L-Artikolu 1209 (1) tal-Kap 16 jaqra hekk:
‘Bir-rexxissjoni ta’ kuntratt, jekk il-liġi ma tiddisponix xort`oħra, il-partijiet jiġu mqiegħda fl-istat li fih kienu qabel il-ftehim’.
Biss, pero’, l-Artikolu 1212 ifisser aħjar għal liema konsegwenza twassal ir-rexxissjoni ta’ kuntratt, ossija li:
‘Kull ftehim li fih tkun nieqsa xi waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali sabiex kuntratt ikun jiswa, jew li l-liġi tiddikjara espressament li hu null, hu suġġett għar-rexxissjoni’.
Detto cio’, azzjoni għar-rexxissjoni ta’ kuntratt trid tinġieb entro t-termini preskritti. Id-dispost rilevanti huwa l-Artikolu 1222 tal-Kap 16. Dan jaqra hekk:
‘(1) Meta l-liġi f’xi każ partikolari ma tistabbilixxix żmien aqsar, l-azzjoni għar-rexxissjoni minħabba vjolenza, żball, għemil doluż, stat ta’ interdizzjoni, jew nuqqas ta’ età, taqa’ bil-preskrizzjoni egħluq sentejn.
(2) Dan igħodd ukoll għar-rexxissjoni ta’ obbligazzjonijiet mingħajr kawża, jew magħmulin fuq kawża falza’.
L-Artikolu 1223 tal-Kap 16, imbagħad, jgħid hekk:
‘(1) Iż-żmien tal-preskrizzjoni hawn fuq imsemmi jibda jgħodd biss, fil-każ ta’ vjolenza, minn dak in-nhar li lvjolenza tispiċċa, u, fil-każ ta’ żball, ta’ għemil doluż, jew ta’ kawża falza, minn dak in-nhar li jinkixef id-difett.
(2) Fil-każ ta’ obbligazzjoni mingħajr kawża, iż-żmien jibda jgħodd minn dak in-nhar tal-kuntratt’.
L-Artikolu 1224 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘F’kull każ ieħor mhux imsemmi fl-aħħar żewġ artikoli qabel dan, il-jedd tal-azzjoni ta’ rexxissjoni ta’ obbligazzjoni jaqa’ bil-preskrizzjoni għeluq ħames snin minn dak in-nhar li l-azzjoni tista’ titmexxa, bla ma jittieħed qies tal-istat jew tal-kondizzjoni tal-persuni li jkollhom jedd għal din l-azzjoni, bla ħsara ta’ kull disposizzjoni oħra ta’ dan il-Kodiċi’.
L-Artikolu 1225 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘Il-jedd tal-azzjoni għar-rexxissjoni jgħaddi fil–werrieta:
Iżda dawn ma jistgħux jeżerċitaw dan il-jedd ħlief fiżżmien li kien fadlilhom dawk li mingħandhom ġejjin iljeddijiet tagħhom, bla ħsara ta’ kull disposizzjoni oħra talliġi dwar il-ksur jew is-sospensjoni tal-preskrizzjoni’.
L-Artikolu 1226 tal-Kap 16 jipprovdi li:
‘(1) L-eċċezzjoni ta’ nullità tista’, f’kull żmien, tiġi mogħtija minn dak li jkun imħarrek għall-esekuzzjoni tal-kuntratt, fil-każijiet kollha li fihom huwa nnifsu seta’ jaġixxi għar-rexxissjoni.
(2) Din l-eċċezzjoni ma taqax taħt il-preskrizzjoni stabbilita fl-artikoli 1222 u 1224’.
Mela x’qed ngħidu b’dan kollu?
