Sa fejn iwassal il-kunflitt ta’ interess fid-deċiżjonijiet ta’ l-ippjanar?

View Categories

Sa fejn iwassal il-kunflitt ta’ interess fid-deċiżjonijiet ta’ l-ippjanar?

31 min read

Huwa prinċipju assodat li l-proċess deċiżiv irid dejjem jidher b’mod  trasparenti. Il-kunflitt ta’ interess jista’ jimmanifesta ruħu sija mil-lenti oġġettiva, cioe’ kif jitqies il-fatt ilmentat mill-għajnejn tal-pubbliku in ġenerali, u anke dak soġġettiv u cioe’ kif jitqies minn għajnejn il-partijiet involuti fil-vertenza.

Il-leġislatur ħaseb għal dan. Infatti, sija l-Kap 551 u anke l-Kap 552  iridu li tkun evitata sitwazzjoni fejn, min qed jiġġudika, għandu interess fl-istess materja ġudikata (nemo iudex in causa propria).

Sa fejn jirrigwardja il-Kap 552 tal-Liġijiet ta’ Malta (li jirregola l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar), insibu l-Artikolu 13 li jgħid hekk:

(1) Meta xi membru tal-Awtorità, jew xi membru tal-persuna tal-Awtorità, jew konsulent, persuna li tagħti parir jew xi persuna oħra ingaġġata mill-Awtorità, ikollu interess fi kwalunkwe ħaġa li tkun ser tiġi kkunsidrata mill-Awtorità, huwa għandu, hekk kif isir konoxxenti ta’ dan l-interess:

(a) jiżvela lill-Kunsill Eżekuttiv jew lill-Bord tal-Ippjanar skont il-każ, it-tip ta’ interess li għandu;

(b) la jinfluwenza u lanqas jipprova jinfluwenza l-ipproċessar u d-deċiżjoni dwar dik il-ħaġa;

(c) ma jeħux sehem fi kwalunkwe konsiderazzjoni dwar dik il-ħaġa;

u

(d) la jattendi u lanqas jipparteċipa f’xi laqgħa dwar dik il-ħaġa.

(2) Meta jkun hemm xi kwistjoni dwar jekk ċertu kondotta ta’ xi persuna tkunx tikkostitwixxi jew le nuqqas minn dik il-persuna li tosserva r-rekwiżiti tas-subartikolu (1), il-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-Kunsill Eżekuttiv jew lill-Bord tal-Ippjanar skont il-każ u d-deċiżjoni meħuda u l-motivazzjoni warajha għandhom jiġu reġistrati fil-minuti tal-laqgħa li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni u l-persuna għandha tkun debitament informata.

(3) Meta ssir dikjarazzjoni lill-Kunsill Eżekuttiv jew lill-Bord tal-Ippjanar skont il-każ skont is-subartikolu (1), id-dettalji tad-dikjarazzjoni għandhom jiġu reġistrati fil-minuti tal-laqgħa.

(4) Meta persuna li għaliha jkun japplika s-subartikolu (1), salv għall-membri tal-Awtorità, tonqos milli tagħmel id-dikjarazzjoni meħtieġa, il-Kunsill Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni xierqa li għandha tittieħed li tista’ tinkludi, wara konsultazzjoni mal-Ministru, it-tneħħija mill-kariga jew it-tmiem tal-kuntratt tal-persuna konċernata. Fil-każ ta’ membri tal-Awtorità, id-dispożizzjonijiet tal-artikoli 37(3) u 63(6) għandhom japplikaw.’

Oltre minn hekk, l-Artikolu 63(4)(e) tal-Kap 552 jgħid speċifikament hekk:

‘(4)  Ħlief  kif  previst  fis-subartikoli  (2)  u  (3),  ebda  persuna  ma tikkwalifika biex tiġi magħżula bħala, jew biex tibqa’, membru tal-Bord tal-Ippjanar jekk hija:

[….]

