Jista’ wieħed jitlob li l-wirt jiġi likwidat qabel ma jkun iddeċieda jekk aċċettax il-wirt?
Sabiex tkun tista’ tintalab il-likwidazzjoni ta’ wirt, jeħtieġ li dak li jkun ikun werriet jew tal-anqas leġittimarju.
Għalhekk min ma jkunx għadu ddelibera jekk aċċettax l-eredita` jew ma aċċettahiex, u minflok jieħu l-leġittima, ma jistax jippromwovi kawża għal-likwidazzjoni tal-wirt, għaliex f’din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza ma’ jistax jiġi kkunsidrat la bħala werriet u lanqas bħala leġittimarju (ara f’dan is-sens dak li korrettement ġie ritenut mill-Qorti ta’ l-Appell fil-kawża Mary Ellul v. Joseph Coleiro et, deċiża fis-6 ta’ April 1959).
Jista’ leġittimarju jitlob għal-leġittima qabel jirrinunzja għall-wirt?
Għal dak li għandu x’jaqsam mal-leġittimarju, dan ma jistax jippromwovi kawża u jitlob għal-leġittima qabel ma jkun irrinunzja għall-wirt b’mod espress, kif jiddisponi l-Artikolu 860 tal-Kodiċi Ċivili.
X’jiġri meta l-mejjet iħalli legati li l-valur tagħhom jeċċedi l-leġittima?
Meta d-decujus fl-għoti tal-legati jeċċedi l-kwota disponibbli, il-werrieta jistgħu jissalvagwardaw il-posizzjoni tagħhom billi jirrinunzjaw għall-wirt bir-riżerva tad-dritt tal-leġittima u jagħmlu talba fi żmien għaxar snin mill-ftuħ tas-suċċessjoni sabiex kull sehem minn dak il-legat li jeċċedi l-parti disponibbli mit-testatur ai termini ta’ l-Artikolu 614 tal- Kodiċi Ċivili, jiġi mnaqqas sabiex tiġi salvagwardata l-leġittima (ara f’dan is-sens dak li ġie ritenut mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kawża Teresa Borg v. Caremlo Borg deċiża fit-2 ta’ Ottubru 2002).
Jekk persuna jaf li jkun werriet, ifisser awtomatikament li aċċetta l-wirt?
Il-fatt li persuna kien jaf li hu werriet, ma jfissirx li hu aċċetta li jkun werriet, u jekk, bħala fatt, jirrinunzja għall-wirt qabel ma jkun aċċetta (espressament jew taċitament tramite atto di eredita’), allura ma jitqiesx werriet, u jitqies, anzi, bħal li kieku qatt ma kien werriet.
Fil-każ seminali “Camilleri vs Aquilina et”, deċiż fit-13 ta’ Ottubru, 1983, intqal li “l-aċċettazzjoni tkun espressa meta l-wirt ikun aċċettat f’kuntratt pubbliku jew skrittura privata, u tkun taċita meta l-eredi jagħmel att li neċessarjament timplika r-rieda tiegħu li jaċċetta l-wirt, u li ma jkunx intitolat li jagħmel ħlief fil-kapacita’ tiegħu ta’ eredi. Il-ġurisprudenza hi fis-sens li l-att irid ikun tali li ċertament, neċessarjament u univokament, minnu ma tkunx tista’ tiġi nferita konsegwenza oħra ħlief dik li min għamlu ried jaċċetta l-eredita’’ (ara Vol. XLVI.1.214).
Hemm xi perijodu sakemm wieħed jista’ jirrinunzja għall-wirt?
L-Artikolu 869 tal-Kodiċi Ċivili, jgħid li r-rinunzja għall-wirt ma tistax issir aktar minn tlett xhur wara l-ftuħ tas-suċċessjoni, f’każ biss li dawk il-werrieta “jkollhom fil-fatt il-pussess tal-ħwejjeġ tal-wirt”, u allura jekk il-werrieta ma jkollhomx pussess tal-ħwejjeġ tal-wirt u ma jagħmlux atto di eredita’, huma jistgħu, f’kull żmien jirrinunzjaw għall-wirt.
X’jiġri meta jkun allegat li l-werriet ‘qabeż’ is-sehem tal-leġittima?
Meta werriet jaqbeż is-sehem li seta’ jiddisponi minnu, hemm leżjoni tal-leġittima.
Quddiem din l-allegazzjoni, il-Qorti għandha tistħarreġ dan:
• Jiġi kkunsidrat jekk tħalliex legat u jrid jiġi kkunsidrat ukoll dak riċevut mingħand it-testatur inter vivos li hu suġġett għall-kollazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk is-sehem riservat tħallasx;
• Fejn dak li ddispona minnu t-testatur jaqbeż is-sehem disponibbli, irid isir l-eżerċizzju magħruf ta' riduzzjoni ai termini tal-Artikolu 650-653 tal-Kap 16;
• Fejn it-testatur ma jkunx qabeż dak is-sehem, il-legati ma jintmissux. Hekk l-Artikolu 651 tal-Kap 16 jipprovdi:
“Kemm -il darba d-dispożizzjonijiet b’testment ikunu jaqbżu s-sehem li minnu seta’ jagħmel it-testatur, jew il-biċċa ta’ dan is-sehem li tibqa’ wara li jinqata l-valur tad-donazzjonijiet, it-tnaqqis isir pro rata, mingħajr ebda għazla bejn werrieta u legatarji.”
