X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu soqfa?
• Ftakar li x-xorok huma suġġetti għal qsim immedjat (brittle failure).
• Qatt tgħabbi xorok b’torba jew piżijiet addizzjonali aktar minn dak maħsub għalih.
• Qatt tuża puntali direttament fuq/taħt xorok. Dejjem uża twavel u/jew travi addizjonali sabiex tifrex il-piż.
• Qatt tirfes direttament fuq ix-xriek. Uża twavel sabiex tifrex il-piż kemm tista’.
• Dejjem arma saqaf temporanju qabel jitneħħew soqfa. Ara li dan ikun approvat minn persuna kompetenti qabel jintuża.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu travi?
• Dejjem iċċekkja sew travi għal difetti bħal qsim, kurvaturi, susa, effetti tal‑ilma jew sadid.
• Ftakar li l‑penetrazzjoni tal‑ilma mis‑soqfa jew ħitan tagħmel ħafna ħsara lit‑travi, kemm dawk tal‑injam u dawk tal‑azzar.
• Dejjem neħħi travi primarji (primary elements) wara dawk sekondarji (secondary beams).
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu ftuħ ta’ aperturi?
• Dejjem iċċekkja jekk jeżistux fetħiet addizzjonali fis‐sulari soprastanti ta’ fejn hu propost il‐ftuħ il‐ġdid. Uża għeluq temporanju u kunjardi fejn hemm bżonn.
• Dejjem ara li soqfa li qed iserħu fuq ħitan li fuqhom ser isir ix‐xogħol għandhom sapport adegwat temporanju sakemm isir ix‐xogħol propost.
• Dejjem uża kunjardi u suletti kif meħtieġ skont is‐sengħa tal‐bini.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu gallariji?
• Dejjem irfed u pprovdi sapport temporanju, li jkun approvat minn persuna kompetenti, taħt gallariji u saljaturi qabel ma ssir demolizzjoni jew interventi oħra fihom.
• Qatt tassumi li gallariji għandhom kontrapiż adegwat. Ħu prekawzjonijiet addizjonali f’każ ta’ bżonn sabiex tassigura l‐istabilità tal‐istruttura.
• Dejjem iċċekkja għall‐preżenza ta’ asbestos f’gallariji antiki. Informa persuna teknika dwar miżuri sabiex jitneħħa dan il‐materjal b’mod adegwat.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu arkati?
• Dejjem uża sapport taħt is‐samrotti qabel kull intervent f’arkati.
• Qatt tuża ktajjen/ħbula sabiex twaqqa’ arkati. Demolizzjoni ta’ elementi strutturali permezz ta’ ġbid tista’ twassal sabiex dawn l‐elementi jtiru mingħajr ebda kontroll.
• Dejjem agħti kas tal‐forzi laterali preżenti f’arkata. Qatt tneħħi arkati qabel ma jkun provdut irfid adegwat orizzontalment.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu turġien?
• Dejjem iċċekkja l‐istat tal‐pedati għal xi qsim viżibbli.
• Dejjem ipprovdi lqugħ temporanju taħt turġien li qed jiżżarmaw.
• Qatt toqgħod fuq turġien li jkunu qed jiżżarmaw iżda uża pjattaforma ta’ aċċess maġenb it‐taraġ.
• Dejjem żarma taraġ minn fuq billi tneħħi tarġa wara l‐oħra.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu elementi ta' konkrit rinfurzat?
• Dejjem iċċekkja l‐istat ta’ soqfa għal qsim sinjifikanti jew possibbilita’ ta’ korrużjoni (corrosion) fir‐rinforz tal‐konkrit. Titlax direttament fuq soqfa li potenzjalment jistgħu jaqgħu bik.
• Qatt tassumi li d‐direzzjoni tax‐xibka hi fil‐parti l‐qasira tas‐saqaf. Ikxef parti żgħira tar‐rinforz sabiex tiċċekkja.
• Qatt tgħabbi soqfa b’materjal jew piżijiet addizzjonali aktar minn dak maħsub għalih.