(e) ikollha  interess  finanzjarju  jew  xi  interess  ieħor  f’xi impriża jew attività li x’aktarx ma jħallihiex taqdi sewwa l-funzjonijiet tagħha bħala membru tal-Bord tal-Ippjanar:

Iżda l-Ministru jista’ jiddeċiedi li l-interess li jkollha dik il-persuna  aktarx  ma  jkunx  ser  jaffettwa  t-twettiq  tal-funzjonijiet tagħha u skont dik id-deċiżjoni dik il-persuna għandha  tikkwalifika  għall-kariga  bħala  membru  tal-Bord tal-Ippjanar iżda l-interess li jkun ġie dikjarat u d-deċiżjoni  tal-Ministru  għandhom  jiġu  pubblikati  fil-Gazzetta;

[….]’

Sa fejn, imbagħad, jirrigwardja il-Kap 551 li jirregola l-operat tat-Tribunal, insibu l-Artikolu 4(6) li jgħid hekk:

‘(6) Membru tat-Tribunal għandu jkun skwalifikat milli jisma’ appell skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 734 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u f’kull każ bħal dak, dak il-membru għandu jiġi sostitwit minn persuna oħra maħtura mis-Segretarju għal dak l-iskop minn fost il-membri tal-panel jew panels l-oħra, jew jekk ebda persuna ma tkun tista’ tiġi hekk appuntata, minn persuna oħra li jkollha l-kwalifiki biex toqgħod fuq it-Tribunal, li tiġi appuntata mill-Prim Ministru għal dak il-għan.’

Essenzjalment, meta niġu għal x’jikkostiwixxi ‘kunflitt ta’ interess’ fil-każ tat-Tribunal, il-membri li jippresjedu huma ekwiparati mal-Maġistrati u l-Imħallfin hekk kif regolati bl-Artikolu 734 tal-Kap 12 (Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili) li  jgħid hekk:

‘(1) L-imħallef jista’ jiġi rrikużat jew jista’ jastjeni ruħu milli joqgħod fil-kawża –

(a) jekk ikun qarib mid-demm jew bi żwieġ, f’linja dritta, ma’ waħda mill-partijiet;

(b) jekk  ikun  qarib  mid-demm  fil-grad  ta’  ħu,  ziju  jew neputi, pro-ziju jew pro-neputi jew kuġin, ta’ waħda mill-partijiet, jew qarib bi żwieġ fi grad ta’ ħu, ziju jew neputi, ta’ waħda mill-partijiet;

(ċ) jekk  ikun  tutur,  kuratur,  jew  werriet  preżuntiv  ta’ waħda mill-partijiet; jew ikun jew kien prokuratur ta’ waħda  mill-partijiet  fil-kawża;  jekk  ikun  l-amministratur ta’ stabbiliment jew soċjetà fil-kawża, jew  jekk  waħda  mill-partijiet  tkun  il-werrieta preżuntiva tiegħu;

(d)   (i) jekk ikun ta l-parir tiegħu, ittratta quddiem il-qorti  jew  kiteb  dwar  il-kawża  jew  dwar  kull ħaġa oħra li għandha x’taqsam mal-kawża jew tiddependi minnha,

(ii) jekk  il-kawża  kienet  ġa  ġiet  quddiemu  bħala imħallef jew bħala arbitru:

Iżda  dan  ma  jgħoddx  għal  deċiżjoni, mogħtija mill-imħallef, meta ma tkunx qatgħet definitivament  il-meritu  fil-kwistjoni  bejn  il-partijiet,  u  lanqas  għal  sentenza  li  teħles ab observantia,

(iii) jekk ikun ħareġ flus għall-kawża;

(iv) jekk ikun xehed, jew jekk waħda mill-partijiet tkun bi ħsiebha ssejjaħlu bħala xhud;

(e) jekk  hu,  jew  il-mara  tiegħu,  jew  ir-raġel  tagħha, ikollhom interess dirett jew indirett dwar kif tinqata l-kawża;

(f) jekk l-avukat jew prokuratur legali li jkun qed jidher quddiem imħallef ikun ibnu jew bintu stess, ir-raġel tagħha jew il-mara tiegħu jew axxendent tiegħu;

(g) jekk l-avukat jew prokuratur legali li jkun qed jidher quddiem imħallef ikun ħu jew oħt l-istess ġudikant;

(h) jekk l-imħallef jew ir-raġel tagħha jew il-mara tiegħu jkollhom  kawża  pendenti  kontra  xi  waħda  mill-partijiet fil-kawża jew ikun kreditur jew debitur ta’ xi parti  fil-kawża  b’mod  li  jista’  raġonevolment  jagħti lok ta’ suspett ta’ interess dirett jew indirett li jista’ jinfluwenza l-eżitu tal-kawża.