Fil-każ ta’ vjolenza, żball, għemil doluż, stat ta’ interdizzjoni, jew nuqqas ta’ età, obbligazzjoni mingħajr kawża jew magħmula fuq kawża falza, l-azzjoni għar-rexxissjoni taqa’ bil-preskrizzjoni għeluq sentejn[1]. F’kull każ ieħor, imbagħad, ‘… il-jedd tal-azzjoni ta’ rexxissjoni ta’ obbligazzjoni jaqa’ bil-preskrizzjoni għeluq ħames snin minn dak in-nhar li l-azzjoni tista’ titmexxa, bla ma jittieħed qies tal-istat jew tal-kondizzjoni tal-persuni li jkollhom jedd għal din l-azzjoni, bla ħsara ta’ kull disposizzjoni oħra ta’ dan il-Kodiċi’.[2]
Tajjeb jiġi mfakkar li l-Artikolu 1222 tal-Kap 16 jirrigwardja l-preskrizzjoni relatata mal-azzjoni tan-nullita’ u ta’ rexissjoni biex jiġi annullat kuntratt li jkun nieqes minn xi waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-eżistenza tiegħu jew għaliex ikollu xi vizzju li jirrendih invalidu jew leżiv għal xi wieħed mill-kontraenti u li, la darba ġie stabbilit li l-preskrizzjoni applikabbli hija dik ta’ sentejn, dawn jibdew jgħoddu minn meta jinkixef l-iżball jew egħmil doluż.
Illi fil-fatt, fis-sentenza fl-ismijiet Maria Zammit vs Lawrence James Cappello et.[3], insibu hekk:
‘Il-preskrizzjoni bjennali tal-azzjoni tar-rexissjoni ta’ kuntratt minħabba vjolenza, żball, egħmil doluż, stat ta’ mara miżżewġa, interdizzjoni jew nuqqas ta’ eta` u obbligazzjonijiet mingħajr kawża jew b’kawża falza, tibda tiddekorri fil-każ ta’ żball, għemil doluż u kawża falza, mill jum li fih jinkixef id-difett’.
Qed ngħidu li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni ma jistax jibda jiddekorri jekk mhux mill-mument illi l-persuna obbligata inġustament tiġi a konjizzjoni tal-att abbużiv kommess fil-konfront tagħha u li hemm ippreġudikaha.
Sentenza oħra li titkellem dwar hekk hi dik fl-ismijiet Maria Agius vs Josephine Schembri et[4], fejn il-Qorti kellha dan xi tgħid:
‘Illi l-artikolu 1222 tal-Kodici Civili tirrigwarda l-preskrizzjoni relatata mal-azzjoni tan-nullità u ta’ rexissjoni biex jigi annullat kuntratt li jkun nieqes minn xi wahda mill-kundizzjonijiet necessarji ghall-ezistenza tieghu jew ghaliex ikollu xi vizzju li jirrendih invalidu jew leziv ghal xi wiehed mill-kontraenti. Ghalhekk, huwa imperattiv, la darba gie stabbilit li l-preskrizzjoni applikabbli hija dik ta’ sentejn, li jibdew jghoddu minn meta jinkixef l-izball jew eghmil doluz.
Illi fil-fatt, gie ritenut fil-kaz Maria Zammit vs Lawrence James Cappello et deciza mill-Qorti tal-Appell fid-19 ta’ Novembru 1962, li: “Il-preskrizzjoni bjennali tal-azzjoni tar-rexissjoni ta’ kuntratt minhabba vjolenza, zball, eghmil doluz, stat ta’ mara mizzewga, interdizzjoni jew nuqqas ta’ età u obbligazzjonijiet minghajr kawza jew b’kawza falza, tibda tiddekorri fil-kaz ta’ zball, ghemil doluz u kawza falza, mill-jum li fih jinkixef id-difett……U l-provi mehtiega biex isostnu l-preskrizzjoni jinkombu fuq min jeccepixxi l-preskrizzjoni”’.
Prinċipju ieħor dwar il-preskrizzjoni huwa l-aspett tal-interpretazzjoni restrittiva u li għalhekk l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni, għalkemm rikonoxxuta bħala meħtieġa biex tassigura li l-azzjoni tiġi eżerċitata entro t-terminu stabbilit biex id-drittijiet u l-obbligi tal-konvenuti jiġu debitament aċċertati, hija minnha nnifisha odjuża u allura għandha tiġi applikata restrittivament.[5]
Fis-sentenza fl-ismijiet DJRL Dance Limited et vs Trends Limited et[6], ingħad ukoll li:
‘Meta tigi eccepita l-preskrizzjoni jew id-dekadenza, id-data trid tigi stabbilita b’mod car u l-oneru ta’ tali prova jaqa’ fuq il-konvenut li jkun eccepixxa li l-azzjoni attrici hija preskritt’.