• Dejjem arma saqaf temporanju qabel jitneħħew soqfa. Ara li dan ikun approvat minn persuna kompetenti qabel jintuża.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu skavar u pedamenti?
• Dejjem itlob parir professjonali rigward is‐saħħa tal‐blat sabiex jiġu utilizzati pedamenti adegwati. Agħti kas ta’ fissuri u difetti oħra fil‐blat.
• Dejjem uża bażijiet apposta skont it‐tip ta’ materjal tal‐art.
• Qatt tiskava maġenb ħitan mingħajr ma tkun ivverifikajt l‐istabbilita’ tal‐bini tal‐maġenb.
• Ftakar li skont l‐obbligi tal‐Kodiċi Ċivili (Kap 16, 439), ħadd ma jista’ jħaffer fil‐fond tiegħu bjar, ġwiebi, jew latrini, jew jagħmel tħaffir ieħor għal kull ħsieb li jkun, f’bogħod ta’ anqas minn sitta u sebgħin (76) ċentimetru mill‐ħajt diviżorju.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu kantini w bjar?
• Dejjem iċċekkja għal preżenza ta’ kantini u/jew bjar taħt il‐pjan terran, speċjalment qabel isir xi rfid.
• Qatt tħalli bokok miftuħin u mingħajr sinjali ta’ identifikazzjoni.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu katusi/kanen tal-ilma?
• Dejjem iċċekkja għall‐preżenza ta’ asbestos u/jew ċomb f’katusi u kanen tal‐ilma. Dawn ġieli jinstabu f’bini antik. Informa persuna teknika dwar miżuri sabiex jitneħħa dan il‐materjal b’mod adegwat.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’kunsiderazzjonijiet dwar saħħa w sigurta’ għandhom jittieħdu meta x-xogħolijiet jinvolvu ħitan antiki?
Ħitan f’binjiet antiki jikkonsistu fi qxur separati ta’ xulliel fuq barra mimli b’mazkan bejn il-qxur.
Is-saħħa ta’ ħitan antiki tiddependi fuq il-ħxuna tal-ħajt u r-rabta (bond) bejn l-elementi tal-ġebel.
• Qatt iżżarma parti mill-ħajt (xulliel) u tħalli l-mazkan espost mingħajr sapport adegwat.
• Qatt tħalli l-wiċċ tal-ħajt mikxuf u espost għall-ilma. L-ilma jista’ jwassal għal pressjoni laterali (side thrust) li jwassal għal kollass.
• Dejjem iċċekkja jekk hemmx xi difetti fil-ħajt (qsim jew kurvaturi fil-ħajt (ħajt imżaqqaq), nuqqas ta’ invellar (lack of plumb)) eċċ.
• Dejjem iċċekkja x’piżijiet qed jerfa’ l-ħajt mis-sulari ta’ fuqu u l-kontribut ta’ elementi oħra strutturali (soqfa, travi, arkati eċċ) oħra sabiex ikun provdut irfid adegwat.
• Dejjem irfed qabel tagħmel xi interventi fil-faċċata jew ħitan interni.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Xi prekawzjonijiet għandhom jittieħdu għall-iżmuntar ta’ soqfa tax-xorok?
Ix-xorok għandhom ħxuna relattivament żgħira kif ukoll qabda żgħira u għalhekk trid tingħata attenzjoni partikulari għall-iżmuntar ta’ soqfa bħal dawn.
Ix-xogħol importanti li jsir bl-idejn mhux biss għaliex jista’ jerġa’ jiġi riċiklat iżda fuq kollox sabiex ma ssirx ħsara lil bini ieħor li jkun aġġenti mal-fond fejn ikun qed isir ix-xogħol u jkunu qed jiġu mħarsa terzi persuni.
