Huwa veru li l-art tal-privat ta’ mal-kosta trid tiġi reġistrata?
Kull titolu jew dritt privat fuq l-art ta’ mal-plajja għandu jiġi reġistrat fir-reġistru rilevanti skont il-liġi applikabbli qabel ma jiskadu għaxar snin mid- data stabbilita fil-Gazzetta tal-Gvern b'ordni tal-Ministru responsabbli għall-Artijiet;
"L-art ta’ mal-plajja" hija dik il-parti tal-perimetru tal-kosta, inkluż fejn teċċedi ħmistax -il metru, li normalment tkun mgħottija bl-ilma minħabba fl-azzjoni tal-mewġ u li l-użu tagħha hu ristrett b’dan il-fatt.
L-art ta’ mal-plajja testendi għal sa fejn tilħaq l-ogħla mewġa u, ukoll jekk tinsab lil hinn minn fejn jilħaq il-mewġ, sal-limiti ta’ kull xtajta: Bil-kundizzjoni li l-art ta’ mal-plajja ma tistax testendi fuq jew ’il quddiem ta' triq pubblika li taqa’ taħt skema.
X’inhi t-tifsira legali ta’ demanju pubbliku?
Skont il- Kodiċi Ċivili, il-beni li ġejjin, u l-frottijiet u l-aċċessorji tagħhom, għandhom jitqiesu bħala proprjetà fid-demanju pubbliku u mingħajr il-bżonn ta’ ebda dikjarazzjoni, reġistrazzjoni jew formalità oħra:
(a) il-perimetru tal-kosta;
(b) l-ibħra interni bħalma huma bajjiet, xtajtiet u żoni oħra li jinsabu bejn il-perimetru tal-kosta u l-linji bażi li minnhom jitqiesu l-ibħra territorjali u l-qiegħ tal-baħar relattiv u s-saff taħt il-wiċċ tal-blat u l-kolonna tal-ilma u l-ispazju tal-ajru fuqhom, sakemm ma jkunux portijiet; u
(ċ) il-qiegħ tal-baħar u s-saff taħt il-wiċċ tal-blat li jinsabu taħt l-ibħra territorjali lil hinn mil-linji bażi li minnhom jitqiesu l-ibħra territorjali u l-qiegħ tal-baħar relattiv u s-saff taħt il-wiċċ tal-blat u l-kolonna tal-ilma u l-ispazju tal-ajru fuqhom.
Jista’ l-pubbliku jipproponi siti barra dawk li tagħraf il-liġi biex dawn jifformaw parti mid-demanju pubbliku?
Iva. Fil-fatt, il- Ministru responsabbli għall-Artijiet, Membri tal-Parlament jew NGOs jistghu iressqu l- proposti tagħhom Imbagħad, Il-Kunsill Eżekuttiv kif stabbilit taħt l-Att tal-2016 għall-Ippjanar tal-Iżvilupp għandu jipprepara rapport fuq bażi annwali fejn jindika dawk is-siti li ġew proposti mill-Ministru responsabbli għall-Artijiet, Membri tal-Parlament jew NGOs li l-Kunsill ikun qies xierqa li jkunu ddikjarati bħala demanju pubbliku.
Iżda qabel it-tlestija ta’ tali rapport il-Kunsill Eżekuttiv għandu jwettaq proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Ir-rapport għandu mbagħad jiġi ppreżentat lill-Ministru responsabbli għall-Artijiet, li min-naħa tiegħu jrid jippreżenta tali rapport fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati sal-15 ta’ Settembru ta’ kull sena. Il-Ministru għandu jara li r-rapport jiġi mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati kemm jista’ jkun malajr iżda mhux aktar tard minn xahar minn meta jkun irċevih.
L-Ispeaker tal-Kamra għandu jirreferi r-rapport lill-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp għall-konsiderazzjoni u l-kummenti tiegħu.
Ir-rapport tal-Kumitat Permanenti għandu mbagħad jintbagħat lill-Ministru responsabbli għall-Artijiet li għandu jippreżenta Riżoluzzjoni dwar id-demanju pubbliku lill-Kamra tad-Deputati, għall-konsiderazzjoni tagħha, fir-rigward ta’ dawk is-siti li jkunu hekk rakkomandati mill-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp.
