F’każ ta’ ilma kontinwu li qed jikkawża l-ħsara, kif taħdem il-preskrizzjoni?
Ġie ritenut konsistentement mill-qrati tagħna illi minkejja li skont il-prinċipju paċifikatament rikonoxxut u applikat, iż-żmien għall-preskrizzjoni jibda jgħaddi minn meta ssir il-ħsara, madankollu f’każ ta’ ħsara ġejja minn dħul ta’ ilma jew umdita`, fejn il-ħsarat ikomplu jimmanifestaw ruħhom fuq perijodu ta’ żmien u f’każijiet oħrajn fejn il-ħsara tkun qed issir kontinwament, iż-żmien preskrittiv “ma jibdiex jgħaddi jekk mhux minn meta jsiru x-xogħlijiet meħtieġa biex il-ħsara tieqaf tkompli issir” (Ara: sentenza fl-ismijiet Peter Paul Muscat et vs Peter Muscat Scerri et, deċiża mill-Qorti tal-Appell fis-26 ta’ Gunju 2009).
Fis-sentenza riċenti fl-ismijiet Il-Bajja Limited vs Inna Korelova, il-Qorti tal-Appell irribadiet dan il-prinċipju u qalet hekk:-
“Huwa minnu kif targumenta s-soċjeta` appellanti, li meta n-natura tal-ħsarat tkun li l-istess ħsarat ikunu kontinwi, it-terminu relattiv għal bidu tal-perjodu preskrittiv “ma jibdiex jgħaddi jekk mhux minn meta jsiru x-xogħlijiet meħtieġa biex il-ħsara tieqaf tkompli issir” (Portelli v. Attard – 20 ta’ Marzu 1997). Huwa minnu wkoll li fis-sentenza fl-ismijiet Joseph Abela v. Francis Cassar deciza minn din il-Qorti fl-14 ta’ Jannar 2002 ġie deċiż illi “f’materja ta’ perkolazzjoni ta’ ilma u umdita` fejn il-ħsara timmanifesta ruħha ferm bil-mod ma kienx faċli biex wieħed jistabilixxi meta effettivament id-danneggjat seta’ japprezza l-gravita` tal-problema u f’kull kaz f’sitwazzjoni bħal din id-deċiżjoni tal-Qorti kellha tiffavorixxi lill-persuna kontra min tkun qegħda tiddekorri l-preskrizzjoni. Dan ukoll bl-applikazzjoni tal-prinċipju contra non valentem non currit prescriptio.”
Kwindi, fejn il-ħsara tkun qiegħda kontinwament issir, il-qrati tagħna jiffavorixxu interpretazzjoni fis-sens illi l-azzjoni titqies li tista’ tiġi eżerċitata biss minn dakinhar li effettivament ma tibqax tiġi kkaġunata l-ħsara. Dan l-insenjament huwa fondat fuq il-prinċipju illi jekk l-azzjoni tista’ tiġi eżerċitata mill-mument li l-perkolazzjoni tal-ilma provenjenti mill-fond adjaċenti tibda tikkaġuna danni lill-attur, allura meta din il-perkolazzjoni tissokta u d-dannu qiegħed kulma jmur jiġi arrekat, l-azzjoni tista’ tinbeda f’kull mument li jibqa’ jiġi kkaġunat dannu.
Meta allura ż-żmien għall-preskrizzjoni ikompli jiġġedded sakemm ma jitwaqqafx effettivament l-ingress tal-umdita` li jkun qed jikkawża l-ħsara.
Kif titwieled preskrizzjoni ta’ 30 sena?
Il-preskrizzjoni tat-tletin sena titwieled jekk pussess għal żmien tletin sena ikun tali li dak li jkun ikun aġixxa bħala sid il-ħaġa (uti dominus). Dan skont l-Artikolu 2143 tal-Kodiċi Ċivili. Dan il-pussess, biex allura ikun leġittimu, irid ikun tgawdija ta’ jedd li wieħed iżomm jew jeżerċita bħala tiegħu innifsu, jiġifieri esklussiv u assolut.
Minbarra dan, huwa meħtieġ ukoll li l-imsemmi artikolu jinqara flimkien mal-Artikolu 2107(1) tal-istess Kodiċi, li jfisser x’għamla ta’ pussess huwa meħtieġ. F’dan il-każ, il-liġi trid li l-pussess ikun kontinwu, bla xkiel minn ħaddieħor (“paċifiku”), fid-dieher u mhux ekwivoku (“esklussiv”), b’mod li min tkun għaddejja l-preskrizzjoni kontrih seta’ jkun jaf – ukoll jekk fil-fatt ma kienx jaf – li l-pussessur qiegħed iżomm b’dak it-titolu.