X’ħin jinkixef, ix-xriek normalment jiġi mdawwar għal fuq il-ġenb tiegħu waqt li jibqa’ jserraħ fuq it-travi. Imbagħad jiġi mgħolli ’l fuq u jitpoġġa fuq il-pilastri u wara jinġarr għal fuq it-trailers. Waqt li jkun qed isir dan ix-xogħol, il-ħaddiema m’għandhomx jirfsu fuq ix-xriek u saqajhom ikunu fuq it-travi. Kemm minħabba li l-qabda tkun żgħira kif ukoll li ċerti travi jkunu maqsuma, trid tingħata attenzjoni kbira waqt il-qlugħ tat-travi. Huwa għalhekk meħtieġ li l-ħaddiema jkunu mħarrġa sew f’dan ix-xogħol.
Minkejja din l-attenzjoni kollha, xorta jkun hemm xi xriek u materjal ieħor li jista jaqa’ għal isfel. Dan jista’ jikkawża ħsarat kbar b’mod speċjali fejn ikun hemm aktar minn sular wieħed. Aktar minn hekk, ġieli jkun diffiċli ħafna li l-ħaddiema li jkunu qed iħottu s-soqfa jintrabtu. Għalhekk l-aħjar prekawzjoni tkun illi jsir armar temporanju f’livell ftit aktar ’l isfel mis-saqaf li jkun se jinħatt. Dan għandu jsir minn nies tas-sengħa u għandu jiġi approvat minn persuna kompetenti. Barra minn hekk, il-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu ix-xogħol billi jirfsu fuq is-saqaf u anki jgħabbu fuqu, dejjem skond kemm ikun iċċertifikat li jiflaħ. L-istess armar imsemmi hawn fuq biex jinqalgħu x-xorok, jerġa’ jintuża biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jorbtu sew it-travi, kif ukoll joħorġuhom minn ġol-bejta tagħhom, ħalli jkunu jistgħu jitniżżlu.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Is-safety helmet itellifni meta nkun qiegħed nerfa’ l-ġebel, nista noqgħod mingħajru ġewwa siti ta’ kostruzzjoni?
Bħala regola ġenerali, l-elmu protettiv jew is-safety helmet għandu jintlibes il-ħin kollhu li wieħed ikun f’sit ta’ kostruzzjoni. Naturalment, jekk dan verament ikun aktar ta’ dannu milli ta’ protezzjoni, jew jekk is-safety helmet li għandek ma’ jippermettilekx li terfa’ sewwa, allura ftakar li wieħed jista’ jsib elmi ta’ protezzjoni ta’ diversi tipi u għamla u għadek tuża dak l-elmu li l-aktar huwa addattat għalik u li jipproteġik.
Li wieħed joqgħod mingħajr elmu ta’ protezzjoni m’għandiex tkun ir-regola iżda f’ċerti każi biss tista’ tkun l-eċċezzjoni. Staqsi lill-suppliers rinomati jew jekk ikollok xi problema fl-għażla ta’ liema elmu trid tuża.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Allura jekk ma’ jkun hemm xejn fuq rasi li jista’ jaqa għandi nilbsu wkoll?
Iva, l-elmu ta’ protezzjoni għandu jinżamm fuq ir-ras il-ħin kollu. Dan jista’ jipproteġik anke jekk taħbat rasek ma’ xi oġġett iebes. Jekk ikun hemm xi ħaġa li tista’ taqa’ fuq rasek, l-ewwel għażla għanda tkun li tirrimedja s-sitwazzjoni biex ma’ jaqa xejn għal-isfel.
Fejn hu teknikament possibli l-ħaddiema għandhom ikunu protetti b’metodi kollettivi kontra oġġetti li jistgħu jaqgħu. Materjali u apparat għandu jkun mifrux jew stakkjat b’tali mod li jkun evitat li jistgħu jaqgħu jew jinqalbu. Fejn ikun hemm bżonn, għandu jkun hemm passaġġi mgħottija fuq il-ġenb jew inkella għandu jkun impossibli li jsir xi dħul għal inħawi perikolużi.
F’każ li jkun hemm tagħbija ta’ krejn fuq l-irjus, allura warrab u toqodx taħt it-tagħbija. Tagħbijiet bħal dawn għandhom jagħddu minn inħawi fejn ma’ hemm ħadd.