Kull Riżoluzzjoni dwar id-Demanju Pubbliku għandu, bħala minimu:
(a) jidentifika l-proprjetà, il-frottijiet u l-aċċessorji tagħha;
(b) jidentifika s-setgħat tal-Gvern jew titoli jew jeddijiet ta’ terzi li ser ikomplu jitgawdew fuq il-beni inkwistjoni, u l-mod li bih għandhom jiġu eżerċitati jew jitgawdew, minkejja dik id-dikjarazzjoni;
(ċ) jidentifika liġijiet speċjali jew dispożizzjonijiet tagħhom, jekk ikun hemm, li jirrestrinġu l-aċċess pubbliku jew it-tgawdija ta’ dik il-proprjetà skont din l-Iskeda, u li ser ikomplu japplikaw għal dik il-proprjetà minkejja d-dikjarazzjoni; u
(d) fejn ikun applikabbli, ikun hemm mehmuża miegħu pjanta jew mappa ġenerali, ibbażata fuq il-mappa uffiċjali tar-Reġistru tal-Artijiet, li tidentifika l-proprjetà u l-aċċessorji li huma affettwati b’dik id-dikjarazzjoni.
Ir-Riżoluzzjonijiet dwar id-Demanju Pubbliku kollha għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru rilevanti mill-Ministru responsabbli għall-Artijiet fi żmien xahrejn mill-approvazzjoni tagħhom mill-Kamra tad-Deputati.
Proprjeta’ li tifforma parti mid-demanju pubbliku, tista’ tinbiegħ?
Bla ħsara għal jeddijiet privati u l-konċessjonijiet li jistgħu jkunu validament eżistenti, beni fid-demanju pubbliku li jkunu tal-Gvern għandhom ikunu extra commercium sakemm ma jiġux deklassifikati skont il-ligi.
Ladarba deklassifikati, ma jibqgħux jiġu trattati bħala beni extra commercium iżda biss sal-limitu u għall-finijiet imsemmija fir-Riżoluzzjoni dwar id-Deklassifikazzjoni rilevanti.
L-akkwist ta’ xi jedd minn xi interess privat ta’ xi beni tal-Gvern fid-demanju pubbliku li ma jkunux ġew deklassifikati ikun ipso jure null u bla effett. Dan ma japplikax biss għall- konċessjonijiet taħt l-Artikolu 7 tat-Tielet Skeda anness mal- Kap. 16.
Bini privat li permezz ta’ riżoluzzjoni jibda jifforma parti mid-Demanju pubbliku, jista’ jinbiegħ?
Beni li jkunu ġew dikjarati li jaqgħu taħt id-demanju pubbliku permezz ta’ Riżoluzzjoni dwar id-Demanju Pubbliku u li huma proprjetà privata ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala extra commercium u jistgħu jkomplu jkunu soġġetti għal operazzjonijiet skont il-Kodiċi Ċivili jew kull liġi oħra li tapplika wkoll jekk ma jkunux ġew deklassifikati.
Il-Gvern jibqalu dritt jagħti konċessjonijiet u għotjiet f’każ ta’ proprjeta’ fid-demanju pubbliku mingħajr il- ħtieġa ta’ deklassifikazzjoni?
Iva. Il-Gvern jista’ jagħti drittijiet fuq beni fid-demanju pubbliku b’permess amministrattiv, bil-kondizzjoni li dawk il-beni għandhom jintużaw b’mod konsistenti man-natura tagħhom u f’dal- każ, ma jkunx meħtieġ li beni fid-demanju pubbliku jiġu deklassifikati sabiex ikunu l-oġġett ta’ permess amministrattiv.
Għaldaqstant, meta permess amministrattiv jirreferi għal beni fid-demanju pubbliku, minkejja kull dispożizzjoni kuntrarja li jkun hemm f’xi ftehim, dik l-għotja għandha tkun:
(a) personali għal min jirċeviha u ma tistax tiġi assenjata u lanqas ma tista’ tinqasam, u meta l-għotja ssir lil organizzazzjoni legali jew lil trust li jkollhom azzjonisti jew benefiċjarji, kif ikun il-każ, dawk l-azzjonisti jew benefiċjarji jkunu soġġetti għall-istess kondizzjonijiet flimkien mal-organizzazzjoni legali jew trust matul iż-żmien li tibqa’ fis-seħħ l-għotja;
(b) revokabbli mill-awtorità li tagħmel l-għotja b’avviż bil-miktub;
(ċ) soġġetta għal obbligi u kondizzjonijiet ta’ demanju pubbliku kif imfisser f’din l-Iskeda; u
(d) inizjalment mogħtija għal mhux aktar minn għaxar snin, u meta tiġi mġedda, it-tiġdid isir għal mhux aktar minn għaxar snin kull darba: Iżda meta l-għotja mill-Gvern issir lil organizzazzjoni volontarja reġistrata li l-għanijiet tagħha jirriflettu l-istess prinċipji ta’ din l-Iskeda fir-rigward tal-mod kif tiġi amministrata proprjetà fid-demanju pubbliku, il-kondizzjonijiet imsemmija hawn qabel jistgħu jiġu modifikati jew rinunzjati.