Fejn imbagħad il-kisba ta’ titolu bil-preskrizzjoni ta’ 30 sena titqajjem minn xi parti f’kawża, ikun meħtieġ ukoll li dik il-parti turi b’seħħ minn meta tkun bdiet il-pussess kwalifikattiv tagħha fuq dik il-ħaġa. F’każ bħal dan, madankollu u sakemm il-pussess ikollu l-kwalitajiet li ssemmew aktar qabel, il-pussess li jkun ħaddan u żamm xi antenat immedjat tal-attwali pussessur jgħodd ukoll għall-finijiet tal-għadd taż-żmien meħtieġ biex inissel it-titolu b’użukapjoni.
Il-proprjeta’ akkwistata bi preskrizzjoni tista’ tintilef b’nuqqas ta’ użu?
Il-proprjeta` ma tintilifx bin-nuqqas ta’ użu da parte tas-sid. Tintilef, invece, jekk ħaddieħor jieħu pussess tagħha u jeżerċita fuqha jedd ta’ poter għaż-żmien kollu mil-liġi stabbilit u skond il-kundizzjonijiet l-oħra preskritti mill-Artikolu 2107 tal-Kodiċi Ċivili. Jispetta għalhekk lil dan ħaddieħor l-oneru li jipprova r-rekwiżiti kollha tax-xorta ta’ akkwist vantat minnu. Isegwi li l-azzjoni tal-proprjetarju biex jieħu dak li huwa tiegħu ma tistax tiġi opposta b’sempliċi preskrizzjoni estintiva, imma b’dik akkwiżittiva konvolġenti l-pussess ta’ l-eċċipjent.
Jekk kerrej ‘jipposjedi’ bejt fuq fond mikri iżda mhux proprjeta’ ta’ sid il-kera, is-sid proprju (sid il-kera) igawdi minn dik il-preskrizzjoni?
M’hux biżżejjed li tgħid li l-kerrejja kienu qegħdin jiddetjenu għan-nom tas-sidien u li għalhekk dawn tal-aħħar kienu qegħdin jippreskrivu kif trid il-liġi, jekk is-sidien ma kienux jafu b’dan kollu. Trid issir il-prova li s-sidien, kienu jafu bl-okkupazzjoni ta’ din il-parti tal-bejt u li jwettqu atti animo domino fuq l-istess. Fi kliem is-sentenzi fuq dan il-punt, irid ikun hemm il-konvolġiment tal-pusses tas-sid propju.
Min irid jipprova li l-azzjoni ta’ spoll saret fi żmien xahrejn?
Fl-ewwel lok, l-azzjoni ta’ spoll tinsab kontemplata fl-Artikolu 535 tal-Kodiċi Ċivili (Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), fejn jingħad illi:
“(1) Jekk persuna tiġi, bil-vjolenza jew bil-moħbi, mneżżgħa mill-pussess, ta` liema xorta jkun, jew mid-detenzjoni ta` ħaġa mobbli jew immobbli, hija tista`, fi żmien xahrejn mill-ispoll, titlob, b`azzjoni kontra l-awtur ta` l-ispoll, li terġa` tiġi mqiegħda f`dak il-pussess jew f`dik id-detenzjoni, kif jingħad fl-Artikolu 791 tal-Kodiċi ta` Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
(2) Dan it-tqegħid mill-ġdid fil-pussess jiġi ordnat mill-qorti, wkoll jekk il-konvenut ikun is-sid tal-ħaġa li tagħha l-attur ikun bata l-ispoll”.
Kwindi, sabiex tirnexxi l-azzjoni ta’ spoll, jeħtieġ li jirriżultaw it-tliet elementi kontemplati fil-liġi:
(i) li l-attur kellu l-pussess ta’ kwalunkwe xorta jew detenzjoni tal-ħaġa spoljata (possedisse);
(ii) li ġie disturbat f’dan il-pussess (spoliatum fuisse); u
(iii) li għamel il-każa fi żmien xahrejn mill-allegat spoll (infra bimestre deduxisse).
Issa, kif intqal fil-kawża fl-ismijiet Trevor Arends et v. Veronica Mizzi et, it-terminu ta’ xahrejn huwa element li għandu jiġi ppruvat mill-attur.
