogħlijiet li fadal isiru mhux se jaffettwaw ir-relevanza tad-dokumenti sottomessi.
Tajjeb jingħad li dawn l-eżenzjonijiet japplikaw biss għal dawk li baqagħlhom biss jew ser jagħmlu biss kostruzzjoni, u mhux f’każijiet fejn għad iridu jsiru xogħlijiet ta’ demolizzjoni u/jew skavar. Qabel ix-xogħol ikompli, jeħtieġ però li d-Direttur tal-BRO japprova t-talba u jinnotifika lill-perit.
F’liema każijiet tapplika Formularja B f’relazzjoni mal-Artiklu 25?
Din il-formularja tista’ tintuża meta l-perit jiċċertifika li għalkemm il-proġett ma jaqax taħt Artiklu 26, ma hemmx ħtieġa li l-kuntrattur japponta Site Technical Officer. Tali talba tintlaqa’ biss f’każijiet ta’ kostruzzjoni, u mhux f’każijiet ta’ demolizzjoni u/jew skavar.
F’każ ta’ sottomissjoni ta’ l-imsemmija Formularja B, il-perit u l-bennej jassumu l-obbligi u r-responsabilitajiet li hemm fil-Kodiċi Ċivili u l-kuntrattur, li jista’ jkun il-bennej stess, jassumi r-responsabilitajiet kif spjegati f’LN 293/16.
Qabel ix-xogħol ikompli, jeħtieġ però li d-Direttur tal-BRO japprova t-talba u jinnotifika lill-perit.
F’liema każijiet tapplika Formularja Ċ f’relazzjoni mal-Artiklu 25?
Din il-formularja tista’ tintuża fejn teżisti urġenza biex ix-xogħlijiet isiru minħabba riskju eżistenti fuq proprjetajiet ta’ terzi, liema riskju jista’ jiżdied jekk ikun hemm dewmien.
F’dawn il-każijiet, il-perit irid jimla il-formularja li tissejjaħ ‘Request to effect emergency works’.
Fost oħrajn, dawn il-każijiet jinkludu t-tneħħija jew it-tibdil ta’ strutturi perikolużi, tlestija tax-xogħlijiet ta’ skavar fejn jidher li t-twaqqif tax-xogħol joħloq instabilità, tqegħid ta’ strutturi biex jappoġġjaw ħitan li għadhom mhumiex sodi mingħajr l-istruttura tas-saqaf u każijiet oħrajn simili.
Qabel ix-xogħol ikompli, jeħtieġ però li d-Direttur tal-BRO japprova t-talba u jinnotifika lill-perit.
Kif għandhom jiġi sottomessi dawn id-dikjarazzjonijiet u formularji?
Dawn id-dokumenti għandhom jiġu sottomessi permezz tal-faċilità tal-eApps tal-Awtorità tal-Ippjanar u għandu jintuża n-numru tal-każ tal-PA (PA Number) tal-proġett innifsu. Dan għandu jiffaċilita l-aċċess għall-pubbliku u l-ipproċessar tad-dokumenti mill-BRO.
Il-perit diġà ħejja method statement, condition reports u ġiet sottomessa garanzija u insurance taħt il-liġi preċedenti. Jista’ l-perit jitlob xi forma ta’ eżenzjoni mir-regolamenti l-ġodda?
L-Artikolu 25 jgħid hekk:
‘Ix-xogħlijiet ta’ skavar, demolizzjoni u kostruzzjoni li jkunu nbdew imma mhux lesti fid-data tal-25 ta’ Ġunju 2019 kif ukoll dawk ix-xogħlijiet ta’ skavar, demolizzjoni u kostruzzjoni li għad iridu jinbdew, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti:
Iżda d-Direttur dwar ir-Regolament tal-Bini jirriserva d-dritt li jagħti l-ordnijiet xierqa skont l-esiġenzi u n-natura tas-sit partikolari.’
Dan ifisser li meta l-perit tal-proġett ikun diġà ssottometta method statements flimkien mal-condition reports u l-garanziji relattivi taħt il-liġi preċedenti, huwa jista’ jitlob lid-Direttur permezz tal-formola appożita fuq is-sistema tal-eapps li jixtieq iżomm ferm ma’ dawk id-dokumenti.