Interessanti wkoll dak li qalet il-Qorti ta’ l-Appell fil-kawża L-Avukat Chris Said noe vs Mary Abela pro et noe dwar dan is-suġġett:
“(i) illi d-dritt assolut tad-disposizzjoni tal-proprjeta` huwa limitat mill-fakolta` ta’ xi disposizzjoni b’titolu gratuwitu, meta d-disponenti jkun ħalla superstiti cert parenti. F’dan is-sens il-kapaċita` tal-bniedem li jiddisponi b’testment mhix illimitata, l-għaliex id-decujus ma jistax jiddisponi qabel ma jkun ġie nieqes mill-beni tiegħu kollha, iżda minn parti minnhom biss. Fi kliem ieħor, apparti l-limitazzjoni dwar ċerti persuni, il-kapacita' u l-fakolta tad-dispozizzjoni permezz ta’ attijiet ta’ l-aħħar volonta` hija wkoll limitata għall-kwantita` tal-beni.
(ii) Il-leġittima hija sehem mill-beni tal-mejjet (Art. 615 tal-Kodiċi Ċivili); “Il-leġittimarju ma hux eredi; imma lanqas huwa kreditur ta’ l-eredita`; huwa biss għandu porzjoni mill-beni li ħalla d-decujus li hija riservata lilu mil-liġi.” (Carmela Farrugia noe et vs Concetta Mintoff et deċiża mill-Qorti tal-Appell fl-10 ta’ Gunju 1949 - Vol.XXXIII.472);
(iv) għall-finijiet ta’ kalkolu tas-sehem riservat, ‘si calcola sull intero patrimonio, compresavi ogni specie di largizione gratuita, colla sola deduzione dei debiti e delle spese funerarie’ (Vol.IX pg.297).
(v) Ġaladarba għalhekk “skont il-liġi tagħna l-leġittima hija biss kwota mill-beni li jħalli d-decujus, dan allura, kif gja ingħad jista’ jiddisponi kif irid mill-beni tiegħu, mingħajr distinzjoni tal-ispeċji tagħhom, imma biss bil-limitazzjoni tal-kwantita`. Jiġifieri sakemm id-decujus ma jeċċedix il-kwota disponibbli tal-beni tiegħu u ma jilledix il-leġittima, huwa jista’ jagħmel li jrid bil-kwota disponibbli, u mhux obbligat iħalli lil-leġittimarju determinati speċi ta’ beni………. Konsegwentement, meta d-decujus iħalli xi legat jew jagħmel xi donazzjoni, il-leġittimarju ma jistax jinjora dak il-legat u jitlob li parti mill-beni li jikkomponu dak il-legat tiġi mdaħħla fil-leġittima u tiġi assenjata lilu. Dak il-legat jew dik id-donazzjoni għandhom jiġu meħuda in kunsiderazzjoni biss għall-fini tal-kalkolu tal-leġittima, u jkun hemm lok għal riduzzjoni tagħhom f’każ li din tiġi leża.””
X’inhu id-dritt għal-leġittima (illum, porzjon riservat)? Kif għandu wieħed jasal għall-komputazzjoni tal-leġittima?
Id-dritt għal-leġittima (llum magħruf bħala s-sehem riservat) ai termini tal-Artikolu 615 tal-Kap 16, huwa dak il-jedd fuq il-beni tal-mejjet riservat mil-liġi favur id-dixxendenti tal-mejjet.
L-Artikolu 616 imbagħad jgħid hekk:
“(1) Is-sehem riżervat li jmiss lit-tfal kollha, kemm jekk imnissla jew imwielda matul iż-żwieġ jew imnissla jew imwielda barra miż-żwieġ jew adottati, għandu jkun terz tal-valur tal-beni jekk dawk it-tfal ma jkunux iżjed minn erba’ fl-għadd jew nofs ta’ dak il-valur jekk ikunu ħamsa jew iżjed.
(2) Is-sehem riżervat jinqasam f’ishma daqsinsew bejn it-tfal li jmisshom minnu.
(3) Jekk ma jkunx hemm ħlief tifel wieħed, dan jieħu waħdu t-terza parti kollha hawn qabel imsemmija."
Issa, biex wieħed jasal għall-komputazzjoni tal-leġittima jeħtieġ jiġi mfakkar li l-liġi taqsam il-ġid tad-decujus fi tnejn, dik disponibbli u dik li m’hijiex. Il-parti m’hix disponibbli tiġi kalkolata a bażi tal-Artikolu 616 et sequitur tal-Kap 16. Għalhekk, biex tiġi komputata l-leġittima, iridu jiżdiedu ma’ l-assi eżistenti fil-mument tal-mewt, id-donazzjonijiet li jkunu saru mit-testatur inter vivos.
Skont il-liġi, dak kollu li jiġi donat fil-ħajja irid jingħadd mal-assi ereditarji, ai fini tal-komputazzjoni tas-sehem riservat. L-eżerċizzju segwenti għalhekk irid isir sabiex wieħed jasal għall-komputazzjoni tas-sehem riservat:
• Il-formazzjoni tal-massa ereditarja fiż-żmien tal-apertura tas-suċċessjoni.
• It-tnaqqis tad-dejn.
• Ir-rijunjoni fittizja ta' donazzjonijiet mal-patrimonju nett.
In oltre iridu jiġu kkunsidrati żewġ punti oħra ta’ natura legali, u cjoe`, jekk il-leġittima għandhiex titqies fuq il-valur tal-patrimonju tad-decujus filwaqt ta’ mewtu, jew aħjar fiż-żmien tal-ftuħ tas-suċċessjoni, jew inkella l-leġittima għandhiex titqies fuq il-valur taż-żmien tal-likwidazzjoni tal-leġittima nnifisha; u jekk il-leġittima għandhiex titħallas in natura jew inkella fi flus.
Illi l-prinċipji gwida ġew riassunti mill-Qorti tal-Appell fil-kawża fl-ismijiet Emilia Maria sive Mollie Mifsud vs Eleonore sive Nellie Mizzi et, deċiża fl-14 ta’ Diċembru 1973. F’dik il-kawża, l-Qorti kkunsidrat li:
“…in sustanza, l-kontestazzjoni hija impernjata fuq il-valur tal-beni fil-mument tal-apertura tas-suċċessjoni tal-awtriċi komuni, u mhux fuq il-valur taż-żmien li fih issir il-likwidazzjoni tal-leġittima.”…… “f’materja ta’ natura ta’ likwidazzjoni u mod ta’ pagament ta’ leġittima invero giusta la legge patria la legittima e` solo una porzione dei beni del defunto, e non gia parte di un eredita`."
