X’jiġri jekk parti tonqos milli twettaq l- obbligazzjonijiet tagħha?

View Categories

X’jiġri jekk parti tonqos milli twettaq l- obbligazzjonijiet tagħha?

4 min read

L-Artikoli 1067 u 1068 tal-Kap 16 jipprovdu dan:

1067.‘Jekk il-kundizzjoni riżoluttiva hija espressa fil-kuntratt, dan il-kuntratt, meta l-kundizzjoni sseħħ, jinħall ipso jure, u l-qorti ma tista’ tagħti ebda żmien lill-konvenut’.

1068.Il-kundizzjoni riżoluttiva tingħadd dejjem bħala li ġiet magħmula fil- kuntratti bilaterali, fil-każ li waħda mill-partijiet tonqos għall-obbligazzjoni tagħha: Iżda, f’dak il-każ, il-kuntratt ma jinħallx ipso jure, u l-qorti tista’, skont iċ-ċirkostanzi, tagħti żmien xieraq lill-konvenut, bla ħsara ta’ kull disposizzjoni oħra tal-liġi dwar il-kuntratt tal-bejgħ’.

F’ każ ta’ kundizzjoni riżoluttiva espressa f’kuntratt ikun hemm riżoluzzjoni ipso iure tal-kuntratt hekk kif tavvera ruħha l-inadempjenza kuntrattwali. F’dan il- każ, l-intervent tal-Qorti jkun limitat għall-ordni relattiva kif maħsuba fil-kundizzjoni.

F’każ ta’ klawsola li tagħti  dritt għal riżoluzzjoni tal-kuntratt minħabba l-inadempjenza kuntrattwali, f’dan il- każ ikun meħtieġ l-intervent tal-Qorti sabiex tingħata d-dikjarazzjoni ta’ inadempjenza u f’dan il-każ il-Qorti tkun tista’, skont iċ-ċirkostanzi, tagħti żmien xieraq lill- konvenut  biex jesegwixxi l-obbligazzjonijiet tiegħu.

Interessanti s-sentenza fl-ismijiet Francis Abela et vs Karl Bonello noe[1], fejn intqal:

‘Il-pern tal-kwestjoni huwa jekk dak li hemm imnizzel u miftiehem fil-kuntratt bejn il-kontendenti kienx effettivament jammonta ghal patt kommissorju espress (kif isostnu l-appellanti) jew kienx patt kommissorju tacitu. Id-differenza bejn dawn it-tnejn m’hijiex biss fil-forma imma tista’ taffettwa anke l-konsegwenzi legali li jiskaturixxu fejn tirrizulta vjolazzjoni jew inadempjenza kontrattwali. Fil-kaz ta’ kundizzjoni rizoluttiva espressa, il-Qorti ma taghtix zmien lill-parti inadempjenti biex tispurga n-nuqqas taghha. Fejn invece il-kundizzjoni rizoluttiva m’hijiex espressa imma wahda tacita f’dan il-kaz il-kuntratt ma jinhallx ipso jure’.

Tinduna li kundizzjoni f’kuntratt tkun waħda riżoluttiva taċita u mhux espressa mid-diċitura.

Hekk, per eżempju, il-klawsola ‘is-subkonċedenti jkollu d-dritt li jittermina l-konċessjoni jekk l-enfitewta jagħmel użu kummerċjali tal-fond’ għandha sinnifikat differenti minn ‘f’każ ta’ ksur ta’ użu kummerċjali tal-fond, jkun hemm xoljiment tal-att u kwindi d-dekadenza tal-konċessjoni enfitewtika.’ L-ewwel klawsola tagħti dritt għat-tfittxija għax-xoljiment, iżda ma twassalx għax-xoljiment awtomatiku mal-verifika tal-ksur.

Kif intqal fis-sentenza fl-ismijiet Romeo Giulia Fenech Pace et vs Francis Sciberras[2]:

‘Biex il-patt jinghad espress, dak li jkun ried jigi stipulat espressament MHUX biss l-obbligu ghall-ghoti jew ghemil ta’ xi haga (fil-kaz prezenti l-obbligu li jinbnew il-benefikati) izda r-rizoluzzjoni ta’ jew dekadenza tal-kuntratt jekk dak l-obbligu ma jigix adempit’.

Kwindi fin-nuqqas ta’ ftehim espress tal-patt ta’ dekadenza għall-obbligu assunt, dik id-dekadenza ma tistax tiġi fis-seħħ iżda jkun hemm id-dritt ta’ terminazzjoni, li jagħti lil wieħed x’jifhem li l-konċedent ikollu jirrikorri għall-Qorti sabiex tiġi tterminata l-konċessjoni enfitewtika, iżda fiha nnifisha ma tipprovdix għal dekadenza istantaneja.

Issa, l-Artikolu 1069 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) Meta l-kondizzjoni riżoluttiva, sew dik magħmula espressament kemm dik li titqies bħala magħmula, tkun għall-każ li fih waħda mill-partijiet tonqos għall-obbligazzjoni tagħha, il-parti li lejha l-obbligazzjoni ma tkunx ġiet esegwita, tista’ tagħżel, jekk il-kondizzjoni sseħħ, jew li titlob il-ħall tal-kuntratt, jew li ġġiegħel lill-parti l-oħra tesegwixxi l-obbligazzjoni, meta dan ikun possibli.

(2) Fil-każ il-wieħed u l-ieħor, il-konvenut jista’ jiġi kkundannat għall-ħlas tad-danni’.

Hawn qed ngħidu li  jekk parti tonqos milli twettaq l-obbligazzjoni tagħha (u jekk tonqos li twettaqha fit-terminu pattwit, tkun daqs li kieku ma wettqitiex), il-parti l-oħra, il-kreditur tal-obbligazzjoni, tista’ jew xorta waħda tinsisti fuq it-twettieq tal-obbligazzjoni jew fuq il-ħall tal-kuntratt.

Inżid ngħid li, xi drabi, fil-kuntratt ma jkunx hemm stipolat żmien li matulu trid titwettaq l-obligazzjoni iżda l-kuntratt ikun redatt fis-sens li parti tintrabat li twettaq obbligazzjoni ‘minnufih’. Hawnhekk, id-diskrezzjoni ta’ xi tfisser ‘minnufih’ titħalla f’idejn il-Qrati u din tiddependi mill-fattispeċi tal-każ li jkun.

L-Artikolu 1077 tal-Kap 16, infatti, jgħid hekk:‘Meta ma jkun ġie stabbilit ebda żmien għall-esekuzzjoni tal-obbligazzjoni, din għandha tiġi esegwita minnufih, iżda dan kemm-il darba x-xorta tal-obbligazzjoni, jew il-mod li bih għandha tiġi esegwita, jew il-lok miftiehem għall-esekuzzjoni tagħha, ma jġibux magħhom il-ħtieġa ta’ żmien li, jekk ikun hemm bżonn, jiġi stabbilit mill-qorti.’


[1] Ara sentenza fl-ismijiet Francis Abela et vs Karl Bonello noe deċiża mill-Qorti tal-Appell fil-31 ta’ Mejju, 2002

[2] Ara sentenza fl-ismijiet Romeo Giulia Fenech Pace et vs Francis Sciberras deċiża mill-Qorti ta’ l-Appell fid-29 ta’ Jannar, 1965