(2) L-imħallef jista’ jiġi rikużat jew jista’ jastjeni ruħu milli joqgħod f’kawża meta l-kawża tkun ġa ġiet quddiemu u hu jkun tkellem fuq l-istess merti ta’ dik il-kawża meta kien qed joqgħod bħala mħallef fil-Qorti ta’ ġurisdizzjoni volontarja.’

Nonostante l-eżistenza ta’ dawn id-disposti, l-ilmenti dwar in-nuqqas ta’ indipendenza u imparzjalità fil-konfront ta’ min għandu poter jiġġudika, jew jinfluwenza deċiżjoni, ma jonqsux.  L-allegazzjonijiet ta’ imparzjalita’ fil-konfront ta’ min jiddeċiedi saru ħaġa ta’ kuljum. Bosta huma dawk li jħossuhom skomdi b’min huwa fdat jiddeċiedi l-vertenzi ta’ l-ippjanar li jkunu involuti fiha.

Il-Qorti kellha diversi okkażjonijiet fejn quddiemha ġie ventilat allegat kunflitt ta’ interess fil-konfront ta’ xi persuna li kienet fdata biex tiddeċiedi. Hawnhekk ser niċċita numru ta’ osservazzjonijiet li jitnisslu minn każijiet li jinvolvu interdipendenza ta’ interessi professjonali u li, wħud minnhom, m’humiex marbuta direttament ma’ deċiżjonijiet  ta’ l-ippjanar. Għażilt, pero, li nistrieħ ukoll fuq tali każijiet għaliex inħoss li l-prinċipji kif hekk enunċjati jgħoddu daqstant fir-realm ta’ l-ippjanar fejn, ukoll, teżisti interdipendenza qawwija ta’ interessi professjonali.

L-EWWEL OSSERVAZZJONI: L-ARTIKOLU 734 TAL-KAP 12 JGĦODD SIJA GĦAT-TRIBUNAL U ANKE GĦALL-AWTORITA’

Diġa rajna kif l-Artikolu 4(6) tal-Kap 551  jgħid hekk:

‘(6) Membru tat-Tribunal għandu jkun skwalifikat milli jisma’ appell skont id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 734 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u f’kull każ bħal dak, dak il-membru għandu jiġi sostitwit minn persuna oħra maħtura mis-Segretarju għal dak l-iskop minn fost il-membri tal-panel jew panels l-oħra, jew jekk ebda persuna ma tkun tista’ tiġi hekk appuntata, minn persuna oħra li jkollha l-kwalifiki biex toqgħod fuq it-Tribunal, li tiġi appuntata mill-Prim Ministru għal dak il-għan.’

Rajna wkoll li l-Artikolu 734 tal-Kap 12, imbagħad,  jgħid hekk:

‘(1) L-imħallef jista’ jiġi rrikużat jew jista’ jastjeni ruħu milli joqgħod fil-kawża –

(a) jekk ikun qarib mid-demm jew bi żwieġ, f’linja dritta, ma’ waħda mill-partijiet;

(b) jekk  ikun  qarib  mid-demm  fil-grad  ta’  ħu,  ziju  jew neputi, pro-ziju jew pro-neputi jew kuġin, ta’ waħda mill-partijiet, jew qarib bi żwieġ fi grad ta’ ħu, ziju jew neputi, ta’ waħda mill-partijiet;

(ċ) jekk  ikun  tutur,  kuratur,  jew  werriet  preżuntiv  ta’ waħda mill-partijiet; jew ikun jew kien prokuratur ta’ waħda  mill-partijiet  fil-kawża;  jekk  ikun  l-amministratur ta’ stabbiliment jew soċjetà fil-kawża, jew  jekk  waħda  mill-partijiet  tkun  il-werrieta preżuntiva tiegħu;

(d)   (i) jekk ikun ta l-parir tiegħu, ittratta quddiem il-qorti  jew  kiteb  dwar  il-kawża  jew  dwar  kull ħaġa oħra li għandha x’taqsam mal-kawża jew tiddependi minnha,

(ii) jekk  il-kawża  kienet  ġa  ġiet  quddiemu  bħala imħallef jew bħala arbitru:

Iżda  dan  ma  jgħoddx  għal  deċiżjoni, mogħtija mill-imħallef, meta ma tkunx qatgħet definitivament  il-meritu  fil-kwistjoni  bejn  il-partijiet,  u  lanqas  għal  sentenza  li  teħles ab observantia,

(iii) jekk ikun ħareġ flus għall-kawża;

(iv) jekk ikun xehed, jew jekk waħda mill-partijiet tkun bi ħsiebha ssejjaħlu bħala xhud;

(e) jekk  hu,  jew  il-mara  tiegħu,  jew  ir-raġel  tagħha, ikollhom interess dirett jew indirett dwar kif tinqata l-kawża;

(f) jekk l-avukat jew prokuratur legali li jkun qed jidher quddiem imħallef ikun ibnu jew bintu stess, ir-raġel tagħha jew il-mara tiegħu jew axxendent tiegħu;

(g) jekk l-avukat jew prokuratur legali li jkun qed jidher quddiem imħallef ikun ħu jew oħt l-istess ġudikant;

(h) jekk l-imħallef jew ir-raġel tagħha jew il-mara tiegħu jkollhom  kawża  pendenti  kontra  xi  waħda  mill-partijiet fil-kawża jew ikun kreditur jew debitur ta’ xi parti  fil-kawża  b’mod  li  jista’  raġonevolment  jagħti lok ta’ suspett ta’ interess dirett jew indirett li jista’ jinfluwenza l-eżitu tal-kawża.

(2) L-imħallef jista’ jiġi rikużat jew jista’ jastjeni ruħu milli joqgħod f’kawża meta l-kawża tkun ġa ġiet quddiemu u hu jkun tkellem fuq l-istess merti ta’ dik il-kawża meta kien qed joqgħod bħala mħallef fil-Qorti ta’ ġurisdizzjoni volontarja.’


Ergo, il-liġi tgħidilna b’mod ċar liema huma ċ-ċirkostanzi meta l-membri tat-Tribunal għandhom jirrikużaw. Mill-banda l-oħra, minkejja li fil-Kap 552,  il-kunflitt ta’ nteress (u li dan għandu jiġi evitat) jissemma kemm -il darba[1], ma hemm ebda referenza espliċita ghall-Artikolu 734 tal-Kap 12.

Preċiżat dan, jidher, pero,  li  l-istess Artikolu 734 tal-Kap 12 japplika għall-membri u funzjonarji tal-Awtorita’. Dan ħareġ b’mod impliċitu fis-sentenza ta’ Emanuel Noel Ciantar vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u l-kjamati in kawza Ian u Rachelle konjugi Borg[2] fejn il-Qorti ta’ l-Appell kompliet tibni fuq l-aggravju ta’ l-appellant (anke jekk eventwalment ma laqatux) dwar allegat ksur ta’ l-Artikolu 734 bil-mod kif isegwi:

‘…Ir-raguniijiet ghal rikuza fl-artikolu 734 bl-ebda mod ma huma relatati ghal fatt li l-membri  tal-Kummissjoni huma mahtura mill-Ministru. Ma gie ippruvat ebda interess dirett jew indirett  fl-izvilupp da parti ta’ xi membru jew membri tal- Kummissjoni jew li hemm xi parentela  mill-applikanti jew li esprimew ruhhom fuq il- mertu tal-applikazzjoni qabel giet kunsidrata minnhom. Il-prezunzjoni ghandha tkun li l-membri appuntat huma imparzjali u indipendenti.

IT-TIENI OSSERVAZZJONI: INTERESS FINANZJARJU, SAKEMM IKUN ATTWALI U DIRETT, FIL-PROĠETT DISKUSS IWASSAL GĦALL-IMPARZJALITA’[3]

Biex jingħad li jeżisti nteress finanzjarju, dak li ser jiddeċiedi irid ikollu nteress attwali u dirett f’dak li qed jiġi diskuss. L-interess jista’ jkun anke  potenzjali basta realistiku w mhux ipotetiku. In poche parole, irid jinstab li jekk il-proġett jiġi approvat, tali proġett seta’ pprovdielu ntrojtu jew sehem minnu. Jekk, per eżempju, membru tal-Bord huwa sieħeb m’aġent li jkun qed jippromwovi l-bejgħ tal-proġett li l-approvazzjoni tiddependi wkoll mill-vot tiegħu fuq il-Bord tal-Awtorita’, ikun ifisser li mill-approvazzjoni tal-proġett dan il-membru seta’ potenzjalment ibbenefika finanzjarjament, żgħir kemm hu żgħir dan il-benefiċċju finanzjarju. Ergo, dak li jrid ikun ippruvat, allura, huwa interess potenzjali patrimonjali fis-suċċess tal-proġett.