Din il-konsiderazzjoni hija essenzjali għaliex kif ġie ben spjegat fis-sentenza fuq riferita, il-Qorti ddistingwiet bejn dawk il-każijiet fejn l-istima tal-beni komponenti l-leġittima għandhom isiru skont il-valur tagħhom fl-epoka tal-apertura tas-suċċessjoni, u dawk il-każijiet fejn l-istima ssir fil-mument meta tintalab il-likwidazzjoni.
L-ewwel ipoteżi għandu japplika fejn id-diviżjoni ssir bis-saħħa tat-testment fejn id-decujus ikun ħalla li l-leġittima tiġi stabbilita fuq ċerti u determinanti beni. “Għalhekk mhux il-każ li jistgħu japplikaw għal dik il-parti tal-assi hekk segregati, il-prinċipji tal-komunjoni tal-beni.” Fejn dan mhux il-każ, “il-kwota tal-beni spettanti l-leġittimarju tibqa’ konfuża fl-indiviżabilita` tagħha tal-patrimonju tal-eredi u ssir ċerta u determinata biss (enfasi ta’ din il-Qorti) fil-mument tal-likwidazzjoni u assenjazzjoni tagħha.” F’tali każ japplikaw il-prinċipji li jirregolaw il-komunjoni tal-beni, inkluż sehem mill-frutti tal-beni li jikkomponu l-leġittima mill-apertura tas-suċċessjoni (Kollez. XXXIV.II.568), jew is-sehem mill-prezz tas-suq li l-fond iġib f’liċitazzjoni fejn il-wirt jikkonsisti f’fond uniku, skont il-valur prevalenti fiż-żmien tal-bejgħ, (Ara ed ez. Giuseppe Sammut vs Grazia Refalo et - App. Civ. deċiż fit-30 ta’ Gunju 1954 – Kollez. XXXVIII.II.511).
F’dawn iċ-ċirkostanzi, “il-kwota spettanti lil-leġittimarju m’għandhiex tiġi stmata skont il-valur tagġha fl-epoka tal-apertura tas-suċċessjoni….sakemm il-leġittimarju jibqa’ in komuni fil-beni ereditarju mal-eredi m’għandux isofri disparita' ta’ trattament għal dak li jirrigwarda l-valur tal-beni in komun…”.
Għalhekk, il-Qorti tal-Appell fil-kaz Mifsud vs Mizzi et, fuq ċitat in extenso kkonkludiet li “l-patrimonju ereditarju sakemm ma tiġix segregata l-leġittima, huwa uniku u inseparabbli mill-beni li jofformaw il-leġittima għaliex il-kunċett unitarju jifforma l-isem ġuridiku tal-eredita`…u l-istima tal-beni formanti parti mill-porzjon spettanti lill-attriċi bħala leġittima għandha ssir skont il-valur tagħhom fis-suq tal-lum, u mhux dak prevalenti fl-epoka tal-apertura tas-suċċessjoni.”
F’din l-istess sentenza ta’ Mifsud v Mizzi, ingħad allura li jekk il-leġittima ma ġietx sodisfatta id-dritt tal-leġittimarju, fid-dritt ta’ kreditu ta’ flus, għandu jkun referit għaż-żmien tal-konverżjoni, u cjoe` ż-żmien l-aktar qrib possibbli għall-pronunzja ġudizzjali, tenut kont ta’ xi sopravenuta żvalutazzjoni monetarja. Dan hu bħala l-eċċezzjoni għar-regola li għar-rikostruzzjoni tal-patrimonju tal-mejjet wieħed bilfors irid jirraporta ruħu għall-valuri fi żmien tal-apertura tas-suċċessjoni. F’dan l-istess każ Mifsud vs Mizzi et, ġie ribadit li l-valur tal-leġittima bħala parti mill-ġid tal-mejjet trid tinħadem fuq il-valur tal-wirt kollu konsiderati l-assi u wara li jitnaqqsu l-ispejjeż.
Issir ukoll referenza għas-sentenza fl-ismijiet Mary Anne Zammit et vs Antonia u Bernarda ahwa Ellul mogħtija mill-Onorabbli Qorti tal-Appell fit-28 ta’ Jannar 2005 fejn ġie segwit dak li ngħad fis-sentenzi sureferiti: -
“…..għall-finijiet tal-operazzjoni preliminari ta’ kompitu li hi r-riunjoni fittizja ta’ l-assi ereditarji in kwantu diretta għar-rikostruzzjoni tal-patrimonju kollu tad-decujus (li l-liġi tikkonsidra bħala terminu ta’ referiment għad-determinazzjoni tal-kwota disponibbli u b’rifless ta’ dik indisponibbli, anke biex talvolta – dik li tidher kwistjoni ċentrali f’dan il-każ – tiġi affermata jew eskluża l-eżistenza tal-leżjoni tal-leġittima) bilfors wieħed irid jirraporta ruħu għall-valuri fiż-żmien ta’ l-apertura tas-suċċessjoni tenut kont naturalment f’dan ir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi relattivi għall-kollazzjoni……” (enfasi ta’ dik il-Qorti)…..”. Fl-istess sentenza, dik il-Qorti iżda kompliet hekk:
“Dan il-prinċipju jeżawrixxi ruħu fil-fissazzjoni tal-kriterju li għandu jiġi segwit għall-kalkolu tal-valur ta’ l-assi u tal-kwota leġittima; iżda jekk il-leġittima ma ġietx sodisfatta u trattandosi ta’ beni in natura (mhux flus), ikkonvertiet ruħha, fil-każijiet fejn dan hu konsentit mil-liġi, fi dritt ta’ kreditu ta’ flus, id-dritt tal-leġittimarju għandu bħala oġġett ‘un bene reale’ u l-‘aestimatio rei’ għandha tkun riferita għaż-żmien tal-konverżjoni, cioe` ż-żmien l-aktar qrib possibli għall-pronunzja ġudizzjali u tenut kont għalhekk ta’ xi sopravenuta żvalutazzjoni monetarja.”