Hemm lok ta’ rinunzja għall-użukapjoni? Il-‘good faith’ importanti li tkun teżisti?
Ibda biex, il-bona fede m’hix eskluża bil-fatt illi l-preskrivent kien jaf li l-ħaġa kienet ta` ħaddieħor għax hu biżżejjed li l-preskrivent ikollu l-intenzjoni li jsir il-proprjetarju tal-ħaġa. Imma l-pussess ta` tletin sena jrid ikun leġittimu, jiġifieri kontinwu u mhux interrott, paċifiku, pubbliku u mhux ekwivoku.
Huwa għalhekk loġiku li l-pussess huwa dejjem meħtieġ għall-finijiet tal-preskrizzjoni akkwiżittiva, in kwantu min ma għandux dan il-pussess ma jista' qatt jakkwista bi preskrizzjoni, jgħaddi kemm jgħaddi żmien, għax kif jinsab stipulat fl-Artikolu 2118 tal-Kodiċi Ċivili dwar il-"kawżi li jimpedixxu l-preskrizzjoni":- "Dawk li jżommu l-ħaġa f'isem ħaddieħor jew il-werrieta tagħhom, ma jistgħux jippreskrivu favur tagħhom infishom: bħal ma huma l-kerrejja, id-depożitarji, l-użufruttwarji, u ġeneralment, dawk li ma jżommux il-ħaġa bħala tagħhom infishom."
Mill-banda l-oħra, ir-rinunzja għall-użukapjoni bħala `causa acquisitionis` tista` tkun taċita, cioe` deduċibbli mill-fatt li jimplika l-abbandun tal-jedd akkwistat. In oltre, d-dikjarazzjoni tal-preskrivent fis-sens li l-ħaġa m’hix tiegħu, timplika ukoll rinunzja taċita għad-dritt akkwistat minnu bl-użukapjoni.
Hemm xi żmien biex wieħed jirċievi ħlas għal dritt t’ appoġġ bejn żewġ fondi?
Azzjoni ta’ dan it-tip hija preskritta ai termini ta’ l-Artikolu 2156(f) tal-Kodiċi Ċivili. Dan jgħid hekk:
“L-azzjonijiet hawn taħt imsemmija jaqgħu bi preskrizzjoni bl-egħluq ta’ ħames snin: […] (f) l-azzjonijiet għall-ħlas ta’ kull kreditu ieħor li ġej minn operazzjonijiet kummerċjali jew minn ħwejjeġ oħra, meta l-kreditu ma jkunx jaqa’, skont din il-liġi jew liġijiet oħra, taħt preskrizzjoni aqsar, jew ma jkunx jirriżulta minn att pubbliku.”
Xi tgħid il- liġi dwar ir-responsabbilta’ ta’ perit u/jew l-appaltatur?
L-Artikolu 1638 tal-Kodiċi Ċivili jagħmilha ċara li:
“(1) Jekk bini jew xogħol ieħor kbir ta' ġebel, mibni b'appalt, fi żmien ħmistax -il sena minn dakinhar li tkun tlestiet il-kostruzzjoni, jinqered, kollu jew biċċa minnu, jew juri li hemm periklu ċar li sejjer jiġġarraf minħabba difett fil-kostruzzjoni, jew ukoll minħabba difett tal-art, l-arkitett u l-appaltatur għandhom iwieġbu għal dan.
(2) L-azzjoni għall-ħlas tal-ħsara għandha titmexxa fi żmien sentejn minn dakinhar Ii jiġri xi wieħed mill-każijiet hawn fuq imsemmija”.
Il-jedd li sid ta’ post jinsisti fuq it-tlugħ ta’ l-opramorta jintilef bi preskrizzjoni?
Hemm sensiela ta’ deċiżjonijiet li jgħidu li l-jedd li sid ta’ post jinsisti fuq it-tlugħ ta’ l-opramorta ma jintilifx lanqas bi preskrizzjoni, (P.A. WG 20.5.1988 fil-kawża fl-ismijiet "Vinċenza Azzopardi vs Antonia Holden" (mhix pubblikata), imbasta li, minħabba li hija regola li tillimita l-użu tal-ġid tal-fond serventi, jirriżultaw l-elementi meħtieġa biex dan il-jedd jista’ jintalab. (App. Ċiv. 23.4.1926 fil-kawża flismijiet "Żammit Gauċi vs Callus" (Kollez. Vol: XXVI.i.463).
Minn mindu jibda jidderkorri l-imgħax legali?
