X’differenza tgħaddi bejn depożitu u kapparra?

X’differenza tgħaddi bejn depożitu u kapparra?

‘Depożitu’ hija somma akkont tal-prezz li jrid jitħallas għall-valur miftiehem.

‘Kapparra’ hi l- ekwivalenti tal-kelma Ingliża `earnest` li fid-dizzjunarju[1] nsibuha mfissra bħala `money paid in advance to bind a contract’.

X’inhi allura d-differenza sostanzjali bejn ‘depożitu’ u ‘kapparra’?

Ser nelabora l-ewwel dwar id-depożitu.

L-Artikolu 1357(1) tal-Kap 16 jgħid dan:

‘Il-wegħda ta’ bejgħ ta’ ħaġa bi prezz determinat, jew bi prezz li għandu jiġi stabbilit minn persuna waħda jew iżjed bħalma jingħad fl-artikoli ta’ qabel dan, ma titqiesx bejgħ; iżda jekk tiġi aċċettata, iġġib f’dak li wiegħed, l-obbligu li jagħmel il-bejgħ, jew, jekk il-bejgħ ma jkunx jista’ jsir, l-obbligu li jħallas id-danni lill-aċċettant’.

L-Artikolu 1357(2) tal-Kap 16 jgħid dan:

‘L-effett ta’ din il-wegħda jispiċċa meta jagħlaq iż-żmien miftiehem bejn il-partijiet għalhekk, jew, jekk ma jkun hemm ebda ftehim bħal dak, meta jgħaddu tlett xhur minn dakinhar li l-bejgħ ikun jista’ jsir, kemm -il darba l-aċċettant ma jsejjaħx lil dak li wiegħed, b’att ġudizzjarju ppreżentat qabel ma jgħaddi ż-żmien applikabbli kif intqal qabel, sabiex jagħmel il-bejgħ, u kemm -il darba, fil-każ li dak li wiegħed jonqos li jagħmel hekk, it-talba b’rikors ġuramantat sabiex titwettaq il-wegħda ma tiġix ippreżentata fi żmien tletin jum minn meta jagħlaq l-imsemmi żmien’.

Biex konvenju ma jitqiesx li skada u wieħed ikun jista’ jinsisti fuq l-eżekuzzjoni tiegħu jew jitlob għall-konsegwenti danni f’każ li kuntratt ma jkunx jista’ isir, hemm żewġ affarijiet li jridu jsiru:

  • parti trid tippreżenta att ġudizzjarju fir-reġistru tal-qrati qabel ma jiskadi l-konvenju. L-effett ta’ dan l-ittra ġudizzjarja hu biss biex jestendi l-effetti tal-konvenju għal perijodu ta’ xahar u xejn aktar;
  • dik il-parti li tkun għamlet l-imsemmi att ġudizzjarju trid, fi żmien xahar, tipproċedi b’kawża b’talba “sabiex titwettaq il-wegħda” quddiem il-Prim’Awla. Huwa wkoll b’dan il-mod biss li l-venditur prospettiv jista’ jinvoka “dritt” li jżomm id-depożitu. Ergo, l-att ġudizzjarju qabel jiskadi l-konvenju m’hux biżżejjed biex iżżomm id-depożitu bħala danni/penali. L-effett tal-att ġudizzjarju hu biss biex jestendi l-effetti tal-konvenju għal perijodu ta’ xahar u mhux biżżejjed biex  ittellef id-depożitu.[2]

Ovvjament, parti jista’ jkollha raġunijiet għaliex, minkejja li tkun saret il-kawża quddiem il-Prim’Awla, din tkun trid teħles mill-obbligazzjoni li tidħol għal kuntratt. Biex jiġri hekk, pero, il-parti li ma tkunx trid tersaq għal kuntratt trid turi li hemm kawża ġusta. Jekk le, din trid taċċetta li tersaq għall-pubblikazzjoni tal-kuntratt jew inkella titlef id-depożitu.[3]

Ser nelabora issa dwar il-kapparra.

L-Artikolu 1359 tal- Kap 16 jgħid hekk:

‘Jekk b`wegħda ta` bejgħ tkun giet mogħtija kapparra, kull waħda mill-partijiet tista` terġa` lura mill-kuntratt : il-parti li tkun tat il-kapparra billi titlef din il-kapparra, u l-parti li tkun irċevietha, billi trodd darbtejn daqsha, kemm -il darba ma jkunx hemm użu xort` oħra dwar dak il-kuntratt partikolari li għalih tkun giet mogħtija l-kapparra’.

Hawn qed ngħid li kappara, b’kuntrast ma’ depożitu, mhix parti mill-prezz aħħari li jrid jitħallas mal-kuntratt. L-effett tal-kapparra, invece, huwa d-diritto di ritirarsi. Il-kapparra, b’kuntrast mad-depożitu, tippermetti lil kull waħda mill-partijiet ma tersaqx għall-kuntratt fis-sens li jekk ix-xerrej prospettiv jiddeċiedi li ma jersaqx għal kuntratt għal raġunijiet li jaf hu, il-kapparra tinżamm mill-venditur prospettiv. Mill-banda l-oħra, jekk il-venditur prospettiv jiddeċiedi li ma jersaqx għal kuntratt għal raġunijiet li jaf hu, dan għandu jiżborsa d-doppju ta’ l-ammont tal-kapparra lix-xerrej prospettiv. Sentenza li tispjega dan kollu hija dik fl-ismijiet Cassar vs Camilleri.[4]

Il- punt tat- tluq fil-każ ta’ kapparra huwa, għalhekk, li parti tkun tista` tinħall mill-obbligu li tersaq għall-kuntratt, skont il- liġi, mingħajr ma tiġi mġiegħela tersaq għall-pubblikazzjoni tal-istess kuntratt b’kawża quddiem il-Prim Awla ‘sabiex titwettaq il-wegħda’.

Fl-isfond ta’ dan kollu, huwa tassew importanti il-mod kif jiġi redatt il-konvenju għaliex hemm drabi fejn il-mod kif ntużat il-kelma `deposit` kienet effettivament tfisser `kapparra` u vice versa. Meta konvenju jsemmi  ammont magħmul mix-xerrej prospettiv, u li dan jista’  jiġi mitluf (‘forfeited’) jekk xi parti ma tersaqx għall-eventwali kuntratt, inkunu qed nitkellmu dwar kapparra. Meta, imbagħad, konvenju isemmi ammont akkont tal-prezz finali, inkunu qed nitkellmu dwar deposit.


[1] https://dictionary.law.com/Default.aspx?selected=602#:~:text=earnest%20payment,(liquidated)%20or%20committed%20damages.

[2]  Ara sentenza fl-ismijiet A. Pont Gloria vs J.L.J. Construction Co. Ltd. deċiża mill-Qorti tal-Appell fl-1 ta’ Frar, 2008

[3] Ara sentenza fl-ismijiet Cauchi vs Vassallo deċiża mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-11 ta’ Diċembru 2003

[4] Ara sentenza fl-ismijiet Cassar vs Camilleri deċiża mill-Qorti tal-Appell fis-6 ta’ Ġunju 1986