Illi fil-fatt, fil-każ Dr. Chris Said noe vs Mary Abela, deċiża mill-Qorti tal-Appell fit-28 ta’ Mejju 2010, ingħad li jekk jirriżulta li l-leġittima ma tistax tiġi sodisfatta u allura tikkonverti ruħha fi dritt ta’ kreditu ta’ flus, il-valuri li jridu jittieħdu sabiex tinħadem il-leġittima għandhom ikunu dawk l-iktar viċin tas-sentenza. (L-istess prinċipju ġie ribadit fil-każ Mary Anne Zammit et vs Antonia Ellul et deċiża mill-Qorti tal-Appell fit-28 ta’ Jannar 2005 u Salvatore Cutajar et noe vs Maria Dolores Cutajar et noe deċiża mill-Qorti tal-Appell fis-26 ta’ Ġunju 2009.)
Tajjeb naraw ukoll x’ġara bl-emendi introdotti bl-Att XVIII tal-2004.
Essenzjalment, il-liġi kif emendata tagħmilha ċara li d-dritt għall-porzjon riservat huwa kreditu kontra l-eredita`. Kif se jiġi spjegat hawn isfel, wieħed jista’ jitlob kreditu u anke imgħaxijiet jekk il-kawża tiġi ippreżentata entro t-terminu ta’ sentejn mid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni.
Fi kliem ieħor, permezz ta’ l-Att XVIII ta’ 2004, sar tibdil radikali fir-rigward tal-leġittima, li issa tissejjaħ porzjoni riżervata, fis-sens li d-dritt hu kreditu tal-valur tal-porzjon riservat fil-konfront tal-eredita`. B’hekk, tneħħa l-kunċett tas-sehem tal-beni tal-mejjet.
In oltre`, mid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni, imgħax bir-rata legali jiddekorri fuq il-kreditu jekk il-porzjon riservat hu miltub fi żmien sentejn mid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni jew mid-data tan-notifika ta’ ittra uffiċjali jekk it-talba ssir wara l-imsemmija sentejn. Skont id-disposizzjoni transitorja fl-Att XVIII, dawn l-emendi japplikaw għal suċċessjonijiet li jseħħu wara li l-provvedimenti relattivi jidħlu fis-seħħ (l-1 ta’ Marzu tas-sena 2005).
Difatti, L-Artikolu 615 tal-Kap 16 kif emendat jistipula:
(1) “Is-sehem riservat huwa l-jedd fuq il-beni tal-mejjet riżervat mil-liġi favur id-dixxendenti tal-mejjet u min mill-mara jew ir-raġel jibqa’ ħaj.”
(2) “L-imsemmi jedd huwa kreditu tal-valur tas-sehem riservat kontra l-beni tal-mejjet. Imgħaxijiet bir-rata stabbilita fl-artikolu 1139 għandhom jiġu miżjuda ma’ dak il-kreditu mid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni jekk is-sehem riservat jintalab fi żmien sentejn minn dik id-data, jew mid-data tan-notifika ta’ att ġudizzjarju jekk it-talba ssir wara li jkun għadda dak il-perjodu ta’ sentejn; iżda l-Qorti tista’ fejn iċ-ċirkostanzi tal-każ hekk jeħtieġu, tiddeċiedi li ma jingħatax imgħax jew tistabbilixxi rata ta’ imgħax li tista’ tkun inqas minn dik stipulat fl-artikolu 1139.”
Ikkonsidrat li għal żmien twil, il-liġi kienet tqis is-sehem riservat bħala parti mill-ġid tal-mejjet (Quota bonorum) u mhux bħala sehem mill-wirt tiegħu (hereditatis portio) u għalhekk il-leġittimarju ma kienx sempliċi kreditur tal-wirt u lanqas ma kien mistenni li jagħmel tajjeb għad-djun tiegħu (għalkemm l-ammont ta’ djun tal-wirt iħallu effett fuq is-sehem tal-leġittima li l-leġittimarju jkollu jedd jirċievi). Il-leġittimarju, għalhekk, ma jitlifx il-jedd għal-leġittima jekk kemm -il darba jirrinunzja għall-wirt, u ma jistax jippretendi dak li jmissu b’leġittima qabel ma jkun irrinunzja għall-wirt. (Ara Debono vs Licari et P.A. deċiża fis-16 ta’ Diċembru 1954 (Kollez. Vol. XXXVIII.ii.620). Il-leġittimarju jrid jitlob il-leġittima mingħand min ikun inħatar werriet, u għandu l-jedd jistenna li l-ġid li minnu jingħata s-sehem riservat tiegħu ikun għadu fl-istat kif kien jinsab fil-waqt tal-mewt tad-decujus. (Ara Farrugia noe et vs Mintoff noe et App. Civ. deċiż fl-10 ta’ Ġunju 1949 Kollez. Vol. XXXIII.i.472).
Illi minn dan kien isegwi li idealment il-leġittima trid tingħata in-natura, jiġifieri tkun magħmula minn fost il-ħwejjeġ mill-ġid tal-mejjet li jew jkunu għadhom jagħmlu parti mill-assi tiegħu mal-mewt, jew ikunu ddaħħlu lura fil-wirt jekk il-mejjet ikun matul ħajtu iddispona b’liberalita` minn iżjed minn dak li tagħtih il-liġi.
Jista’ l-perijodu biex wieħed jipparteċipa f’wirt jiġi preskritt?