Ebda imgħax legali ma jista’ jingħata qabel ammont ma jkun likwidat. (ara decizjoni tal-Qorti Maria Lourdes Brincat vs Giuseppe Brincat et. [Cit. Nru.: 448/87FS].
Jista’ komproprjetarju jitlob qasma ta’ ħwejjeg in komun?
L-Artikolu 498 tal-Kodiċi Ċivili jgħid hekk:
“Il-qasma tista’ tintalab ukoll għad illi wieħed mill-komproprjetarji jkun gawda separatament biċċa mill-beni in komun, iżda dan kemm-il darba ma tkunx saret qasma jew ma jkunx hemm pussess biżżejjed li jagħti lok għall-preskrizzjoni.
Fi kliem iehor, il-fatt ta’ tgawdija separata ma jżommx lill-komproprjetarji l-oħra milli jitolbu l-qasma tal-beni komuni, sakemm il-qasma ma tkunx ġà saret jew sakemm ma jkunx hemm “pussess biżżejjed li jagħti lok għall-preskrizzjoni”.
Pero, biex ikun hemm il-preskrizzjoni irid ikun hemm pussess kontinwu, mhux miksur, paċifiku, pubbliku, u mhux ekwivoku, għal żmien li tgħid il-liġi.”
In-nuqqas ta’ komproprjetarju li jagħmel użu ta’ l-oġġett in komun jagħti pussess esklussiv lill-komproprjetarji li jagħmlu użu?
In-nuqqas tal-komproprjetarji l-oħra li jinqdew huma wkoll bil-jedd tagħhom ta’ komproprjetà m’huwiex biżżejjed biex jagħti pussess esklużiv billi, kif jgħid l-Art. 526, “dawk l-atti li huma biss fakultattivi jew li jitħallew li jsiru biss bil-bona grazzja ma jistgħux jiswew ta’ bażi għall-ksib tal-pussess." Dan in virtu ta’ l- Artikolu 2121 tal- Kap. 16 (“Ħadd ma jista’ jippreskrivi kontra t-titolu tiegħu nnifsu fis-sens li ħadd ma jista’ jbiddel għalih innifsu r-raġuni li għaliha jkun iżomm il-ħaġa. Igifieri, jekk dak li jkun jibda iżżomm il-proprjetà bħal ko-werriet, dan jibqa’ meqjus bhala komproprjetarju”).
L- Artikolu 2121 pero’ jibqa’ jgħodd sakemm ma jkunx hemm oppożizzjoni "li tidher" (manifesta) għat-titolu tal-komproprjetarji l-oħra. Dan jista’ jsir billi tagħmel oppożizzjoni "li tidher" għall-jedd tal-komproprjetarji l-oħra, jew b’att ġudizzjarju jew billi tinqeda bil-ħaġa komuni bi ksur ta’ dak li jgħid u jrid l-Art. 491(a) jew (b), ossija: “Kull komproprjetarju jista’ jinqeda bil-ħwejjeġ in komun, basta – (a)li jinqeda bil-ħaġa skond id-destinazzjoni tagħha kif stabbilita bl-użu u (b) li ma jinqediex bil-ħaġa kontra l-interess tal-komunjoni, jew b’mod li ma jħallix lill-komproprjetarji l-oħra jinqdew biha in komun skond il-jeddijiet tagħhom.”
Tali oppożizzjoni trid tkun manifesta u univoka għall-jeddijiet tal-komproprjetarji l-oħra biex allura tibdel it-titolu li bih dak li jkun iżomm il-ħaġa (bħal per eżempju ma thallix lill- komproprjetarji l-oħra jgawdu l-istess proprjetajiet biex jintwera l- pussess esklużiv).
Jista’ att ta’ mera tolleranza jwassal għall-pussess?
Le. Fil- fatt l- Artikolu 526 tal-Kap. 16 jgħid hekk:
“Dawk l-atti li huma biss fakultattivi jew li jitħallew li jsiru biss bil-bona grazzja ma jistgħux jiswew ta’ bażi għall-ksib tal-pussess.”
Kif tista’ tinkiseb il-preskrizzjoni ta’ 30 sena? Dan jgħodd anke jekk m’hemmx il- buona fede?
L-Artikolu 2107 tal- Kap. 16 jgħid hekk:
“Il-preskrizzjoni hija mod ta’ akkwist ta’ jedd b’pussess kontinwu, mhux miksur, paċifiku, pubbliku, u mhux ekwivoku, għal żmien li tgħid il-liġi.”
