X’inhi r-relazzjoni bejn il-perit u l-bennej?

View Categories

X’inhi r-relazzjoni bejn il-perit u l-bennej?

5 min read

Meta hawn ser nitkellem dwar ‘relazzjoni’, f’moħħi għandi ‘relazzjoni professjonali’ u mhux ‘relazzjoni kuntrattwali’ li tista’ tvarja skont l-eżiġenzi. Infatti, ir-relazzjoni kuntrattwali jiddeċiduha l-partijiet involuti fis-sens li perit u bennej jistgħu jitqabbdu indipendentement sabiex jipprestaw  servizz fuq l-istess xogħol lill-istess klijent. Klijent jista’ wkoll jinkariga kuntrattur sabiex jipprestalu biċċa xogħol u dan jipprovdilu hu stess il-bennej u l-perit.

Meta niġu għar-relazzjoni professjonali bejn il-bennej u l-perit, il-parametri jistrieħu fuq iż-żewġ binarji li ġejjin:

L-EWWEL BINARJU – L-OBLIGI TAL-PERIT

Bħal kull professjonist, perit huwa responsabbli għal żball kawża ta’ nuqqas ta’ prudenza, diliġenza u attenzjoni ta’ bonus pater familias. Huwa għaldaqstant  għandu jara li jaghti direzzjonijiet tajbin skont l-eżġenzi tal-klijent tiegħu u, naturalment, fid-dawl taċ-ċirkostanzi fattwali tas-sit u l-liġijiet u regolamenti tal-pajjiż. Għandu jara li, darba titwaqqaf fuq il-post, l-istruttura hekk disnijata minnu għandha tibqa’ wieqfa.

In lineja ġenerali, il-problemi fil-qasam tal-kostruzzjoni jinsorġu minn difetti fl-art u, jew  xogħol ħażin u, jew xogħol eżegwit b’materjal ħażin. Dawn il-problemi jistgħu ifeġġu waqt il-kostruzzjoni jew inkella wara li l-kostruzzjoni tkun tlestiet.

Perit li jiġi nkarigat għal kostruzzjoni ta’ fond għandu ghalhekk id-dmir li jassigura ruħu illi l-kostruzzjoni tal-bini lilu fdata, speċjalment għal dak li hi solidita’, issir sewwa u skont is-sengħa.

Għaldaqstant,  il-perit għandu jissorvelja adegwatament ix-xogħol in korso u  juża l-abilita’ u d-dilġenza meħtieġa biex fl-eżekuzzjoni ta’ dak il-bini xejn ma jsir li jista’ jikkaġuna periklu jew ħsara – sija waqt l-eżekuzzjoni u anke wara li l-bini jitlesta.  Kwindi, mhux biżżejjed għall-perit li jistaqsi lill-bennej x’inhu jagħmel, imma għandu jaċċerta ruħu personalment u direttament x’ikun qed isir, u huwa responsabbli għad-danni jekk l-għemil tiegħu juri negliġenza.[1]

Huwa għalhekk id-dmir tal-perit li jara li l-bennejja li jkunu ser jaħdmu taħtu jkunu liċenzjati, u anke jekk liċenzjati, għandu jidderieġi huwa nnifsu u jissorvelja x-xogħol, b’mod li ma jħallix li jsiru operazzjonijiet kontra s-sengħa u li jikkrejaw perikolu.

Il-perit irid ukoll jivverifika l-materjali li jkunu qegħdin jiġu wżati fil-bini.[2] Materjal difettuż m’għandu qatt jintuza anke jekk, per dire, il-klijent ikun irid li jiġu wżati dawk il-materjali mhux tajba. In poche parole, f’każ ta’ materjal difettuż, ix-xogħol m’għandux isir.

Detto questo, l-perit ma jistax jinżamm responsabbli ta’ l-imperizja tal-bennej fis-sens li l-perit m’għandux jinżamm responsabbli jekk id-difetti huma dovuti unikament għall-ħtija tal-bennej u, jew għal xi negliġenza da parti tiegħu, jew, għall-imperizja fl-arti tiegħu.

