X’jiġri wara li jgħaddu 10 snin minn fuq kuntratt?

View Categories

X’jiġri wara li jgħaddu 10 snin minn fuq kuntratt?

1 min read

L-Artikolu 2140 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) Kull min b’bona fidi u b’titolu tajjeb biex jittrasferixxi l-proprjetà, jipposjedi haga immobbli ghal zmien ta’ ghaxar snin, jakkwista l- proprjetà taghha.

(2) Jekk it-titolu jkun gej minn att li, skond il-ligi, ghandu jkun inskritt fir-Registru Pubbliku, iz-zmien mehtieg ghall-preskrizzjoni ma jibdiex miexi hlief mill-jum ta’ l-iskrizzjoni ta’ dak l-att’.

Huwa ċar minn dan id-dispost  li biex tiskatta l-preskrizzjoni ta’ 10 snin, dan irid juri li:

a. Ikollu bona fidi;

b. Ikollu titolu tajjeb biex jittrasferixxi l-proprjetà;

c. Jippossjedi ħaġa mmobbli għal żmien ta’ għaxar snin [liema pussess irid ikun kontinwu, mhux interrott, paċifiku, pubbliku, u mhux ekwivoku].

Il-buona fede tirrappreżenta dak l-istat ta’ animu tal-possessur, il-kuxjenza u l-intima konvinzjoni tiegħu li l-ħaġa li jipposjedi hi tiegħu. Tali stat irid jitqies minn kif iċ-ċirkostanzi kienu jidhru f’għajnejn il-persuna li teċċepixxi favuriha l-preskrizzjoni akkwiżittiva. Il-buona fede hija preżunta u tibqa’ teżisti sakemm ma ssirx prova kuntrarja għaliex l-Artikolu 532 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘Għandu dejjem jingħadd li wieħed huwa bona fidi, u min jeċċepixxi l-mala fidi għandu jippruvaha’.

Detto cio, kull dubju f’persuna dwar il-pussess tagħha tal-ħaġa jitqies bħala nuqqas tal-bona fidi. Huwa neċessarju, għalhekk, li l-bona fidi, flimkien mal-pussess tkun preżenti tul iż-żmien kollu li huwa meħtieġ għall-preskrizzjoni.[1] Għalhekk min huwa possessur ta’ buona fede irid jemmen li l-ħaġa li jippossjedi hija tiegħu u li, invece, huwa possessur ta’ mala fidi min jaf jew, fiċ-ċirkostanzi, għandu jippreżumi li dik il-ħaġa m’hix tiegħu. Per altro, il- buona fede hija rikjesta mhux biss fil-mument tal-akkwist, imma matul iż-żmien kollu meħtieġ għal kompjiment tal-preskrizzjoni. Imma dan jimplika wkoll li n-nuqqas ta’ bona fidi ta’ possessur preċedenti m’hijiex ta’ ħsara għas-suċċessur tiegħu, għalkemm iż-żmien tal-pussess b’mala fidi ma jiġix kalkolat maż-żmien meħtieġ għall-preskrizzjoni.[2]

Illi element ieħor meħtieġ biex tiġi ppruvata l-preskrizzjoni tal-għaxar snin huwa l-pussess. Dan  irid ikun pussess għal għaxar snin u li ma jaqtax, bil-miftuħ, bla xkiel jew kundizzjonijiet minn ħaddieħor u, fuq kollox, irid ikun b’mod li l-pussessur jidher li qiegħed iżomm il-ħaġa tiegħu. Meta dan jiġi ppruvat il-possessur tal-fond jista’ jirreżisti t-talba ta’ min jallega li hu mhux propjetarju tal-fond billi jeċċepixxi l-preskrizzjoni deċennali.


[1] Artikolu 2141 tal-Kap 16

[2] Artikolu 2142(1)(2) tal-Kap 16