Dan jgħodd ukoll anke jekk m’hemm il- buona fede. Fil-fatt, l- Artikolu 2143 jgħid hekk:
“L-azzjonijiet kollha, reali, personali, jew misti jaqgħu bil-preskrizzjoni għeluq tlettin sena, u ebda oppożizzjoni għall-preskrizzjoni ma tista’ ssir minħabba nnuqqas ta’ titolu jew ta’ bona fidi.”
Jista’ xi ħadd jippreskrivi kontra t-titolu tiegħu innifsu?
Le. Fil-fatt, l- Artikolu 2121 tal- Kap. 16 jgħid hekk:
“Ħadd ma jista’ jippreskrivi kontra t-titolu tiegħu nnifsu fis-sens li ħadd ma jista’ jbiddel għalih innifsu r-raġuni li għaliha jkun iżomm il-ħaġa. Igifieri, jekk dak li jkun jibda iżżomm il-proprjetà bħal ko-werriet, dan jibqa’ meqjus bhala komproprjetarju.”
Xi tfisser pussessur ta’ buona fede fil-kuntest tal-preskrizzjoni ta’ l-10 snin?
Il-buona fede tirrappreżenta dak l-istat ta’ animu tal-possessur, il-koxjenza u l-intima konvinzjoni tiegħu li l-ħaġa li jipposjedi hi tiegħu. Il-possessur għandu jkollu dik iċ-ċertezza; u jekk ikollu xi dubju, tkun teżisti fih l-inċertezza u konsegwentement tispiċċa il-buona fede fis-sens tal-liġi.
Għalhekk huwa possessur ta’ buona fede min, għal motiv verosimili, jemmen li l-ħaġa li jippossjedi hija tiegħu u li, invece, huwa possessur ta’ mala fidi min jaf jew, fiċ-ċirkostanzi, għandu jippreżumi li dik il-ħaġa m’hix tiegħu [Artikolu 531 tal-Kodiċi Ċivili].
Li l-buona fede hija presunta u l-malafede jinħtieġilha tiġi ppruvata minn min jallegaha [Artikolu 532 tal-Kodiċi Ċivili].
Issa, il- buona fede hija rikjesta mhux biss fil-mument tal-akkwist, imma matul iż-żmien kollu meħtieġ għal kompiment tal-preskrizzjoni. Għalhekk, l-eventwali mala fede tal-possessur preċedenti ma tippreġudikax lis-suċċessur tiegħu [Artikolu 2142 tal-Kodiċi Ċivili] u lanqas tiġġjovah fis-sens tas-subartikolu 2 ta’ l-istess artikolu.
Għalhekk il-buona fede hija presunta u tibqa’ teżisti sakemm ma ssirx prova kuntrarja.
Infatti l-Artikolu 532 tal-Kap. 16 jgħid hekk: “Għandu dejjem jingħadd li wieħed huwa bona fidi, u min jeċċepixxi l-mala fidi għandu jippruvaha.”
Jingħad ukoll li din il-fehma trid titqies minn kif iċ-ċirkostanzi kienu jidhru f’għajnejn il-persuna li teċċepixxi favuriha l-preskrizzjoni akkwiżittiva. Kull dubju f’persuna dwar il-pussess tagħha tal-ħaġa jitqies bħala nuqqas tal-bona fidi. Huwa neċessarju li l-bona fidi, flimkien mal-pussess tkun preżenti tul iż-żmien kollu li huwa meħtieġ għall-preskrizzjoni (Art 2141 tal-Kap. 16).
In-nuqqas ta’ bona fidi ta’ possessur preċedenti m’hijiex ta’ ħsara għas-suċċessur tiegħu, għalkemm iż-żmien tal-pussess b’mala fidi ma jiġix kalkolat maż-żmien meħtieġ għall-preskrizzjoni (Art. 2142(1)(2) tal-Kap. 16.)
Illi element iehor meħtieġ biex tiġi ppruvata l-preskrizzjoni ta’ l-għaxar snin huwa l-pussess. Dan irid ikun pussess għal għaxar snin u li ma jaqtax, bil-miftuħ, bla xkiel jew kundizzjonijiet minn ħaddieħor u, fuq kollox, irid ikun b’mod li l-pussessur jidher li qiegħed iżomm il-ħaġa b’tiegħu. Meta dan jiġi ppruvat il-possessur tal-fond jista’ jirreżisti t-talba ta’ min jallega li hu mhux propjetarju tal-fond billi jeċċepixxi l-preskrizzjoni deċennali.