F’dak il-każ, il-perit tal-proġett għandu jindika għaliex ma jixtieqx jimxi mar-regolamenti viġenti u jipproponi safety method of works lid-Direttur permezz tal-formola appożita fuq is-sistema tal-eapps u jinkludi d-dettalji tal-persuni differenti li se jkunu responsabbli għat-twettiq tal-proġett, il-kompetenzi relattivi tagħhom flimkien mar-responsabilitajiet li dawn se jassumu għat-twettiq tax-xogħlijiet.
Il-perit għandu wkoll jippreżenta dikjarazzjoni min-naħa ta’ dawn il-persuni li huma fehmu l-portata tar-responsabilitajiet tagħhom kif kontenuta fil-formola appożita.
F’dan il-każ, il-perit għandu jistenna risposta mingħand id-Direttur dwar ir-Regolament tal-Bini li, skont l-Artikolu 25, għandu d-dritt li jagħti l-ordnijiet xierqa skont l-esiġenzi u n-natura tas-sit partikolari.
Għal xogħol ġdid, jista’ l-perit jagħżel li jiddipartixxi mill-iskedi?
L-Artikolu 25 jgħid hekk:
‘Ix-xogħlijiet ta’ skavar, demolizzjoni u kostruzzjoni li jkunu nbdew imma mhux lesti fid-data tal-25 ta’ Ġunju 2019 kif ukoll dawk ix-xogħlijiet ta’ skavar, demolizzjoni u kostruzzjoni li għad iridu jinbdew, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti:
Iżda d-Direttur dwar ir-Regolament tal-Bini jirriserva d-dritt li jagħti l-ordnijiet xierqa skont l-esiġenzi u n-natura tas-sit partikolari.’
Dan ifisser li l-perit tal-proġett dejjem jista’ jipproponi safety method of works alternattiv anke jekk dan ma jkunx konsonanti ma’ dak li hemm fl-iskedi tar-Regolamenti.
F’dak il-każ, il-perit tal-proġett għandu jindika għaliex ma jixtieqx jimxi ma’ dak li jridu l-iskedi u jipproponi safety method of works alternattiv lid-Direttur permezz tal-formola appożita fuq is-sistema tal-eapps u jinkludi d-dettalji tal-persuni differenti li se jkunu responsabbli għat-twettiq tal-proġett, il-kompetenzi relattivi tagħhom flimkien mar-responsabilitajiet li dawn se jassumu għat-twettiq tax-xogħlijiet.
Il-perit għandu wkoll jippreżenta dikjarazzjoni min-naħa ta’ dawn il-persuni li huma fehmu l-portata tar-responsabilitajiet tagħhom kif kontenuta fil-formola appożita.
F’dan il-każ, il-perit għandu jistenna risposta mingħand id-Direttur dwar ir-Regolament tal-Bini li, skont l-Artikolu 25, għandu d-dritt li jagħti l-ordnijiet xierqa skont l-esiġenzi u n-natura tas-sit partikolari.
Jekk ix-xogħol huwa ta’ natura żgħira, ir-regolamenti l-ġodda japplikaw?
Jekk il-perit tal-proġett jiċċertifika, wara li jagħti raġunijiet ċari, li l-‘interventi strutturali’ ma jaffettwawx binjiet ta’ terzi, ma hemmx ħtieġa bil-liġi li jsiru condition reports, method statements, garanziji bankarji u insurances. Dan abbażi tar-Regolament 26.
Xi jfissru l-kliem ‘interventi strutturali’?
‘Interventi strutturali’ huma dawk l-interventi kontemplati fil-permess ta’ żvilupp u li huma ta’ natura permanenti. Per eżempju: twaqqigħ ta’ bini, skavar ta’ sit, kostruzzjoni ta’ ħajt u ftuħ ta’ travu.
Jista’ l-perit jagħmel użu minn Regolament 26 u fl-istess ħin jordna li jkun hemm contractor all risk insurance?
Għalkemm il-liġi ma tobbligax dan, meta perit jiċċertifika li l-interventi strutturali ma jaffettwawx binjiet ta’ terzi fit-termini tar-Regolament 26, xejn m’għandu jwaqqaf lill-perit bħala ‘missier tajjeb tal-familja’ (bonus paterfamilias) li jagħti parir lill-iżviluppatur li jipprokura contractor all risk insurance sabiex tilqa’ għal dawk ir-riskji li dejjem jista’ jkun hemm, inkluż ħsarat ta’ natura minuri.