L-Artikolu 845 (1) tal-Kap 16 jipprovdi li:
“L-azzjoni biex jintalab wirt, jew legat, jew is-sehem riservat, sew fis-suċċessjonijiet b’testment kemm ukoll f’dawk ab intestato, tispiċċa bl-egħluq ta’ għaxar snin mill-ftuħ tas-suċċessjoni.”
Tajjeb jingħad pero li preskrizzjoni taħt l-Artikolu 845 tal-Kap 16 tibda tiddekorri biss mid-data li jittieħed pussess esklussiv. ll-pussess eżistenti ma jridx ikun wieħed prekarju. In oltre, il-prova ta’ dan il-pussess bħala wieħed mill-elementi indispensabbli tal-preskrizzjoni akwiżittiva, tinkombi lil min jinvoka l-preskrizzjoni.
Per eżempju, fil-każ Borg vs Zammit, Appell Ċivili deċiż fit-28 ta’ Marzu 1995, intqal, li ż-żmien maħsub fl-imsemmi Artikolu 845 ġie mfisser bħala wieħed preskrittiv u mhux ta’ dekadenza, u għandu minn żmien ta’ preskrizzjoni akwiżittiva. (Ara wkoll Ellul John vs Maria Parnis et, P.A. deċiża fl-14 ta’ Jannar 2014).
Fil-fatt, fil-każ Stella Briffa et vs Caterina Scicluna et deċiża mill-Qorti tal-Appell fid-29 ta’ Jannar 1954, ingħad li:
“Il-preskrizzjoni deċennali li tolqot l-azzjoni magħrufa bħala ‘petitio hereditatis’ biex jintalab wirt jew legat, jew sehem tal-beni li l-liġi tagħti lit-tfal jew lill-konjugi, tant fis-suċċessjoni testata, kemm f’dik intestata hija preskrizzjoni akwiżittiva……"
“Għaldaqstant, barra mill-element passiv taż-żmien, hemm bżonn li jiġi ppruvat ukoll l-element attiv tal-pussess. U dan il-pussess irid ikun mhux sempliċement kawżali, iżda jrid ikun pussess formali, jiġifieri kapaċi li jiġġenera u jikkostitwixxi d-dritt tal-proprjeta`, konsegwentement dak il-pussess għandu jkun reali, u mhux biżżejjed il-pussess “di diritto”……"
“Il-pussess tal-użurpatur irid ikun għalhekk, kontinwu, mhux interrott, paċifiku, pubbliku u mhux ekwivoku, għaż-żmien kollu li tgħid il-liġi, kif ukoll “animo domini”. Dan il-pussess għandu jiġi ppruvat b’mod infranġibbli, tant għar-rigward tal-fatt tal-pussess fih innifsu, kemm ukoll tal-kwalitajiet jew karattri li jrid ikollu l-pussess, u din il-prova tinkombi lil min jallega l-preskrizzjoni.”
F’dan il-kuntest, ta’ min isemmi wkoll il-kawża Joe D’Amico et vs David D’Amico, P.A. (1254/02 JA) deċiża fil-5 ta’ Diċembru 2003, saret referenza għall-każ Alberto Grixti vs Angela sive Giulia Ellul, deċiża mill-Qorti tal-Appell fil-15 ta’ Diċembru 1939 fejn ġie trattat is-suġġett tal-preskrizzjoni deċennali b’mod estensiv:
“Hu indubitat li l-preskrizzjoni …..fuq imsemmija hija fin-natura tagħha akwiżittiva għaliex minħabba dak iż-żmien, il-possessur tal-eredita` jew tal-legat ikun akkwista d-dritt fuq l-eredita` jew fuq il-ħwejjeġ li jikkonponu l-legat u għalhekk ikun jista’ jirrespinġi d-dritt ta’ min jiġi ‘l quddiem li għal dan id-dispożizzjoni għandha natura estintiva.”
“Għalhekk dan il-pussessur kellu jipposjedi b’pussess tajjeb li jista’ jippreskrivi u skont l-artikolu (dak iż-żmien 1882- illum 2118) mhux tajjeb għal dan il-fini l-pussess tal-użufruttwarju, għaliex dan ikun qiegħed jipposjedi mhux animo domini iżda sempliċement għall-fini li jgawdi l-ħaġa, jieħu l-frutti waqt il-ħajja tiegħu iżda n-nuda proprjeta` tibqa’ għand ħaddieħor. Infatti, l-fondament ta’ kull preskrizzjoni akwiżittiva huwa dak li tevita l-kontestazzjonijiet peress li kull min ikun jipposjedi jkun mhux b’titolu prekarju kif inhu deskritt fl-artikolu msemmi) iżda titolu propietatis et domini, jibqa’ jżomm din il-ħaġa in bona sew in malafede, pero` dejjem bl-animu li qiegħed jipposjedi titolu propietatis u għalhekk qed jagħmel att ta’ dominju. Jekk dak l-istat ta’ affarijiet baqa’ jseħħ għaż-żmien li trid il-liġi u l-veru proprjetarju ma ġiex ‘il quddiem, allura tkun operat ruħha l-usucapione favur dak il-possessur. Dawk pero` li jkunu qegħdin jipposjedu prekarjament, bħala użufruttwarji ikun evidenti li huma qegħdin iżommu l-ħaġa għan-nom ta’ ħaddieħor u għall-fini ta’ dritt prekarju tagħhom; għalhekk, l-artikolu 1885 (illum 2121) jgħid illi: No one can prescribe against his own title, in the sense that he cannot change in regard to himself the cause for which he holds the thing.”
Tista’ rinunzja tal-wirt tkun preżunta?
Fir-rigward ta’ rinunzja għall-wirt, l-Artikolu 860(1) tal-Kap 16 jipprovdi ċar li r-rinunzja għall-wirt ma tistax tkun preżunta.
Jista’ wieħed jirrinunzja għall-wirt?