Ftakar li jekk f’tul ħajtek kollha l-elmu jiffrankalek korriment f’rasek wieħed biss, ukoll ikun għamel xogħolu u bqajt tgawdi saħħtek. Ftakar ukoll li korriment fir-ras jista’ jkollu konsegwenzi serji ħafna.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Is-safety shoes iweġġani, nista’ noqgħod mingħajru u nilbes żarbun ordinarju minflok?
Iż-żraben ta’ protezzjoni jew is-safety shoes huma bżonjuzi biex jipproteġuk minn ċerti perikli li wieħed isib f’siti tal-kostruzzjoni. Dawn jistgħu jipproteġuk minn waqat ta’ oġġetti fuq is-swaba, oġġetti bil-ponta (bħal imsiemer) sporġuti l-fuq, żlieq u anke minn ċerti perikli tal-elettriku, fost affarijiet oħra.
Hemm diversi tipi u għamliet ta’ żraben ta’ protezzjoni, sib dawk l-aktar addattati għalik u li jipproteġuk, u toqogħdx mingħajrhom. Ftakar li l-ħaddiem għandu wkoll obbligi legali biex iħares is-saħħa u sigurta’ tiegħu stess.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Min irid jixtrieħ iż-żarbun ta’ protezzjoni, il-ħaddiem jew l-imgħallem?
Kull tagħmir protettiv personali, inkluż iż-żarbun ta’ protezzjoni, għandu jingħata lill-ħaddiem mingħajr ebda ħlas minn min iħaddem. Dan ta’ l-aħħar għandu wkoll jara li l-ilbies protettiv jiġi wżat sew u li jinżamm f’kundizzjoni tajba. Il-ħaddiem minn naħa tiegħu huwa obbligat li jagħmel użu korrett tat-tagħmir protettiv personali mogħti lilu.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
It-turġien ta’ bini li għadu taħt kostruzzjoni jrid ikollu poġġaman ukoll?
Iva, poġġamani ta’ protezzjoni għandom jitpoġġew madwar trombi u turġien biex jipproteġu kontra waqat ta’ persuni. Xaftijiet, toqob u postijiet oħra minn fejn jistgħu jaqgħu persuni għandhom ukoll ikunu protetti biex ma jaqa’ ħadd minnhom.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Dwar xogħol fil-għoli u waqgħat, x’għandu jsir biex il-periklu jitneħħa jew jitnaqqas?
Waqgħat mill-għoli għandhom ikunu fiżikament evitati. Il-prinċipju għandu jkun li xogħol fil-għoli jitwettaq biss b’apparat speċjali jew bl-użu t’apparat ta’ protezzjoni kollettivi bħalma huma bennieni (jew gaġġeġ), armar u pjattaformi addattati (li jkollhom bord tat-tarf (toe-board), poġġaman ewlieni (upper handrail) u poġġaman intermedju (intermediate handrail). Jistgħu jintużaw xbieki ta’ sigurta’.
Meta x-xogħol isir permezz ta’ krejn u benniena (jew gaġġa), din ta’ l-aħħar trid tkun solida u tkun għolja biżżejjed u jkollha ta’ l-inqas bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju jew alternattiva ekwivalenti.
Biex gaġġa bħal din tintuża biex ittellgħa n-nies ġo fiha bil-krejn, għanda tkun spezzjonata minn inġinier mekkaniku u ċċertifikata bħala tali mill-istess inġinier. Il-ktajjen jew ħbula tal-istess benniena jridu wkoll ikunu spezzjonati minn persuna kompetenti biex jiġi żgurat li dawn huma sodi biżżejjed u jifilħu għal dak il-għan. Il-krejn ukoll irid ikun fi stat ta’ manutenzjoni tajjeb u ċċertifikat minn inginier mekkaniku tal-inqas darba kull erbatax -il xahar.
