Tista’ l-Pulizija tieħu passi fil-konfront ta’ bini perikoluż?

Tista’ l-Pulizija tieħu passi fil-konfront ta’ bini perikoluż?

Ta’ spiss tqum il-mistoqsija dwar jekk il-pulizija għandhiex il-vires tintervjeni quddiem ilmenti dwar bini perikoluż.

Ir-risposta tinsab fir-Regolament 38 tal-Avviż Legali 29 tal-2010 (Regolamenti tal-2010 dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq) li jaqra hekk:

‘38. Ħadd ma jista’, mingħajr il-permess tal-Awtorita’ u, jew il- liċenza tal-Kunsill Lokali relattiv, jibni jew jagħmel ebda ħaġa fit- toroq li tista’ ġġib xkiel jew periklu jew inkomodu lill-pubbliku, inkella jħalli, wara li jiġi mwissi mill-Pulizija jew minn gwardjan lokali, bini jew opri oħra fi stat ta’ tiġrif jew ta’ periklu għan-nies jew għal ħwejjeġ ħaddieħor.’

Tista’ tgħid li dan ir-regolament huwa riproduzzjoni ta’ dak li kien l-Artikolu 25 tal-Kapitlu 10 tal-Liġijiet ta’ Malta qabel dan ġie abrogat. Ir-raġuni li l-imsemmi dispost sab ruħu f’liġi sussidjarja marbuta mal-Att dwar l-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta hi waħda koinċidentali. Meta twaqfet l-imsemmija Awtorita’ bil-Kap 499[1], sar eżercizzju mil-legislatur sabiex dawk id-dispożizzjonijiet fil-Kodiċi tal-Pulizija li kienu b’xi mod imissu mat-toroq jimxu taħt il-mantell ta’ l-Awtorita’ tat-Trasport. Flimkien m’oħrajn, l-Artikolu 25 mexa għaliex kien jitkellem speċifikament dwar ‘xkiel jew periklu jew inkomodu lill-pubbliku’ fit-toroq. Detto questo, l-Artikolu 25 kien jestendi aktar l’hinn minn hekk għaliex kien ukoll jaħseb dwar sanzjonijiet f’każ ta’ ‘bini jew opri oħra fi stat ta’ tiġrif jew ta’ periklu għan-nies jew għal ħwejjeġ ħaddieħor’ indipendentement minn jekk dak il-bini jew opri oħra jinsabux fi triq.

Infatti, jekk niddisezzjonaw ir-Regolament 38 fi tnejn, insibu illi:

L-ewwel parti ta’ dan ir-regolament hija rilevanti meta jirriżulta pruvat li imputat, mingħajr il-permess tal-Awtorita’ u, jew il-liċenzja tal-Kunsill Lokali relattiv, bena jew għamel xi ħaġa fit-toroq li setgħet ġġib xkiel jew periklu jew inkomodu lill-pubbliku.

It-tieni parti, invece, tgħid li ħadd ma jista’ jħalli, wara li jiġi mwissi mill-Pulizija jew minn gwardjan lokali, bini jew opri oħra fi stat ta’ tiġrif jew ta’ periklu għan-nies jew għal ħwejjeġ ħaddieħor.

Huwa ċar, għalhekk, li t-tieni parti titkellem dwar bini perikoluż, hu fejn hu, u dan indipendentement mill-ewwel parti.

Biex imputazzjoni tirrijentra fit-tieni parti ta’ dan ir-regolament, iridu jikkonkorru s-segwenti ċirkostanzi:

  • Li jkun hemm bini li jkun jew fi stat ta’ tiġrif jew ikun ta’ periklu għan-nies jew għal ħwejjeġ ħaddieħor;
  • Li jkun hemm persuna responsabbli minn dan il-bini;
  • Li din il-persuna tkun ġiet imwissija, ċioe’ infurmata jew avżata bl-eżistenza tal-istat ta’ tiġrif jew periklu minn gwardjan lokali jew minn aġent tal-Pulizija;
  •  Li għalkemm tkun saret din it-twissija, dik il-persuna responsabbli tħalli dak il-bini fi stat ta’ tiġrif jew perikolożita’;

Ser ngħaddi issa biex nelabora ftit ieħor.

Dwar l-element ta’ ‘stat ta’ tiġrif, u jew fi stat ta’ periklu għan-nies’, tali stat ta’ periklu m’għandux ikun neċessarjament wieħed imminenti għaliex din il-kwalifika’ minn imkien ma tirriżulta mil-liġi iżda xorta waħda għandu jkun wieħed attwali[2].

 Illi fir-rigward ta’ għal min japplika dan ir-regolament, jinsab ritenut li d-diċitura adoperata f’dan ir-regolament ma tirreferi għal ebda persuna speċifika jew kategorija ta’ persuni. Il-kliem ‘Hadd ma jista’…ecc.’ jinferixxu li  l-obbligi li jinsorġu minn dan l-istess regolament huma mifruxa fuq kull persuna li b’xi mod għandha kontroll effettiv, u għalhekk tista’ effettivament tneħħi, fuq il-periklu eżistenti u dan sija jekk dik il-persuna hija s-sid jew l-inkwilin jew id-detentur jew l-amministratur tal- fond u, jew bini perikolanti.[3] Jista’ jagħti l-każ ukoll li jkun hemm żewġ persuni jew aktar li b’xi mod ikollhom kontroll effettiv kontemporanjament ta’ post, bħal, per eżempju, is-sid tal-post jew l-amministratur u fl-istess ħin l-inkwilin. F’dan il-każ kull wieħed minnhom, jew anke wieħed minnhom biss, jista’ jiġi msejjaħ mill-Pulizija biex ineħħi l-periklu, f’liema każ l-obbligu mpost minn dan ir-regolament ikun jinkombi fuq dik il-persuna li tkun ġiet hekk imsejjħa u mwissija mill-pulizija. In fine, dak li l-Qorti trid f’sede kriminali hu jekk il-persuna li tkun ġiet imsejjħa u mwissija għandhiex b’xi mod kontroll effettiv fuq il- bini jew opra oħra in kwistjoni b’mod li tista’ effettivament tneħħi l-periklu. Naturalment, dan kollu ma jneħħix kwalsijasi dritt ta’ riżarċiment ta’ l-ispejjeż li dik il-persuna jista’ jkollha fil-konfront ta’ persuna jew persuni oħra. Wara kollox, l-iskop ta’ dan ir-regolament hu li jitneħħa malajr kemm jista’ jkun il-periklu mill-persuna li tista’ effettivament tneħħieh għax ikollha, b’xi mod, kontroll effettiv fuq dak il-bini jew opra oħra.


[1] Att dwar l-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta

[2] Ara sentenza fl-ismijiet Il-Pulizija vs Thomas Agius deċiża mill-Qorti tal-Appell Kriminali nhar il-25 ta’ Settembru 2001 

[3] Ara sentenza fl-ismijiet Il-Pulizija vs Omissis u Anthony Camilleri deċiża mill- Qorti tal-Magistrati (Sede Kriminali) nhar it-30 t’Ottubru 2015