Per eżempju, fil- każ fl-ismijiet Joseph Gauci et vs Jane Galea et P.A. deċiża fit-3 ta’ April 2003 intqal: “…u allura jekk il-werrieta ma jkollhomx pussess tal-ħwejjeġ tal-wirt u ma jagħmlux atto di eredita`, huma jistgħu, f’kull żmien jirrinunzjaw għall-wirt. Dwar l-istess suġġett, l-Onorabbli Qorti tal-Appell, f’każ Borg noe vs Camilleri et, deċiża fit-2 ta’ Novembru 1995, qalet illi sakemm werriet ma jagħmel ebda atto di eredita`, jista’ jirrinunzja u jitqies bħal li kieku qatt ma kien werriet.”
Jista’ wieħed jirrinunzja għall-wirt b’riserva għas-sehem riżervat?
Iva. Jista’ wieħed jppreżenta l-atti fis-Sekond’ Awla, fejn irrinunzja għall-wirt bir-riserva għas-“sehem riservat”.
L-aċċettazzjoni tal-wirt trid tkun neċessarjament espressa b' kuntratt pubbliku?
L-aċċettazzjoni tal-wirt tista’ tkun espressa jew taċita. Kif qalet il-Qorti fil-kawża Camilleri vs Aquilina et, deċiża fit-13 ta’ Ottubru, 1983, l-aċċettazzjoni tkun espressa meta l-wirt ikun aċċettat f’kuntratt pubbliku jew skrittura privata, u tkun taċita meta l-eredi jagħmel att li neċessarjament timplika r-rieda tiegħu li jaċċetta l-wirt, u li ma jkunx intitolat li jagħmel ħlief fil-kapaċita’ tiegħu ta’ eredi. Il-ġurisprudenza hi fis-sens li l-att irid ikun tali li ċertament, neċessarjament u univokament, minnu ma tkunx tista’ tiġi nferita konsegwenza oħra ħlief dik li min għamlu ried jaċċetta l-eredita’ (ara Vol. XLVI.1.214).
L-Artikolu 869 tal-Kodiċi Ċivili, pero’, jgħid li r-rinunzja għall-wirt ma tistax issir aktar minn tlett xhur wara l-ftuħ tas-suċċessjoni, f’każ biss li dawk il-werrieta “jkollhom fil-fatt il-pussess tal-ħwejjeġ tal-wirt”, u allura jekk il-werrieta ma jkollhomx pussess tal-ħwejjeġ tal-wirt u ma jagħmlux atto di eredita’, huma jistgħu, f’kull żmien jirrinunzjaw għall-wirt. Fil-fatt, l-Onorabbli Qorti tal-Appell, fil-kawża, Borg noe vs Camilleri et, deċiża fit-2 ta’ Novembru, 1995, qalet illi sakemm werriet ma jagħmel ebda atto di eredita’, jista’ jirrinunzja, u jitqies bħal li kieku qatt ma kien werriet.
Kif tista’ ssir it-terminazzjoni tal- komunjoni?
Illi t-terminazzjoni tal-komunjoni tista’ issir jew tramite diviżjoni in natura jew b’bejgħ in liċitazzjoni, imma, sakemm ma’ jkunx hemm qbil mill-kondividenti kollha, mhux permess li proprjeta’ tinqasam u oħra tinbiegħ - jew il-proprjeta’ in komun hija passibbli għad-diviżjoni in natura, jew trid tinbiegħ.
Dan ifisser li qasma parzjali mhux permessa jekk mhux bil-kunsens tal-kondividendi kollha.
L-Artikolu 946 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi illi:
“Kull wieħed mill-werrieta hu magħdud suċċessur waħdu u dirett fil-beni kollha li jagħmlu s-sehem tiegħu, jew li mess lilu b’liċitazzjoni, u jitqies li qatt ma’ kellu l-proprjeta’ tal-beni l-oħra tal-wirt.”
Dan ifisser li ma’ tistax issir liċitazzjoni ta’ ġid immobbiljari wieħed jekk is-sidien ikunu jżommu bejniethom ġid komuni ieħor. Fi kliem sempliċi m’huwiex imħolli lis-sidien komuni li jwettqu proċess spezzettat tal-qasma ta’ ġidhom komuni.
X’jiġri pero jekk id-diviżjoni tal-assi ereditarji ma tistax issir komodament?
Wieħed għandu jirrikorri għall-liċitazzjoni bħala rimedju straordinarju u eċċezzjonali meta d-diviżjoni ma’ tistax issir komodament u mingħajr ħsara jew preġudizzju għall-kondividenti.
Fid-diviżjoni ta’ assi ereditarji jridu għalhekk jinġiebu fil-qasma dak kollu li jidħol f’dawk l-assi. Dan skond il-prinċipju illi “judex familiae erciscundae nihil debet indivisum relinquere.”
Kwindi, talba għad-diviżjoni ta’ xi assi ereditarji għandha tkun preċeduta b’waħda għal biex jiġi l-ewwel nett stabbilit f’hix jikkonsisti l-assi u l-oħra għal likwidazzjoni ta’ l-istess.
X’jiġri jekk il-werrieta ma jaqblux bejniethom fis-sens li min ikun irid ibiegħ u min le?
L-Artikolu 495A jipprovdi illi l-Qorti għandha “tawtorizza l-bejgħ skond ma’ jkun jixtieq l-akbar għadd ta’ komproprjetarji fil-qies tal-valur tal-ishma li kull komproprjetarju jkollu." L-Artikolu 495(3) pero jrid li komproprjetarju jista’ jbiegħ is-sehem indiviż tiegħu lil terzi gjaladarba jkunu ġew sodisfatti r-rekwiżiti fosthom illi jkunu għaddew tlett snin mill-ftuħ tas-suċċessjoni (qabel kienet għaxar snin) u ħadd mill-eredi ma’ jkun istitwixxa kawża għad-diviżjoni tal-wirt f’dan il-perijodu.