X’inbidel bil-liġi l-ġdida?
L-obbligu li jitħejja method statement għad-demolizzjoni/skavar/bini għadu hemm;
L-obbligu li jitħejjew condition reports għall-proprjetajiet kontigwa, liema rapporti jridu jintbagħtu lill-ġirien konċernati bil-posta reġistrata għadu hemm;
L-obbligu li jkun hemm insurance u/jew garanzija (diment li l-insurance ma tkoprix minor damages) għadu hemm;
L-obbligu li jkun hemm insurance u/jew garanzija (diment li l-insurance ma tkoprix minor damages għadu hemm);
Ir-responsabilità tal-kontenut tal-method statement għadha tal-perit li jħejjiha;
L-infurzar tal-method statement hi tas-site technical officer, dak li qabel kien site manager. Din il-persuna għandha: (a) tiġi nominata mill-kuntrattur u għandha tiġi approvata mill-perit tal-proġett, (b) tkun kompetenti skont kif provdut fit-Tielet Skeda – sa issa, perit (ċ) tkun responsabbli għall-infurzar tad-dikjarazzjoni tal-metodu għax-xogħlijiet li jkunu responsabilità tal-kuntrattur li nnominaha; u (d) trid tkun preżenti fuq is-sit kull meta jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju ta’ ħsara lil proprjetà ta’ terzi persuni jew korriment lil persuni li jistgħu jiġu kkawżati mix-xogħlijiet;
L-implimentazzjoni tal-miżuri tad-dikjarazzjoni tal-metodu baqgħet tal-kuntrattur;
Id-differenza llum hi li l-method statements u l-condition reports għandhom isiru skont kif hemm provdut fl-iskedi annessi mal-Avviż Legali;
Id-differenza llum hi li l-method statements u l-condition reports għandhom jiġu uploaded online u x-xogħol ma jibdiex qabel 15-il ġurnata minn mindu dawn jiġu uploaded. Dan sabiex il-pubbliku jista’ janalizza l-kontenut u joġġezzjona;
Id-differenza llum hi li l-kopertura tal-assigurazzjoni m’għandhiex tkun inqas minn seba’ mija u ħamsin elf ewro (€750,000) u għandha tibqa’ tiġi mġedda sa dak iż-żmien meta kull xogħol ta’ demolizzjoni, skavar jew kostruzzjoni jiġu ċertifikati bħala kompluti mill-perit tal-proġett.
Huwa veru li l-kuntrattur m’għadux responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà għall-użu ta’ apparat minn ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, bħal użu ta’ crane?
Le. Ir-Regolamenti tal-2016 dwar l-Apparat tax-Xogħol (Ħtiġiet Minimi għas-Saħħa u s-Sigurtà) għadhom hemm (Avviż Legali 293 ta’ l-2016). Dan ifisser, li indipendentement mill-Avviż Legali 136 tal-2019, min iħaddem għadu marbut bl-obbligi li jinsabu fir-Regolamenti tal-2016 dwar Apparat tax-Xogħol (Ħtiġiet Minimi għas-Saħħa u s-Sigurtà) [Avviż Legali 293 ta’ l-2016]:
• jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-apparat tax-xogħol ikunu adatti;
• jagħti informazzjoni lill-ħaddiema dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tal-apparat tax-xogħol;
• jagħti taħriġ lill-ħaddiema li jingħataw l-inkarigu li jużaw apparat tax-xogħol;
• isegwi bir-reqqa l-obbligi li jinsabu fl-iskedi tal-Avviż Legali 293 ta’ l-2016 (Ħtiġiet Minimi Dwar l-użu tal-apparat tax-xogħol). Dawn jinkludu iċ-ċertifikazzjoni tal-makkinarju li jintuża għall-irfigħ, bħal cranes.
Huwa veru li l-periti issa ġew responsabbli għall-makkinarju u l-impjegati tal-kuntrattur?
Le. Ir-Regolamenti tal-2016 dwar l-Apparat tax-Xogħol (Ħtiġiet Minimi għas-Saħħa u s-Sigurtà) għadhom fis-seħħ. (Avviż Legali 293 ta’ l-2016). Dawn ipoġġu l-oneru fuq ‘min iħaddem’.