Dawk li jkunu ġewwa din il-gaġġa għandhom jagħmlu użu minn harness ta’ sigurta’ (safety harness) li jkun marbut b’ħabel sod mal-ganċ tal-krejn.
Jekk l-użu ta’ dan l-apparat ma jkunx possibli minħabba n-natura tax-xogħol, allura għandhom ikunu pprovduti u għandhom jintużaw meżżi adatti ta’ aċċess u arnessi ta’ sigurta’ jew metodi ta’ ankraġġ oħra ta’ sigurta’.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Il-pont tal-kaħħala u bajjada huwa illegali?
Għalkemm l-użu tal-pont mhux rakkomandat, wieħed għandu jużah biss meta ma jkunx jista’ jaħdem b’metodi aħjar jew meta ma jkunx jagħmel sens li taħdem b’mod ieħor. L-ewwel għażla għanda tkun li taħdem b’apparat aktar sigur, per eżempju bi krejn u gaġġa hekk kif imsemmi hawn fuq, tower ladder jew armar imtella tajjeb.
Biex il-pont jintuża, wieħed irid jieħu dawk il-miżuri u prekawzzjonijiet neċessarji. Fosthom insibu dawn li huma l-aktar importanti:
1. L-apparat kollu (ħbula, fallakki u aċċessorji oħra) jkunu f’kundizzjoni tajba u jifilħu għal dak il-għan;
2. Il-ħbula u l-apparat kollu jiġi spezzjonat qabel jintrama minn persuna kompetenti;
3. Il-pont ikun ankrat sew ma’ postijiet sodi u addattati biex ma’ jaqax b’kollox;
4. Min jużah ikun jaf jużah sew u jkun f’saħħtu;
5. Min jużah jilbes arness ta’ sigurta’ li jrid ikun ankrat ma’ post sod u adattat u indipendenti mill-pont;
6. Tlugħ u nżul fuq u mill-pont isir b’mod mhux perikoluz;
7. Tajjeb li min jużah ikollu assistent li ma jkunx fuq il-pont;
8. Il-pont u l-aċċessorji tiegħu kollha jiġu merfugħ sew meta ma jkunx hemm bżonnom biex ma’ ssirilhomx ħsara.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Il-forklifter jista’ jintuża biex ittella’ n-nies u jaħdmu fil-għoli?
Fil-passat seħħew ħafna korrimenti fejn ħaddiema ġew elevati jew trasportati b’forklifter. Ħafna drabi dawn gew merfugħa fuq pallet poġġuta fuq il-frieket. Din hija prattika perikoluża ħafna (għaldaqstant illegali) u qatt ma għandha tintuża.
Xi forklifters għandhom gaġġa jew benniena li tkun merfugħa mill-forklifter u tintuża bħala pjattaforma biex minn fuqha jsir ix-xogħol.
Biex jittellgħu ħaddiema bil-forklifter f’gaġġeġ bħal dawn, l-istess gaġġeġ iridu jkunu magħmula għal dan il-għan u spezzjonati minn inġinier mekkaniku. L-istess inġinier għandu joħroġ ċertifikat wara li jiżgura ruħu li fost affarijiet oħra:
- Il-gaġġa tista’ tintuża għal dak il-għan;
- Hija ta’ disinn u kostruzzjoni tajba;
- Għanda lqugħ xieraq (bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju, jew alternattiva ekkwivalenti)
- Tkun marbuta sew mal-forklifter biex ma’ taqax.
Il-forklifter għandu jinżamm f’kundizzjoni tajba u huwa rakkomandat li jkun spezzjonat u ċċertifikat darba kull tnax -il xahar minn inġinier bil-warrant.
Dawn iċ-ċertifikati u kull prova oħra ta’ tiswijiet u manutenzjoni għandhom jinżammu bħala referenza.
Il-gaġġa u l-irbit tagħha mal-forklifter, ukoll għandhom jiġu spezzjonati u ċċertifikati minn inġinier bil-warrant. Huwa mportanti wkoll li persuna responsabbli għanda tara li din tkun armata sew kull darba li tintuża.