Il-bejgħ li qiegħed jissemma fl-Artikolu 495A jirreferi pero għall-bejgħ bejn eredi u terzi u mhux bejgħ bejn komproprjetarji. Mhux qed nitkellmu allura dwar il-liċitazzjoni ta’ fond partikolari sabiex ir-rikavat tal-bejgħ jinqasam fi kwoti bejn il-werrieta.
Jekk ma’ jkunx hemm qbil mill-kondividenti kollha, huwa permess li proprjeta’ tinqasam u oħra tinbiegħ?
It-terminazzjoni tal-komunjoni tista’ ssir jew tramite diviżjoni in natura jew b’bejgħ in liċitazzjoni, imma, sakemm ma jkunx hemm qbil mill-kondividenti kollha, mhux permess li proprjeta’ tinqasam u oħra tinbiegħ. Dan ifisser li jew il-proprjeta’ in komun hija passibbli għad-diviżjoni in natura, jew trid tinbiegħ.
X’jiġri jekk il-maġġor parti tal-eredi ta’ ass in komun ikunu favur il-bejgħ iżda l-minoranza tkun qiegħda topponi? Jista’ komproprjetarju jbiegħ is-sehem indiviż tiegħu lil terzi?
L-emendi ntrodotti fis-sena 2004 fl-Artikolu 495 tal-Kapitolu 16 jirrigwardaw proprju dal- punt, ossija bejgħ mill-kompropretjarji lil terzi ta’ xi ass miżmum in komun meta l-maġġor parti tal-eredi jkunu favur il-bejgħ iżda l-minoranza tkun qiegħda topponi. L-Artikolu 495A jipprovdi illi l-Qorti għandha “tawtorizza l-bejgħ skond ma’ jkun jixtieq l-akbar għadd ta’ komproprjetarji fil-qies tal-valur tal-ishma li kull komproprjetarju jkollu.”
Bl-introduzzjoni tal-Artikolu 495(3) komproprjetarju jista’ jbiegħ is-sehem indiviż tiegħu lil terzi gjaladarba jkunu ġew sodisfatti r-rekwiżiti fosthom illi jkunu għaddew tlett snin mill-ftuħ tas-suċċessjoni u ħadd mill-eredi ma jkun istitwixxa kawża għad-diviżjoni tal-wirt f’dan il-perijodu.
Il-bejgħ li qiegħed jissemma fl-Artikolu 495A għalhekk jirreferi għall-bejgħ bejn eredi u terzi.
X’jiġri jekk id-diviżjoni ma’ tistax issir komodament u mingħajr ħsara jew preġudizzju għall-kondividenti?
Ma’ tistax issir liċitazzjoni ta’ ġid immobbiljari wieħed jekk is-sidien ikunu jżommu bejniethom ġid komuni ieħor. M’huwiex imħolli lis-sidien komuni li jwettqu proċess spezzettat tal-qasma ta’ ġidhom komuni.
Wieħed, b’hekk, għandu jirrikorri għall-liċitazzjoni bħala rimedju straordinarju u eċċezzjonali meta d-diviżjoni ma’ tistax issir komodament u mingħajr ħsara jew preġudizzju ghall-kondividenti. Issa, fid-diviżjoni ta’ assi ereditarji jridu jinġiebu fil-qasma dak kollu li jidħol f’dawk l-assi. Dan skond il-prinċipju illi “judex familiae erciscundae nihil debet indivisum relinquere”.
Huwa veru li l-werrieta jistgħu jitolbu li l-proprjeta’ mgħoddija lilhom b’wirt tinbiegħ, anke jekk ma jkunx hemm qbil bejn il-werrieta?
Ir-risposta hi iva, diment pero li jiġu segwiti d-dettami fl-Artikoli segwenti:
L-Artikoli rilevanti huma 495A u 495B tal- Kap. 16, u cioe’:
495A:
“(1) Salv meta jkun hemm kondominju jew stat ta’ indiviżjoni forzata, meta xi ħaġa tkun inżammet in komun għal iżjed minn tliet snin u ħadd mis-sidien ma jkun beda azzjoni quddiem xi qorti jew tribunal ieħor għall-qsim tal-proprjetà li tkun qed tinżamm in komun, u l-komproprjetarji jonqsu milli jiftiehm u dwar il-bejgħ ta’ xi proprjetà partikolari bejniethom, il-qorti għandha, jekk tkun sodisfatta li ħadd mill-komproprjetarji
dissidenti ma jkun gravament preġudikat b’dak li tordna, tawtorizza l-bejgħ skont ma jkun jixtieq l-akbar għadd ta’ komproprjetarji fil- qies tal-valur tal-ishma li kull komproprjetarju jkollu.
(2) It-talba lill-qorti għandha ssir permezz ta’ rikors li miegħu jkun hemm annessa dikjarazzjoni tas-sidien fejn jaqblu li jsir il-bejgħ kif ukoll prospett li jkun juri l-għadd u l-valur tal-ishma li kull wieħed minnhom ikollu kif ukoll il-pattijiet u l-kondizzjonijiet li taħthom ikun ser isir il-bejgħ. Fir-rikors għandha tiġi indikata wkoll id-data meta l-ħwejjeġ ikunu ġew in komun u ċ-ċirkostanzi relattivi.
(3) Ir-rikors għandu jiġi notifikat lill-komproprjetarji kollha li ma jkunux jaqblu mal-bejgħ kif ukoll lill-kuraturi li jiġu maħtura mill-qorti biex jirrappreżentaw lil min mill-komproprjetarji ma jkunx magħruf jew ma jkunx jista’ jinstab. Ir-reġistratur għandu jara li kopja tar-rikors tiġi pubblikata fil-Gazzetta u f’ġurnal wieħed ta’ kuljum.
(4) Dikjarazzjoni li xi komproprjetarju minnhom ma jkunx magħruf jew ma jkunx jista’ jinstab għandha tiġi konfermata bil-ġurament minn wieħed mir-rikorrenti.