Jista’ ko-proprjetarju jitlef id-dritt tal-pussess? Jista’ ko-proprjetarju jitlef il- pussess bir-regola tat-30 sena?
L-Artikolu 498 tal-Kodiċi Ċivili jgħid hekk:
“Il-qasma tista’ tintalab ukoll għad illi wieħed mill-komproprjetarji jkun gawda separatament biċċa mill-beni in komun, iżda dan kemm-il darba ma tkunx saret qasma jew ma jkunx hemm pussess biżżejjed li jagħti lok għall-preskrizzjoni."
Dan ifisser li f’sitwazzjoni li wħud ko-proprjetarju ikun ippossjeda l-fond komuni bħala tiegħu b’mod esklużiv u allura uti dominus b’esklużjoni tal-konsorti l-oħra, dawn tal-aħħar jiġu innegati minn kwalunkwe dritt ta’ komproprjetà li qatt kellhom.
B’hekk, Il-konsorti li jkun ipposjeda jiġi assigurat il-proprjetà tal-ħaġa kollha li kienet komuni fil-konfront tagħhom.
Fi kliem ieħor il-konsorti ma jistax jitlob id-diviżjoni tal-ħaġa komuni u jikkampa d-drittijiet ta’ proprjetà fuq dik il-ħaġa, meta jkun tilef dawk id-drittijiet minħabba l-preskrizzjoni maturata bil-pussess tal-konsorti l-ieħor.
Fil- każ ta’ kuntratt ta’ kera, x’inhi d-durata tal-preskrizzjoni għall-arretrati? X’inhi għad-danni?
Il- preskrizzjoni hi ta’ ħames snin taħt l-Art. 2156(ċ) tal-Kodiċi Ċivili għat-talba għall-arretrati ta’ kera.
Fil-fatt, l-Art. 2156(ċ) tal-Kodiċi Ċivili testwalment jipprovdi għall-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għal “azzjonijiet għall-ħlas ta’ kera ta’ bini jew raba’”.
Mill- banda l-oħra, l-obbligazzjoni tal-konvenut bħala kerrej illi jwieġeb għall-ħsarat li jsiru matul il-kirja hija obbligazzjoni kuntrattwali u jekk issir ħsara l-obbligazzjoni tiegħu li jagħmel tajjeb hija waħda ex contractu u mhux ex delicto. B’hekk il-preskrizzjoni f’dal- każ hi ta’ ħames snin ukoll.
Minn mindu jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni fil- każ ta’ evizzjoni wara li jinstab li l-paċifiku pussess ma kienx garantit?
Minn qari tal-provvedimenti mill-Artikolu 1409-1423 tal-Kodici Civili hu altru milli evidenti li l-jedd tal-azzjoni titwieled mill-evizzjoni. Tant hu hekk li l-preskrizzjoni biex xerrej jeżerċita din l-azzjoni hu ta’ sentejn “.....li jibdew jgħoddu minn dakinhar illi s-sentenza li biha x-xerrej ikun ġie kkundannat tgħaddi f’ġudikat.” Dan ifisser li meta jkun għadu mhux magħruf jekk il-kawża magħmula minn terzi hix sejra tintrebaħ jew tintilef, ma jistax jingħad li seħħet l-evizzjoni.
Fil-fatt, L-Art. 1409 tal-Kodiċi Ċivili jgħid illi l-bejjiegħ jagħmel tajjeb lix-xerrej “għall-evizzjoni li ttellfu l-ħaġa mibjugħa, kollha jew biċċa minnha”, u mhux meta jkun hemm biss theddida tat-telfien tal-ħaġa.
L-Art. 1423 ukoll, dwar preskrizzjoni, jgħid illi l-preskrizzjoni tibda tgħaddi “minn dakinhar illi s-sentenza li biha x-xerrej ikun gie kkundannat tgħaddi f’ġudikat”.
Jekk il- Planning Authority tordna li l-bini jaqa’, dik tfisser evizzjoni? Jista’ jintalab li jitħassar il- kuntratt?