Minkejja li l-perit għandu l-obligu li jissorvelja adegwatament ix-xogħol in corso, inkluz li jwaqqaf xogħol ħażin, perit ma jistax jinżamm responsabbli jekk huwa jkun ta direzzjoni tajba u, hekk kif allarga minn fuq il-post, din giet imwettqa b’mod ħażin mill-bennej. Infatti, il-Qrati tagħna irritenew li  l- perit mhux responsabbli għall-ħsara li tiġri minħabba xogħol eżegwit ħażin meta dak ix-xogħol li suppost sar taħt id-direzzjoni tiegħu kien inbeda mingħajr ma hu ġie avżat[3].

Detto cio, perit ma jistax iserraħ moħħu billi jagħti direzzjoni u jieqaf hemm. Perit irid xorta waħda juri li ntervjena fi żmien raġjonevolment qasir biex iwaqqaf xogħol ħazin milli jkompli jitwettaq. Dan jimplika li perit ma jistax iħalli perijodi twal sakemm jerġa’ jmur fuq il-post u jivverifika għalih innifsu li dak li huwa ordna lill-bennej qed tabilħaqq jitwettaq. Ovvjament, il-frekwenza ta’ kemm perit huwa tenut imur fuq il-post tiddependi min-natura tax-xogħol. 

IT-TIENI BINARJU: L-OBLIGU TAL-BENNEJ

Bennej liċenzjat huwa mistenni minnu li kapaċi jifhem u jesegwixxi dak li jordnalu l-perit. Detto cio, il-bennej ma jistax jinħeba wara l-fatt li l-perit ikun ordnalu jagħmel xogħol ħażin meta huwa raġjonevolment mistenni minn bennej liċenzjat li dan jinduna li l-ordni tal-perit hija ħażina. Per eżempju, bennej liċenzjat għandu jinduna f’ħakka t’għajn li hemm xi ħaġa ħażina jekk perit jordnalu jżarma shutter li qed jerfa’ saqaf tal-konkos wara ħamest ijiem. Kwindi, meta bennej jaf li ser iwettaq xogħol ħażin, huwa għandu mill-ewwel ma jagħmilx ix-xogħol jew, inkella, jkollu jirrispondi għad-difetti li jiġu ‘l quddiem[4].

Il-bennej m’għandu qatt, għalhekk,  jeżegwixxi direzzjoni li jkun jaf li hija ħażina u li sejra tipperikola l-istabbilita` tal-kostruzzjoni. Il-bennej lanqas ma għandu japprofitta minn negliġenza tal-perit, jekk dak ikun il-każ. Meta jiġri hekk, il-bennej irid jirrispondi mal-perit, kull wieħed minnhom fil-miżura tal-kolpa rispettiva[5].

Kwindi, bennej li jeżegwixxi ħażin ix-xogħol li jifforma l-oġġett tal-appalt huwa responsabbli għad-dannu kollu li jiġi minn dik l-eżekuzzjoni ħażina tax-xogħol u dan avolja għas-sorveljanza ta’ dan ix-xogħol ikun hemm perit.

Aktar minn hekk, il-ħlas tal-prezz tal-appalt jew il-ħlas akkont ma jfissrux neċessarjament approvazzjoni tax-xogħol jekk dan fil-fatt jirriżulta difettuż.

In oltre, tajjeb jiġi sottolinjat li bennej ma jista’ qatt jgħid li x-xogħol ma sarx sewwa għax hu għamlu kif qallu l-klijent billi bennej hu obbligat jirreżisti għal kwalunkwe intromissjoni tal-klijent.


[1] Ara sentenza fl-ismijiet Marianna Cini pro. et. noe. vs Paolo Galea et. mogħtija mill-Qorti ta’ l- Appell Ċivili nhar is-27 ta’ Ottubru 1958

[2] Ara sentenza fl-ismijiet Avukat Dr. Carlo Moore nomine vs AlC Carmelo Falzon et, mogħtija mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili nhar l-4 ta’ Novembru 1957

[3] Ara sentenza fl-ismijiet Alfred Miggiani vs Carmelo Cutajar et., mogħtija fit-18 ta’ Marzu, 1963

[4] Ara sentenza fl-ismijiet Alfred Miggiani vs Carmelo Cutajar et., mogħtija fit-18 ta’ Marzu, 1963

[5] Ara sentenza fl-ismijiet Lilian Stilon DePiro pro et noe et vs Henry Ghirlando mogħtija fl-20 ta’ Marzu 1962 (Vol. XLVI.iii.746)