(5) Il-komproprjetarji l-oħra kif ukoll il-kuraturi jistgħu, fi żmien għoxrin ġurnata min-notifika li ssirilhom tar-rikors, jew fil-każ ta’ komproprjetarju li ma jkunx ġie notifikat bir-rikors fi żmien għoxrin ġurnata mill-aħħar pubblikazzjoni msemmija fis-
subartikolu (3), jopponu l-bejgħ billi jiddikjaraw x’ikun il-preġudizzju gravi li huma jew il-komproprjetarji li jkunu jirrappreżentaw jistgħu jbatu minħabba fil-bejgħ.
(6) Meta tiġi biex tivvaluta jekk ikunx hemm xi preġudizzju serju għal xi wieħed mill-komproprjetarji, il-qorti għandha tqis kull fattur rilevanti inkluż il-valur tal-proprjetà u l-prezz tal-bejgħ, u tista’ għal dak il-għan tordna li ssir stima tal-proprjetà skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 306 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
(7) Il-qorti għandha tiddeċidi dwar ir-rikors, u jekk tiddeċidi li għandu jsir il-bejgħ, din għandha tistabbilixxi x’ikun il-prezz jew korrispettiv ieħor għal dak il-bejgħ u għandha iktar minn hekk -
(a) tistabbilixxi l-ħin, il-jum u l-post, meta u fejn għandu jsir it-trasferiment;
(b) meta l-bejgħ ikun ser isir permezz ta’ att pubbliku, taħtar nutar biex jippubblika l-att;
(ċ) taħtar kuratur, ukoll minn fost il-komproprjetarji nfushom, sabiex jirrappreżenta lil min mill-komproprjetarji jonqos milli jidher quddiem in-nutar għall-kuntratt jew istrument ieħor ta’ trasferiment.
(8) Il-qorti tista’, billi jsirilha rikors minn xi parti li jkollha interess, tibdel il-jum, il-ħin jew il-post fejn ikun ser isir it-trasferiment.
(9) Jekk ikun hemm aktar minn komproprjetarju wieħed li jopponi jew f’każ li l-qorti tkun ċaħdet ir-rikors skont id-dispożizzjonijiet tas-subartikolu
(7), il-qorti tista’, minkejja d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-artikolu, tordna l-bejgħ tal-beni b’liċitazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-artikoli 521 u 522.”
Imbagħad l-Artikolu 495B jgħid hekk:
“(1) Il-perjodu ta’ tliet snin stipulat fl-artikoli 495(3) u 495A(1) għandu japplika fir-rigward ta’ kull proprjetà in komun li għaliha japplikaw l-imsemmija artikoli u li, fl-1 ta’ April jew wara, tkun fil-pussess in komun tal-komproprjetarji tagħha għal perjodu ta’ mill-anqas tliet snin.
(2) Il-perjodi ta’ għaxar snin li qabel kienu previsti fl-artikoli 495(3) u 495A(1) (qabel ma ġew emendati) u ta’ ħames snin li qabel kien previst fl-artikolu 495B (qabel ma ġie sostitwit) rispettivament u kif fis-seħħ qabel l-1 ta’ April 2016 ma għandhomx jibqgħu japplikaw wara l-1 ta’ April 2016.
(3) Proprjetà immobbli trasferita abbażi ta’ sentenza tal-qorti mogħtija skont l-artikolu 494(1) u li ma tkunx tinsab f’area ta’ reġistrazzjoni ta’ artijiet għall-finijiet tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Artijiet għandha, minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ kull liġi oħra, titqies li tikkostitwixxi area ta’ reġistrazzjoni ta’ artijiet għall-finijiet tal-imsemmi Att u għandha tiġi reġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet min-Nutar li jippubblika l-att ta’ trasferiment bl-ispejjeż ikunu fuq il-persuna li tirċievi l-proprjeta’.”
Jista’ jkun hemm rappreżentazzjoni ta’ dawk li huma ħajjin?
Skond l-Artikolu 806 m’hemmx rappreżentazzjoni ta’ dawk li huma ħajjin imma biss ta’ dawk li huma mejta jew assenti għal żmien twil.
Jista’ d-decujus jiddisponi minn ħwejġu kif irid b’mod gratuwitu?
Filwaqt li d-decujus għandu kull dritt li f’ħajtu jagħmel att gratuwitu, min-naħa l-oħra ma jistax jaħrab mill-provvediment tal-liġi sabiex jippreġudika d-drittijiet ta’ werrieta tiegħu jew x’uħud minnhom.
Skond l-Artikolu 913 tal-Kodiċi Ċivili tfal li jirtu b’testment jew ab intestato għandhom “....iġibu fil-massa tal-wirt, fl-interess biss tat-tfal jew dixxendenti l-oħra, li jirtu flimkien magħhom, dak kollu li jkunu ħadu b’donazzjoni mingħand il-mejjet, direttament jew indirettament, meta d-donatur ma jkunx iddispona mod ieħor.” (Artikolu 913 tal-Kodiċi Ċivili).
X’effett legali għandha r-rapreżentazzjoni?
L-Artikolu 801 tal- Kodiċi Ċivili jipprovdi:-
“Ir-rappreżentazzjoni għandha bħala effett li ddaħħal lir-rappreżentanti fil-lok, fil-grad, u fil-jeddijiet tar-rappreżentati.”
Fejn hemm vinkolu ta’ parentela, is-serviġi huwa prezunt li sar bla ħlas?
Ħadd ma huwa preżunt li offra s-serviġi tiegħu bla ħlas sakemm il-kuntrarju ma jiġix pruvat. Iżda l- Qrati dejjem irritenew li għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni diversi fatturi oħra li, ftit jew wisq, inaqqsu r-relazzjoni ekonomika bejn is-serviġi resi u l-ħlas relattiv.