IT-TIELET OSSERVAZZJONI: JISTA’ JKUN HEMM INTERESS FINANZJARJU LI JOĦLOQ IMPEDIMENT B’MOD ĠENERALI

Issa ser  nitkellem dwar xenarju differenti minn ta’ qabel. Ser nirreferi issa  għal impediment b’mod ġenerali fejn l-interess finanzjarju jew attivita’, hi x’inhi, tista’ timpedixxi lil dak li jkun  milli oġġettivament jaqdi l-funzjoni tiegħu bħala ġudikatur.

Dan jinsorġi mill-Artikolu 63(4)(e)  tal-Kap. 552 li jgħid hekk:

‘(4)  Ħlief  kif  previst  fis-subartikoli  (2)  u  (3),  ebda  persuna  ma tikkwalifika biex tiġi magħżula bħala, jew biex tibqa’, membru tal-Bord tal-Ippjanar jekk hija:

[…]

(e) ikollha  interess  finanzjarju  jew  xi  interess  ieħor  f’xi impriża jew attività li x’aktarx ma jħallihiex taqdi sewwa l-funzjonijiet tagħha bħala membru tal-Bord tal-Ippjanar:

Iżda l-Ministru jista’ jiddeċiedi li l-interess li jkollha dik il-persuna  aktarx  ma  jkunx  ser  jaffettwa  t-twettiq  tal-funzjonijiet tagħha u skont dik id-deċiżjoni dik il-persuna għandha  tikkwalifika  għall-kariga  bħala  membru  tal-Bord tal-Ippjanar iżda l-interess li jkun ġie dikjarat u d-deċiżjoni  tal-Ministru  għandhom  jiġu  pubblikati  fil-Gazzetta;

[…]’

L-Artikolu 63(4) jipprojbixxi, għalhekk, li persuna tkun membru għax ikollha interess finanzjarju jew interess ieħor f’xi mpriża jew attivita’ li x’aktarx ma jħallijiex taqdi sewwa l-funzjonijiet tagħha bħala membru tal-Bord tal-Ippjanar. Dan is-subartikolu qed jirreferi għal impediment b’mod ġenerali fejn l-interess tiegħu finanzjarju jew attivita’ hi x’inhi tista’ timpedih milli oġġettivament jaqdi l-funzjoni tiegħu bhala membru f’kull każ quddiem il-Bord.  Kwindi, m’huwiex meħtieġ li tabilfors irid jirriżulta li l-membru ikollu  interess finanzjarju fl-istess applikazzjoni li ser ikun qed jiddeċiedi dwarha sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li għandu kunflitt ta’ interess skont il-liġi. Huwa ċar li l-iskop ta’ dan l-artikolu huwa ferm aktar wiesgħa, ikkunsidrat l-użu tal-kliem “xi interess ieħor” u “f’xi intrapriża jew attivita’” li għalhekk la jeħtieġu li jkun jirriżulta interess finanzjarju u lanqas li l-interess ikun fl-applikazzjoni nnifisha li tkun qed tiġi kkunsidrata mill-Bord.


Detto questo, is-sentenza Din l-Art Helwa et  vs  L-Awtorita tal-Ippjanar u  l-kjamat in kawza San Pawl tat-Targa Investments Limited[4] wrietna li l-fatt li membru tal-Bord kienet taf professjonalment lill-Perit ta’ l-applikazzjoni u addirittura kienet segretarja ta’ soċjeta’ li huwa kien direttur tagħha, ma kienx biżżejjed biex wieħed jgħid li dan x’aktarx jaffetwa t-twettieq tal-funzjonijiet tagħha fuq il-Bord tal-Ippjanar fil-kuntest ta’ dan l-Artikolu 63(4).