Huwa biss l-infurzar tal-method statement li jrid jara s-site technical officer, dak li qabel kien site manager. Din il-persuna għandha: (a) tiġi nominata mill-kuntrattur u għandha tiġi approvata mill-perit tal-proġett, (b) tkun kompetenti skont kif provdut fit-Tielet Skeda tal-Avviż Legali 136 tal-2019 – sa issa, perit (ċ) tkun responsabbli għall-infurzar tad-dikjarazzjoni tal-metodu għax-xogħlijiet li jkunu responsabilità tal-kuntrattur li nnominaha; u (d) trid tkun preżenti fuq is-sit kull meta jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju ta’ ħsara lil proprjetà ta’ terzi persuni jew korriment lil persuni li jistgħu jiġu kkawżati mix-xogħlijiet.
Apparti l-Avviż Legali 136 tal-2019, hemm liġijiet oħrajn li jirregolaw is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni fuq siti ta’ kostruzzjoni?
Ewlenin, insibu dawn:
Ir-Regolamenti tal-2016 dwar l-Apparat tax-Xogħol (Ħtiġiet Minimi għas-Saħħa u s-Sigurtà) għadhom fis-sehh. (Avviż Legali 293 ta’ l-2016). Dawn ipoġġu l-oneru fuq ‘min iħaddem’.
Ir-Regolamenti tal-2018 dwar il-Post tax-Xogħol (Bżonnijiet Minimi tas-Saħħa u s-Sigurtà tax-Xogħol f’Siti ta’ Kostruzzjoni) (Avviż Legali 88 tal-2018). Dan ir-Regolament jitkellem dwar il-ħtieġa li l-klijent jaħtar health and safety supervisor.
Il-Kodiċi tal-Pulizija jgħidu li ‘ħadd ma jista’ jaħdem is-sengħa ta’ bennej mingħajr liċenza mid-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi’ (Artikolu 95(1))
Min hu responsabbli li jara li ma jidħolx ilma tax-xita fil-fond ta’ taħt waqt li qed isiru x-xogħolijiet?
Regulation 5 (6) tal-Avviż Legali 72/13 jgħid hekk:
‘The developer shall take all reasonable precautions to ensure that the construction activity will not result in any damage to contiguous properties, including damage that may result from the infiltration of water.’
Essenzjalment id-developer huwa l-persuna li jikkumissjona x-xogħolijiet.
Hemm xi rapporti li jridu jitħejjew mill-perit meta se jsiru xogħolijiet ta’ kostruzzjoni?
L- AVVIŻ LEGALI 72 TA’ L-2013 jipprovdi li f’każ ta’ xogħlijiet ta’ demolizzjoni, il-perit għandu jħejji d-dikjarazzjoni tal- metodu li għandha tqis il-kundizzjoni strutturali tal-kostruzzjoni nnifisha u ta’ strutturi kontigwi, is-sekwenza tax-xogħol, it-tip ta’ għodda, apparat u makkinarju li ser jintużaw, u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu f’kull stadju biex jipprovdu għal dawk is- salvagwardji li għandhom jiġu adottati kwantu s-segwenti:
1. Kontra instabbilità tal-istruttura;
2. Għal partijiet minnha li qed jiġu mwaqqgħin;
3. Għal kwalunkwe struttura kontigwa;
4. Għas-sigurtà tal-ħaddiema;
5. Għas-sigurtà ta’ terzi persuni.
Ir-Regolament 9 ta’ dan l-imsemmi Avviż irid li id-dikjarazzjoni tal- metodu (method statement) jitħejja mill-perit responsabbli b’kollaborazzjoni mal- manager tas-sit u l-kuntrattur. Id-dikjarazzjoni tal- metodu għandha tindika:
1. Id-data tal-bidu tax-xogħlijiet;
2. Id-dettalji tal-persuna li qegħda tikkummissjona x-xogħlijiet;
3. Id-dettalji tal-kuntrattur u ta’ kull subkuntrattur;
4. In-numru tal-permess għall-iżvillup jew kull awtorizzazzjoni oħra minn awtoritajiet pubbliċi, fejnhu meħtieġ;
5. Pjanta tal-posizzjoni tas-sit u ritratt tas-sit;
6. Rapport ta' kundizzjoni (condition report) li jinkorpora ritratti tal-proprjetajiet li huma kontigwi mas-sit tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni;
7. Skavar, demolizzjoni jew proċeduri ta’ kostruzzjoni li qed jiġu adottati, inkluża informazzjoni li hija rilevanti biex tissalvagwardja l-istabbilità tax-xogħlijiet li nbdew, u l-istabbilità ta’ struttura jew art kontigwa skont il-każ;
8. Pjanti u sezzjonijiet tax-xogħlijiet ppjanati, aċċess għas-sit u kull informazzjoni oħra li d-Direttur jista’ minn żmien għal żmien jitlob;
9. It-tip ta’ krejn li ser jintuża, il-lok fejn dan ser jintrama, il-metodoloġija ta’ kif ser jintrama, informazzjoni dwar il- kundizzjoni tal-art, u informazzjoni oħra relatata mal-krejn li tista’ tkun relevanti. Ċertifikati ta’ ispezzjoni tal-krejn għandhom jiġu sottomessi ukoll.
Hemm xi rapporti li jridu jitħejjew mill-perit meta se jitħaffer sit? Hemm xi regoli dwar makkinarju li jista’ jintuża?
L-AVVIŻ LEGALI 72 TA’ L-2013 jipprovdi li meta l-iskavar se jeċċedi fond ta’ 3 metri, qabel ma jinbeda’ xi skavar fil-blat fuq is-sit ta’ żvilupp, l-iżviluppatur huwa meħtieġ li jagħmel investigazzjoni ġeoloġika xierqa taż-żona li tkun ser tiġi skavata. Huwa veru li l-investigazzjoni ġeoloġika tista’ issir wara d- demolizzjoni tal-bini sovrastanti ż-żona li tkun ser tiġi skavata iżda il-liġi trid ukoll li qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet ta’ skavar, l-iżviluppatur għandu jissottometti r-riżultati tal-investigazzjoni lid- Direttur responsabbli għall-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini u, jekk ikun hemm il-bżonn, dikjarazzjoni tal-metodu emendata bbażata fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni. Mingħajr preġudizzju għar-regola taż-żewġ piedi u nofs, f’każ ta’ skavar f’żoni li jinsabu sa distanza ta’ 5 metri mill-konfini ta’ sit kontigwu, u li jinvolvi l-użu ta’ magna għat-tħaffir b’martell idrawliku anness jew drill pnewmatiku, il-kuntrattur għandu jiskava trinka permezz ta’ trencher sa fond ta’ mill-anqas 1.5 metri. Il-pożizzjoni tat-trinka għandha tkun b’mod li l-vibrazzjoni mill-apparat tal-iskavar li jilħaq l-konfini tas-sit jinżammu għall-minimu. Għal dan il-għan, it-trinka għandha tkun bejn il-magna tat-tħaffir u dik il-parti tal-konfini tas-sit li qegħda sa 5 metri mill-magna tat-tħaffir.
Il-liġi li ma tistax tħaffer entro żewġ piedi u nofs għadha tgħodd?
L-Artikolu 439 tal-Kodiċi Ċivili għadu jgħodd. Dan huwa kategoriku fis-sens li jipprojbixxi li jsir tħaffir fil-viċinanzi ta’ ħajt. It-tneħħija ta’ saffi, anke jekk ħamrija, huwa “tħaffir” li ma jistax isir skont il-liġi. F’dan il-kuntest, issir riferenza għas-sentenza studjata u riċerkata li tat il-Prim’ Awla fil-kawża “Mangion vs Borg” fit-3 ta’ Frar, 1983. Fiha ntqal li “l-artikolu 476 (illum 439) jistabilixxi f’termini ġenerali a rigward ta’ kull speċi ta’ fond id-distanza li għandha tiġi osservata fi kwalunkwe tħaffir, ikun x’ikun l-oġġett ta’ dak it-tħaffir.” Din id-distanza ta’ żewġ piedi u nofs ġiet stabbilita b’mod kategoriku u għandha dejjem tiġi osservata, u l-viċin għandu dritt jitlob li tiġi osservata din id-distanza anke jekk ma jippruvax danni.
Jeżistu regolamenti/liġijiet dwar miżuri li jridu jittieħdu waqt twaqqigħ ta’ bini?