Permessi amministrattivi li jagħtu drittijiet fuq id-demanju pubbiku għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru rilevanti jekk il-perjodu tas-seħħ tagħhom ikun iżjed minn sentejn. Dik ir-reġistrazzjoni ma għandhiex tagħti lil min jirċievi l-għotja drittijiet ta’ sjieda jew ta’ pussess u d-drittijiet jibqgħu kif dikjarati fis-subartikolu ta’ qabel dan u f’kull liġi li tkun tapplika.
Bla ħsara għal kull għotja li ssir skont xi liġi speċjali li tista’ espressament timmodifika l-kondizzjonijiet speċifikati hawn aktar ’il quddiem, meta beni fid-demanju pubbliku jkunu soġġetti għal għotja mill-Gvern lil interessi privati, għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) ħlief meta r-Riżoluzzjoni dwar id-Deklassifikazzjoni espressament tawtorizza li d-deklassifikazzjoni għandha tkun għal perjodu indefinit, minħabba fil-fatt li dik id-deklassifikazzjoni tkun evidentement irriversibbli, l-għotja għandha tkun għal perjodu speċifikat li ma jeċċedix mitt sena u għandha tkun, kemm jista’ jkun:
(i) proporzjonata għ¬all-interess jew benefiċċ¬¬ju li għandu jinkiseb mill-pubbliku ġenerali u għall-perjodu ta’ żmien li matulu dak l-interess jew benefiċċju fil-fatt jibqa’ jseħħ;
(ii) suffiċjenti biex taqdi l-użu awtorizzat;
(iii) proporzjonata b’mod invers sal-limitu li għalih il-pubbliku ġenerali jkollu aċċess u użu ristrett, hekk li aktar ma tkun kbira r-restrizzjoni fuq l-użu pubbliku, anqas għandu jkun il-perjodu ta’ żmien u proporzjonata b’mod invers għad-diżordni tal-funzjoni pubblika li l-beni kienu jservu, hekk li aktar ma jkun kbir id-diżordni għall-funzjoni pubblika, anqas għandu jkun il-perjodu ta’ żmien; u f’kull każ ma għandhiex tkun għal perjodu aktar minn dak li għalih il-beni ġew deklassifikati;
(b) l-għan tal-għotja u l-użu sussegwenti tal-beni għandu jkun esklussivament dak li għalih il-beni ġew deklassifikati;
(ċ) jekk ikun raġonevolment possibbli, għandhom jiġu provduti alternattivi xierqa lill-pubbliku ġenerali li jkun ġie privat mill-beni li qabel kien juża u jgawdi;
(d) ħlief meta r-Riżoluzzjoni dwar id-Deklassifikazzjoni espressament tawtorizza d-deklassifikazzjoni għal perjodu indefinit minħabba fl-irriversibilità evidenti tagħha, kull kostruzzjoni, titjib jew alterazzjoni li ssir fuq beni fid-demanju pubbliku għandhom jitneħħew meta jagħlaq il-perjodu, sakemm il-Gvern ma japprovax li jinżammu, għall-benefiċċju tiegħu jew kif jista’ jikkonsidra fl-interess pubbliku, dawk il-kostruzzjonijiet, titjib jew alterazzjonijiet filwaqt tad-deklassifikazzjoni jew f’xi żmien li jiġi wara;
(e) ħlief meta r-Riżoluzzjoni dwar id-Deklassifikazzjoni espressament tawtorizza l-modifika ta’ xi beni fid-demanju pubbliku, kull ħsara, qerda jew modifika jew sfruttament li ma jkunux espressament permessi, għandu jagħmel tajjeb għalihom min ikun irċieva l-għotja;
(f) sakemm ma jkunx ġie espressament permess bir-Riżoluzzjoni dwar id-Deklassifikazzjoni, u f’dak il-każ bla ħsara għall-kondizzjonijiet espressi tal-għotja, l-għotja għandha:
(i) tkun personali għal min jirċeviha u ma tistax tiġi assenjata u meta l-għotja ssir lil organizzazzjoni legali jew lil trust li jkollhom azzjonisti jew benefiċjarji, kif ikun il-każ, dawk l-azzjonisti jew benefiċjarji jkunu soġġetti għall-istess kondizzjonijiet flimkien mal-organizzazzjoni legali jew trust matul iż-żmien li tibqa’ fis-seħħ l-għotja;
(ii) ma tkunx tista’ tinqasam; u
(iii) ma tkunx tista’ tintuża bħala garanzija favur terza persuna.
Fil- każ ta’ għotja mill-Gvern issir lil organizzazzjoni volontarja reġistrata li l-għanijiet tagħha jirriflettu l-istess prinċipji ta’ din l-Iskeda fir-rigward tal-mod kif tiġi amministrata proprjetà fid-demanju pubbliku, il-kondizzjonijiet imsemmija hawn qabel jistgħu pero’ jiġu modifikati jew rinunzjati.