Kwindi, l-obbligu tal-Qorti hu, dejjem u f’kull każ, Ii trid tistħarreġ u tindaga minn liema data dik il-preskrizzjoni bdiet tiddekorri, u meta mill-provi ma tistax tasal biex tistabilixxi dik id-data, ikollha tiċħad l-eċċezzjoni.[7]
Ovjament, hawn qed dejjem ngħidu li, fir-rigward tal-provi meħtieġa biex isostnu l-preskrizzjoni, dawn jinkombu fuq min jeċċepixxi l-preskrizzjoni.
Meta niġu għall-Artikolu 1226, dan jispjega li filwaqt li l-azzjoni għar-rexxissjoni ta’ ftehim minħabba nullità, minħabba vjolenza, żball, għemil doluż, stat ta’ interdizzjoni jew nuqqas ta’ eta, obbligazzjonijiet mingħajr kawża jew bażati fuq kawża falza hi milquta b’perjodu ta’ preskrizzjoni, l-eċċezzjoni m’hijiex.
Is-sentenza fl-ismijiet Island Farmhouses Limited vs Michelina Xerri pro et noe[8], tispjega li:
‘… filwaqt li l-azzjoni ghar-rexxissjoni ta’ ftehim minhabba nullità ghar-ragunijiet imsemmija hi milquta b’perjodu ta’ preskrizzjoni, l-eccezzjoni m’hijiex. Dan is-subinciz jidher li jaghti x’jifhem li eccezzjoni ta’ vizzju tal-kunsens hi ammissibbli u m’hemmx ghalfejn issir kawza ad hoc minn min ikun qieghed isostni n-nullità tal-kuntratt ghal xi wiehed mill-motivi msemmija’.
In poche parole, qed ngħidu li meta kuntratt huwa null, il-konvenut jista’ jeħles mill-obbligi hemm allegatament assunti, billi fil-proċeduri istitwiti mit-terz, jeċċepixxi din in-nullità sakemm il-kuntratt jista’ jiġi attakkat u mhux jekk dak il-kuntratt huwa, alla fine, kunsidrat “null” ab initio u b’hekk ħadd ma jista’ jippretendi xi drittijiet emanenti mill-istess kuntratt.[9]
Fl-aħħar nett insibu wkoll li l-Artikolu 1228 tal-Kap 16 irid li:
‘It-twettiq jew ir-ratifika ma jgibux ir-rinunzja ghall-azzjoni ta’ rexxissjoni, hlief meta jigi ppruvat li min wettaq jew ir–ratifika kien jaf bid-difett li jaghti jedd ghal dik l-azzjoni’.
L-Artikolu 1229 tal-Kap 16 ikompli illi:
‘Bla hsara tad-disposizzjonijiet ta’ l-ahhar artikolu qabel dan, it-twettiq jew ir-ratifika jistghu jsiru tacitament bl-esekuzzjoni volontarja ta’ l-obbligazzjoni li kontra taghha l-ligi taghti l-azzjoni ta’ rexxissjoni, jew b’xi att iehor li juri l-intenzjoni li jinghata effett ghall-obbligazzjoni’.
[1] Artikolu 1222 tal-Kap 16
[2] Artikolu 1224 tal-Kap 16
[3] Ara sentenza fl-ismijiet Maria Zammit vs Lawrence James Cappello et. deċiża mill-Qorti tal-Appell fid-19 ta’ Novembru 1962
[4] Ara sentenza fl-ismijiet Maria Agius vs Josephine Schembri et deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fit-23 ta’ April 2009
[5] Ara sentenza fl-ismijiet Noel Ellul et noe vs Francis Vella noe deċiża mill-Qorti tal-Appell fit-8 ta’ Mejju 2001 u sentenza fl-ismijiet Ronald Naudi noe vs Unispeed Shipping and Forwarding Limited deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fis-26 ta’ Ġunju 2003
[6] Ara sentenza fl-ismijiet DJRL Dance Limited et vs Trends Limited et deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fl-20 ta’ Mejju 2019
[7] Ara sentenza fl-ismijiet John Bugeja vs Joseph Gauci deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fit-28 ta’ Noembru, 2002
[8] Ara sentenza fl-ismijiet Island Farmhouses Limited vs Michelina Xerri pro et noe, deċiża mill-Qorti tal-Appell fit-8 ta’ Jannar 2010
[9] Ara sentenza fl-ismijiet Alfred Scicluna noe vs Citadel Insurance p.l.c. deċiża mill-Qorti tal-Appell fis-27 ta’ Ġunju 2008