L-AVVIŻ LEGALI 72 TA’ L-2013 jipprovdi li f’każ ta’ xogħlijiet ta’ demolizzjoni, id-dikjarazzjoni tal- metodu għandha tqis il-kundizzjoni strutturali tal-kostruzzjoni nnifisha u ta’ strutturi kontigwi, is-sekwenza tax-xogħol, it-tip ta’ għodda, apparat u makkinarju li ser jintużaw, u l-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu f’kull stadju biex jipprovdu għal dawk is- salvagwardji li għandhom jiġu adottati:
• Kontra instabbilità tal-istruttura;
• Għal partijiet minnha li qed jiġu mwaqqgħin;
• Għal kwalunkwe struttura kontigwa;
• Għas-sigurtà tal-ħaddiema;
• Għas-sigurtà ta’ terzi persuni.
Meta huwa bżonjuż method statement?
L-AVVIŻ LEGALI 72 TA’ L-2013 (Ir-regolament 9) irid li qabel jibdew kwalunkwe xogħolijiet għandu jitħejja dikjarazzjoni tal-metodu (method statement). Dan l-istatement għandu jitħejja mill-perit responsabbli b’kollaborazzjoni mal- manager tas-sit u l-kuntrattur. Id-dikjarazzjoni tal- metodu għandha tindika:
• Id-data tal-bidu tax-xogħlijiet;
• Id-dettalji tal-persuna li qegħda tikkummissjona x-xogħlijiet;
• Id-dettalji tal-kuntrattur u ta’ kull subkuntrattur;
• In-numru tal-permess għall-iżvillup jew kull awtorizzazzjoni oħra minn awtoritajiet pubbliċi, fejnhu meħtieġ;
• Pjanta tal-posizzjoni tas-sit u ritratt tas-sit;
• Rapport ta’ kundizzjoni (condition report) li jinkorpora ritratti tal-proprjetajiet li huma kontigwi mas-sit tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, fosthom dik tal-mittenti;
• Skavar, demolizzjoni jew proċeduri ta’ kostruzzjoni li qed jiġu adottati, inkluża informazzjoni li hija rilevanti biex tissalvagwardja l-istabbilità tax-xogħlijiet li nbdew, u l-istabbilità ta’ struttura jew art kontigwa skont il-każ;
• Pjanti u sezzjonijiet tax-xogħlijiet ppjanati, aċċess għas-sit u kull informazzjon i oħra li d-Direttur jista’ minn żmien għal żmien jitlob;
• It-tip ta’ krejn li ser jintuża, il-lok fejn dan ser jintrama, il-metodoloġija ta’ kif ser jintrama, informazzjoni dwar il- kundizzjoni tal-art, u informazzjoni oħra relatata mal-krejn li tista’ tkun relevanti. Ċertifikati ta’ ispezzjoni tal-krejn għandhom jiġu sottomessi ukoll.
Jeżistu regolamenti/liġijiet dwar miżuri li jridu jittieħdu waqt tħaffir ta’ siti?
L-AVVIŻ LEGALI 72 TA’ L-2013 irid li meta l-iskavar se jeċċedi fond ta’ 3 metri, qabel ma jinbeda’ xi skavar fil-blat fuq is-sit ta’ żvilupp, l-iżviluppatur huwa meħtieġ li jagħmel investigazzjoni ġeoloġika xierqa taż-żona li tkun ser tiġi skavata. Huwa veru li l-investigazzjoni ġeoloġika tista’ issir wara d- demolizzjoni tal-bini sovrastanti ż-żona li tkun ser tiġi skavata izda il-ligi trid ukoll li qabel ma jinbdew ix-xogħlijiet ta’ skavar, l-iżviluppatur għandu jissottometti r-riżultati tal-investigazzjoni lid- Direttur responsabbli għall-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini u, jekk ikun hemm il-bżonn, dikjarazzjoni tal-metodu emendata bbażata fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni. Minghajr pregudizzju ghar-regola taz-zewg piedi u nofs, f’kaz ta’ skavar f’żoni li jinsabu sa distanza ta’ 5 metri mill-konfini ta’ sit kontigwu u li jinvolvi l-użu ta’ magna għat-tħaffir b’martell idrawliku anness jew drill pnewmatiku, il-kuntrattur għandu jiskava trinka permezz ta’ trencher sa fond ta’ mill-anqas 1.5 metri. Il-pożizzjoni tat-trinka għandha tkun b’mod li l-vibrazzjoni mill-apparat tal-iskavar li jilħaq l-konfini tas-sit jinżammu għall-minimu. Għal dan il-għan, it-trinka għandha tkun bejn il-magna tat-tħaffir u dik il-parti tal-konfini tas-sit li qegħda sa 5 metri mill-magna tat-tħaffir.