Id-demolizzjoni tal-bini illegali mill-awtorita’ jew wara ordni tal-awtorita’, fih innifsu jikkwalifika bħala evizzjoni. F’dan il-kuntest hi rilevanti l-osservazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Appell fil-kawża Adam Galea et vs Tarcisio Calleja proprio et. nomine deċiża fil-25 ta’ Mejju 2001, fejn ġie osservat li meta bini jkun inbena bla permess, il-bejjiegħ ma jkunx jista’ jiggarantixxi l-paċifiku pussess. Fil-kawża Henry Cachia vs Emanuel Azzopardi et., 16 ta’ Mejju 2008, il-Qorti kkonfermat li kien hemm ksur tal-garanzija tal-paċifiku pussess ladarba l-fond kien mibni bla permess. F’dak il-każ il-Qorti kkonfermat li dan il-fatt kien jikkostitwixxi molestja u għalhekk kellu d-dritt li jitlob li jitħassar il-kuntratt.
Kemm għandek ċans biex tfittex lill-bejjiegħ jekk l-oġġett jinstab mhux tal-kwalita’ mftiehma?
L-Artikolu 1407(1) irid li l-azzjoni biex tfittex tintilef għeluq sentejn minn dakinhar tal-kuntratt, cioe’ fi żmien sentejn mill-konsenja ta’ l-oġġett mibjugħ u dan il-perjodu huwa wieħed ta’ dekadenza. Wieħed irid iżomm f’ moħħu li n- nuqqas ta' kwalita' trid tkun sostanzjali u li tkun ġiet espliċitament imwiegħda mill-bejjiegħ lix-xerrej.
l-Art.1407(1) tal-Kap.16 jaqra hekk: “L-azzjoni li tmiss lill-bejjiegħ għaż-żjieda tal-prezz, u dik li tmiss lix-xerrej għat-tnaqqis tal-prezz jew biex jerġa’ lura mill-kuntratt, tintilef egħluq sentejn minn dakinhar tal-kuntratt.”
Meta jkun hemm vjolenza, żball jew egħmil doluż wara kuntratt, kemm għandu ċans dak li jkun biex ifittex? Min irid iġib il-prova?
Meta l-liġi f’xi każ partikolari ma tistabbilixxix żmien iqsar, l-azzjoni għar-rexxissjoni minħabba vjolenza, żball, egħmil doluż, stat ta’ interdizzjoni, jew nuqqas ta’ età, taqa’ bil-preskrizzjoni egħluq sentejn.
Dan jgħodd ukoll għar-rexxissjoni ta’ obbligazzjonijiet mingħajr kawża, jew magħmulin fuq kawża falza.
L-Artikolu 1223(1) jgħid hekk:
“Iż-żmien tal-preskrizzjoni hawn fuq imsemmi jgħodd biss, fil-każ ta’ vjolenza, minn dakinhar li l-vjolenza tispiċċa, u fil-każ ta’ żball, ta’ egħmil doluż, jew ta’ kawża falza, minn dakinhar li jinkixef id-difett.”
Importanti pero jiġi mfakkar li l-Artikolu 1222 tal-Kodiċi Ċivili tirrigwarda l-preskrizzjoni relatata mal-azzjoni tan-nullita' u ta' rexissjoni biex jiġi annullat kuntratt li jkun nieqes minn xi waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżistenza tiegħu jew għaliex ikollu xi vizzju li jirrendih invalidu jew leżiv għal xi wieħed mill-kontraenti.
Għalhekk l-Artikolu 1222 tal-Kodiċi Ċivili tirrigwarda l-preskrizzjoni relatata mal-azzjoni tan-nullita' u ta' rexissjoni biex jiġi annullat kuntratt li jkun nieqes minn xi waġda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżistenza tiegħu jew għaliex ikollu xi vizzju li jirrendih invalidu jew leżiv għal xi wieħed mill-kontraenti. Għalhekk, huwa imperattiv, la darba ġie stabbilit li l-preskrizzjoni applikabbli hija dik ta’ sentejn, li jibdew jgħoddu minn meta jinkixef l-iżball jew egħmil doluż.
Illi filfatt, gie ritenut fil-kaz Maria Zammit vs Lawrence James Cappello et. deċiża mill-Qorti tal-Appell fid-19 ta’ Novembru 1962, li: “Il-preskrizzjoni bjennali tal-azzjoni tar-rexissjoni ta’ kuntratt minħabba vjolenza, żball, egħmil doluż, stat ta’ mara miżżewġa, interdizzjoni jew nuqqas ta’ eta` u obbligazzjonijiet mingħajr kawża jew b’kawża falza, tibda tiddekorri fil-każ ta’ żball, għemil doluż u kawża falza, mill jum li fih jinkixef id-difett."