L-ilment, hawnhekk, kien dwar is-Sindku tan-Naxxar, Anne Muscat Fenech Adami, li  kienet parti mill-Bord li ha deċiżjoni sabiex tiġi żviluppata l-erja ta’ fejn it-Trade Fair Grounds  waqt li kienet company secretary tal- kumpanija Chalet Bulgari Limited li tagħha l-perit ta’ l-applikazzjoni, Edwin Mintoff, inzerta direttur. Detto cio’, il-Qorti ma sabet xejn x’tiċċensura dwar dan kollu siccome r-relazzjoni tagħha mal-Perit Edwin Mintoff kienet waħda li tirrigwarda l-operat ta’ Chalet Bulgari Limited li ma kellha ebda  konnessjoni ma’ l-applikazzjoni jew mal-applikant u għalhekk ma seta’ qatt ikun hemm biża’ oġġettiva li l-applikazzjoni tat-Trade Fair, imressqa minn applikant ieħor, ġiet diskussa bejniethom. Ergo, ma kien hemm xejn jidher li seta’ jwassal biex  Muscat Fenech Adami iffurmat “preconceived opinion” fuq l-applikazzjoni li kienet qed tiġi determinata mill-Bord tal-Ippjanar. In piu’, il-fatt li Anne Marie Muscat Fenech Adami kienet taf professjonalment lill-Perit Edwin Mintoff ma kienx biżżejjed biex wieħed jgħid li dan x’aktarx jaffetwa t-twettieq tal-funzjonijiet tagħha fuq il-Bord tal-Ippjanar.

IR-RABA’ OSSERVAZZJONI: DAWK LI JIRRAPREŻENTAW IL-KONSULENTI ESTERNI (BĦALL-ERA) JISTGĦU IPOĠĠU FUQ IL-BORD TA’ L-IPPJANAR

Il-Bord ta’ l-Ippjanar jinkludi fih membri li jirrapreżentaw entitajiet li jkunu diġa tkellmu fil-process ta’ l-applikazzjoni. Hekk, per eżempju, insibu li l-Bord ta’ l-Ippjanar jinkludi fih persuna nominata mill-ERA. Il-firxa tal-membri minn diversi oqsma, inkluż allura l-persuni nominati minn entitajiet varji, fosthom il-persuna nominata mill-ERA, hi ntiża biex żvilupp jiġi nvestigat minn kull aspett tiegħu. Għalhekk, fil-Bord, hemm ukoll membri esperti f’ċerti materji, oħrajn li jirrapreżentaw oqsma mis-soċjeta’ b’aspetti diversi bħall-ambjent, wirt kulturali u kummerċ  fost oħrajn. Il-Parlament innifsu, cioe’ l-poplu kif rappreżentat mill-Gvern u l-oppożizzjoni, ukoll huwa rappreżentat. Ergo, kull membru fil-funzjoni tiegħu fuq il-Bord tal-Awtorita’ qed jirrapreżenta l-kollettivita’ tas-soċjeta’ u l-interess ġenerali tas-soċjeta’ fl-iżvilupp li jkun qed jintalab l-approvazzjoni tiegħu. B’hekk, l-entita’ li nnominatu hi libera li tesprimi ruħha iżda, mill-banda l-oħra, il-membru jrid jqis ruħu bħala ndipendenti u jiddeċiedi skont ma jqis li hu ġust għall-iżvilupp propost anki jekk din tmur kontra l-opinjoni jew fehema tal-enti li minnha jiġi appuntat jew nominat.

Il-Qorti ma tara xejn ħażin b’dan kollu bil-caveat li dawn il-membri ma jaqawx fin-nassa tar-rikuża billi jesprimu ruħhom qabel il-vot. Membru ma jistax jesprimi ruħu fuq l-eżitu tal-vot tiegħu qabel ma ssir id-deliberazzjoni finali u jittieħed vot fuq il-proġett. Ma jfissirx, pero, li membru m’għandux isaqsi u jintervjeni b’domandi jew argumenti waqt is-seduti pubbliċi biex jifhem u japprezza aħjar il-proposta.[5]

IL-HAMES OSSERVAZZJONI: KOMPORTAMENT OSTILI

Dwar dan il-punt, il-Qorti kellha okkazzjoni tgħid li għandu jkun dejjem assigurat minn min ser jiddeċiedi juri:

‘….. r-rispett u sens ta’ rassikurazzjoni f’kull entita’ pubblika, specjalment dawk fejn hemm process ta’ aggudikazzjoni, tesigi minn kull persuna afdata b’din il-mansjoni komportament rett u sieket minn kull svog pubbliku tal-hsibijiet tieghu u ghandu jesprimi biss fil-gudikat bil-vot tieghu u l-hsibijiet tieghu mgharfa biss bil u fil-gudizzju responsabbli u motivat ghal ghanijiet xierqa.’ [6]

Kwalsijasi kumment tiegħi oltre dak li qalet il-Qorti hawn huwa superfluwu.