Wieħed għandu jieħu ħsieb ukoll li:
- Il-forklifter jintuża fuq art soda u livell,
- Il- gaġġa tiġi merfugħa biss meta l- forklifter ikun wieqaf u bil-handbrake miġbud,
- Min iħaddem il-forklifter għanda tkun persuna responsabbli u mħarrġa sew fl-użu tal-forklifter.
Sors: Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
X’inhu mistenni mill-health and safety project supervisor?
Għalkemm il-health and safety supervisor ma jistax jieħu l-liġi f’idejh sabiex jisforza lil kuntrattur inadempjenti jagħmel dak li s-Supervisor jiddeċiedi li huwa neċessarju, huwa tenut li jagħmel dak kollu li huwa raġjonevolment possibbli fil-prattika u jordna s-sospensjoni tal- progett kif ukoll jirraporta s-sitwazzjoni lill-Awtoritajiet f’każ ta’
inadempjenza minn kuntrattur.
X’ inhu ezattament l-irwol tal- Project Manager kif jikkonsegwi mil- ligi tal- Health and Safety? (L- Avviz Legali 281/2004)
Meta dan l- Avviz juza l-kelma “koordinazzjoni” irid illi l-"Project Manager” ghandu jkun “on site” ilaqqa’ l-partijiet kollha involuti fil-kostruzzjoni, jara x’mizuri ta’ sigurta’ ghandhom jittiehdu w jassigura illi dawk il-mizuri jkunu fil-fatt ittiehdu. Huwa jrid jikkoordina x-xoghol bejn is-sid, il-kuntrattur u d-diversi haddiema illi jkunu qeghdin jahdmu f’kwalunkwe hin f’xi sit ta’ kostruzzjoni w jassigura illi dawn il-haddiema jkunu dejjem siguri w ma jkunux esposti ghall-periklu.
Jekk il- Project Manager jikkomunika permezz ta' e-mail mal- Works Manager u jghidlu x' ghandu jaghmel, ikun bizzejjed?
Il- Qrati irritinew li m'huwiex bizzejjed illi “Project Manager” jibghat e-mail lill- “Works Manager” sabiex dan jikkomunika ma’ persuna ohra biex isiru x-xogholijiet rimedjali. Bhala “Project Manager” irid ikun personalment “on site” sabiex jassigura illi r-rakkomandazzjonijiet tieghu qed jigu mwettqa.
Biex tiddepożita krejn huwa meħtieġ permess tal- Kunsill Lokali?
Iva. Fil- fatt, ir-Regolament 8(1) tar-Regolamenti ta’ l-2002 dwar Attivitajiet li Jeħtieġu Permess mill-Kunsilli Lokali jgħid hekk:
“Ħadd ma jista’ jiddepożita jew juża xi krejn jew makkinarju ieħor waqt il-bini, kostruzzjoni jew demolizzjoni ta’ xi bini jew proġett ieħor simili f’xi triq mingħajr il-permess tal-Kunsill Lokali.”
Il- ħruġ tal- permess tal- Kunsill Lokali biex jintrama krejn fil- lokalita’ huwa sempliċi formalita’?
Le. Tant hu hekk li riċentement, il- Qorti tal- Maġistrati f’ Għawdex esprimiet ruħha fis-sens li meta joħroġ permess mill- Kunsill, is-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali jkollhom iwieġbu f’ każ ta’ negliġenza ta’ parti tal-Kunsill. (fis-sentenza Il- Pulizija vs Baskal Saliba (Lulju 2016))
X’ għandha tinkludi l- applikazzjoni li ssir lill- Kunsill Lokali sabiex jintrama crane?
Is-Subregolament (2) tar-Regolament 8 tar-Regolamenti ta’ l-2002 dwar Attivitajiet li Jeħtieġu Permess mill-Kunsilli Lokali jgħid li flimkien mal-applikazzjoni jrid jingħata ż-żmien li għalih ikun qed jintalab il-permess oltre li trid issir pjanta ta’ fejn ser jiġi depożitat il-crane.