Iżda huwa nteressanti li din l-istess preskrizzjoni pero' mhix applikabbli fil-każijiet ta’ nullita' radikali għax in-nullita' radikali tirrendi l-obligazzjoni ineżistenti, filwaqt illi fil-każijiet l-oħra fuq imsemmija hu presuppost li l-obbligazzjoni teżisti.
Rigward il-provi meħtieġa biex isostnu l-preskrizzjoni, dawn jinkombu fuq min jeċċepixxi l-preskrizzjoni.
Il-liġi tal-preskrizzjoni tagħmel differenza bejn bennej u kuntrattur ta’ bini?
Skont l- Artikolu 2148 tal- Kap. 16, l-azzjonijiet hawn taħt imsemmija jaqgħu bi preskrizzjoni bl-għeluq ta’ tmintax -il xahar:
“(a) l-azzjonijiet tal-ħajjata, skrapar, mastrudaxxi, bennejja, bajjada, ħaddieda, arġentieri, arluġġara u ta’ persuni oħra li jaħdmu sengħa jew arti mekkanika, għallprezz tal-opri jew tax-xogħlijiet tagħhom, jew tal-materjal li jfornu.”
Mill- banda l-oħra, l-Artikolu 2149(a) jipprovdi li l-azzjonijiet tal-kuntratturi ta’ bini jew ta’ xogħolijiet oħra ta’ njam, jew materjal ieħor għall-opri maħdumin minnhom jew għall-materjal li jfornu jaqgħu bi preskrizzjoni ta’ l-għeluq ta’ sentejn.
Jiddependi allura ħafna mill-aġir u l-intenzjoni tal-partijiet u jekk l-intenzjoni kienetx waħda di dare, l-kuntratt għandu jitqies bħala bejgħ waqt li jekk l-intenzjoni kienet di fare, japplikaw il-prinċipji ta’ l-appalt.
Minn mindu tibda tiddekorri l- preskrizzjoni?
L-Artikolu 2137 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi illi:-
“Bla ħsara tad- disposizzjonijiet oħra tal-liġi, il-preskrizzjoni ta’ azzjoni tibda minn dakinhar li dik l-azzjoni tista’ tiġi eżerċitata mingħajr ma jittieħed qies ta’ l-istat u tal-kundizzjoni tal-persuna li lilha din l-azzjoni tmiss.”
It-test li trid il-liġi allura kien dak oġġettiv, dipendenti mill-fatti li minnhom joriġina d-dritt ta’ l-attur li jaġixxi, mhux it-test soġġettiv għall-persuna ta’ l-attur, u cioe’ jekk din kienetx jew le f’kundizzjoni li taġixxi.
Fil-kawza fl-ismijiet “Joseph Vella et - vs Emanuele Bonello” deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fl-14 ta’ Lulju, 1971, (per Onor. Imhallef M. Caruana Curran) ingħad hekk:
“Illi fil-fehma tal-Qorti, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġurnata li fiha tkun ġrat il-ħtija allegata, cioe` mid-data ta’ l-esekuzzjoni tax-xogħolijiet mill-mandatarju, u mhux minn dik li fiha ssir taf bil-ħtija l-parti danneġġjata. Ta’ bilħaqq li kieku ma kienx hekk l-esekutur ta’ appalt jibqa’ obbligat għall-eternita'…”
Għal kemm snin jibqa’ repsonsabbli il-perit?
Il-perijodu preskrittiv tar-responsabblita` tal-periti u tal-kuntratturi għar-rovina tal-bini għal 15-il sena. Din hi preskrizzjoni speċjali, jew aħjar, perjodu speċjali ta’ limitazjoni tar-responsabilita', intiż biex ikun itwal mill-perijodu preskrittiv ġenerali ta’ ħames snin għad-danni kontrattwali.
Teżisti preskrizzjoni fil- każ ta’ bejgħ ta’ proprjeta’ immobli?
L- Artikolu 2140 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi dan :-
“Kull min b’bona fidi u b’titolu tajjeb biex jittrasferixxi l-proprjetà, jipposjedi ħaġa mmobbli għal żmien ta’ għaxar snin, jakkwista l-proprjetà tagħha.”
Għaldaqstant, l-istess Artikolu ikompli jgħid:
“Jekk it-titolu jkun ġej minn att li, skont il-liġi, għandu jkun inskritt fir-Reġistru Pubbliku, iż-żmien meħtieġ għall- preskrizzjoni ma jibdiex miexi ħlief mill-jum tal-iskrizzjoni ta’ dak l-att.”