Il-KODIĊI ĊIVILI jitkellem ukoll f’dan ir-rigward. L- Artikolu 439 tal-Kodici Civili huwa kategoriku fis-sens li jipprojbixxi li jsir tħaffir fil-viċinanzi ta’ ħajt. It-tneħħija ta’ saffi, anke jekk ħamrija, huwa “tħaffir” li ma jistax isir skont il-liġi. F’dan il-kuntest, issir riferenza għas-sentenza studjata u riċerkata li tat il-Prim’ Awla fil-kawza “Mangion vs Borg” fit-3 ta’ Frar, 1983. Fiha ntqal li “l-artikolu 476 (illum 439) jistabilixxi f’termini generali a rigward ta’ kull speci ta’ fond id-distanza li ghandha tigi osservata fi kwalunkwe thaffir, ikun x’ikun l-oggett ta’ dak it-thaffir.” Din id-distanza ta’ żewġ piedi u nofs ġiet stabbilita b’mod kategoriku u għandha dejjem tiġi osservata, u l-viċin għandu dritt jitlob li tiġi osservata din id-distanza anke jekk ma jippruvax danni.
Min se jizviluppa bini, irid jipprovdi 'insurance'?
L-iżviluppatur għandu jiżgura li xogħlijiet tad- demolizzjoni, skavar jew kostruzzjoni li jaqgħu taħt id- dispożizzjonijiet ta’ l- AL 72/13 għandhom ikunu assigurati b’mod adatt u adegwat sabiex ikopru kull ħsara waħdanija jew rikorrenti kkaġunata lil proprjetà ta’ terzi persuni, diżabilità lil persuni jew mewt li tirriżulta mix-xogħolijiet jew attività ta’ kostruzzjoni mwettqa mill-iżviluppatur u l-kuntratturi li jkunu qegħdin jaħdmu fuq is-sit. Il-kopertura ta’ l-assigurazzjoni m’għandiex tkun anqas minn ħames mitt elf ewro (€500,000). In oltre, l-assiguratur għandu jagħmel stima xierqa u adegwata tar-riskji nvoluti f’kull każ partikolari u jagħti kopertura ta’ assigurazzjoni vvalutata b’mod xieraq.
L-iżviluppatur għandu wkoll jissottometti garanzija bankarja lid-Direttur responsabbli mir- Regolamenti tal- Bini għall-attivitajiet kollha ta’ kostruzzjoni li m’humiex imniżżla fir- regolament 8 ta’ l- AL 72/13. Il-valur tal-garanzija bankarja għandu jkun ta’ tliet elef ewro (€3,000) għal kull sular ta’ proprjetà jew proprjetajiet ta’ terzi persuni żviluppata jew żviluppati li hija jew huma kontigwi ma’ sit ta’ żvilupp, għall-ewwel ħames proprjetajiet u elf ewro oħra (€1,000) għal kull proprjetà kontigwa addizzjonali, sa massimu ta’ erbgħin elef ewro (€40,000). Ghaldaqstant, d-Direttur għandu jeżenta lill-iżviluppatur milli jissottometti garanzija bankarja jekk l-iżviluppatur jissottometti lid-Direttur dikjarazzjoni ċċertifikata maħruġa minn kumpannija tal- assigurazzjoni li tafferma li l-iżviluppatur huwa assigurat b’tali mod li jkopri responsabbiltà għal ħsara lil proprjetà ta’ terzi persuni, inklużi ħsarat ta’ natura żgħira.
B’ talba li ssir mill-iżviluppatur lid-Direttur, il- valur tal-garanzija bankarja għandu jkun ekwivalenti għad-doppju tal-eċċess tal-polza tal-assigurazzjoni relattiva li tkun inħarġet lill- iżviluppatur.