Illum huwa ben aċċettat li l-formaliżmu eżaġerat għandu jiġi evitat fis-sens li n-nullità tal-atti ġudizzjarji hija, aktar minn qatt qabel, meqjusa bħala sanzjoni estrema li l-liġi trid li tiġi mposta biss meta n-nuqqas – formali jew sostanzjali – fl-att ma jistax assolutament jiġi tollerat mingħajr ħsara għal xi prinċipju ta’ ġustizzja proċedurali[1]. Dawn il-prinċipji jgħoddu daqstant għal-liġi ta’ l-ippjanar.
Detto questo, ma rridx nagħti l’intendere li appell jista’ jkun sempliċiment imsejjes fuq serje ta’ referenzi ġeneriċi għal regolamenti u dispożizzjonijiet bit-tama li t-Tribunal, imbagħad, jagħmel l-indaġini hu u forsi jsib xi ħaġa li tgħin lill-istess appellanti. Fi kliem ieħor, minkejja li l-liġi għandha sservi ta’ strument soċjali kostruttiv, li biha n-nies għandhom dritt jinqdew b’mod prattiku li jirrendi l-frott,aggravji magħmula b’mod hekk fjakk jistħoqqilhom li jitwarrbu mingħajr ħela ta’ ħin.
Is-sentenza fl-ismijiet Charles Fenech vs L-Awtorita’ tal-Ippjanar[2] tagħtini raġun f’dak li qed ngħid. Il-Qorti ta’ l-Appell osservat dan li gej:
‘[…]
il-parametri l-artikolu 15 tal-Kap. 551 jiddisponi hekk:
Appell minn decizjoni tal-Awtorita tal-Ippjanar ghandu jkun fil-forma ta’ rikors, u ghandu:
(a) jaghmel refrenza ghad-decizjoni tal-Awtorita tal-Ippjanar li minnha qed isir appell;
(b) isemmi distintament il-kapi tad-decizjoni li maghhom ma hemmx qbil taht intestaturi differenti, flimkien mar-ragunijiet taht kull intestatura ghaliex ikun qieghed isir l-appell;
(c) jiddikjara specifikament taht kull intestatura l-mod kif huwa mixtieq li d-decizjoni tigi varjata; u
(d) jinkludi kull dokumentazzjoni rilevanti ghall-motivazzjonijiet tal-appell.
Harsa lejn l-appell mressaq quddiem it-Tribuanl min Charles Fenech ma jhallix dubju f’mohh il-Qorti illi s-subartikolu (b) tal-istess artikolu bl-ebda mod ma hu sodisfatt, anzi lanqas hemm l-icken indikazzjoni ghaliex qed jappella l-appellant. It-Tribunal, kif dejjem sostniet din il-Qorti, ghandu jiddeciedi fuq l-aggravji migjuba, senjatament fil-prezentata tad-dokument tal-appell u t-Tribunal ma ghandux ihalli li jigu prezentati aggravji ohra waqt it-trattazzjoni tal-appell hlief f’cirkostanzi eccezzjonali bhal dawk ta’ natura ta’ ordni pubbliku. It-Tribunal f’dan il-kaz ma ghandux aggravji x’jiddeciedi ghaliex fit-terminu perentorju ghal prezentata tal-appell ma ngiebu ebda aggravji ghall-iskrutinju tat-Tribunal u l-appellat ma kellu ebda bazi fuqhiex jirrispondi ghall-aggravji. L-appell tal-appellant hu avviz ta’ appell mhux appell kif trid il-ligi taht l-artikolu 15 tal-Kap. 551.
Dan mhux kaz fejn l-appellant ma ressaqx l-aggravji tal-appell b’mod car jew kien jehtieg elaborazzjoni fuq l-aggravju sollevat jew xi zieda ohra li ma taffetwax is-sustanza tal-mertu jew id-difiza fejn allura l-estremi tan-nullita ma japplikawx. F’tali kaz kien ikun applikabbli l-artikolu 46 tal-Kap. 551 riprodott mill-artikolu 175 tal-Kap. 12 pero dan hu kaz fejn il-forma essenzjali mehtiega mill-ligi tal-procedura kif dettata mill-ligi tal-ippjanar ma gietx segwita assolutament. Il-ligi tghid car u tond illi l-appellant ghandu (sottolinear tal-Qorti) u mhux jista’ (sottolinear tal-Qorti) isemmi l-aggravji fl-appell ipprezentat. In-nuqqas assolut tal-appellant li jsegwi din il-procedura ma jistax ma jwassalx hlief ghan-nullita tal-att. Ir-raguni tat-Tribunal cioe li l-perit tal-apellant kellu diffikultajiet minhabba sahha prsonali sfortunatament ma tiggustifikax dan in-nuqqas billi l-appellant seta’ fittex l-ghajnuna ta’ professjonist iehor biex jipprezenta l-appell.’
[1] Ara sentenza fl-ismijiet S.M.T. Developers Limited u Bathroom Styles Limited vs Soap and Sponge Limited deċiża fis-6 ta’ Frar, 2015
[2] Ara sentenza fl-ismijiet Charles Fenech vs L-Awtorita tal-Ippjanar deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar is-27 ta’ Ġunju, 2017(Ap8/2017)