IS-SITT OSSERVAZZJONI: ĦBIBERIJI, INKLUŻ AFFILJAZZJONIJIET POLITIĊI, M’HUMIEX BIŻŻEJJED BIEX JIĠĠUSTIFIKAW RIKUŻA TA’ MEMBRU LI QED JAQDI DMIRU BIL-ĠURAMENT LEJN IL-KOSTITUZZJONI

Jekk min ser jiġġudika ikun ħabib u, addirittura, affiljat politikament ma’ xi parti, m’għandux ifisser li l-ġudizzju fejn hemm dak ‘il-ħabib’ ser ikun inkwinat. Dan ħareġ ċar mis-sentenza ta’ L-Imħallef Dottor Carmelo sive Lino Farrugia Sacco  vs  L-Onorevoli Prim’Ministru, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja[7]

F’dan il-każ, il-mibki Mħallef Lino Farrigia Sacco kien qed jgħaddi proċeduri mill-Kummissjoni dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li fuqha kien ipoġġi, fost oħrajn, Dr Reuben Balzan, avukat, li f’għajnejn Farrugia Sacco, kien magħruf li għandu konnessjonijiet mal-Kap ta’ l-Oppozizzjoni, l-Onor Simon Busuttil, li kien ressaq l-ilment kontrih.

Detto cio, il-Qorti Kostituzzjonali ma sabitx li din ‘ir-relazzjoni’ kienet biżżejjed biex tiġġustifika rikuża. Il-Qorti Kostituzzjonali għamlitha ċara li min hu mgħobbi b’responsabilta’ professjonali u ħalef li jagħmel dan b’lejalta lejn il-Kostituzzjoni, bħalma kien membru fuq il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, għandu jitiqes meħlus minn kull direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtorita` oħra.

L-ideja li kien ‘ovju’ li dan l-avukat kien ser jimxi mod ieħor ma tisax tiġi aċċettata leġġerment.

Infatti, il-Qorti Kostituzzjonali irriteniet dan:

Fir-rigward tal-aggravju, in kwantu huwa dirett lejn il-parteċipazzjoni tal-Avukat Dottor Reuben Balzan qua President tal-Kamra tal-Avukati fil-każ tar-rikorrent quddiem il-Kummissjoni, l-ilment tar-rikorrent huwa li dan għandu konnessjonijiet kbar ma’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista, fosthom l-Onor. Dottor Simon Busuttil, u li dan, flimkien mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, talbu b’mod voċiferu u fil-pubbliku għar-riżenja tar-rikorrent mill-kariga ta’ mħallef.

Ir-rikorrent jgħid “Hu ovvju li jekk jien partitarju kbir ta’ Partit irid jiġbed il-ħabel tiegħu!» Din il-Qorti ma taqbilx ma’ dan l-argument għax il-pożizzjoni tal-Avukat Balzan trid titqies u tiġi eżaminata mill-ottika legali. Anke jekk l-Avukat Balzan huwa, fi kliem ir-rikorrent, partitarju kbir ta’ partit politiku u jimmilita fih dan ma jeħilsux bħala membru tal-Kummissjoni mill-obbligu tiegħu li jiddeċidi skont il-ġudizzju individwali tieghu u meħlus minn kull direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtorita` oħra. Mhuwiex ovvju, u lanqas hu legali, li l-Avukat Balzan qua membru ex officio tal-Kummissjoni għandu jqiegħed il-lejalta lejn xi possibbli affiljazzjoni politika tiegħu u jiġbed il-ħabel ta’ dak il-partit qabel il-lejalta` lejn il-ġurament li huwa ħa u l-obbligi li l-Kostituzzjoni tqiegħed fuqu fil-kwalita` tiegħu ta’ membru tal-Kummissjoni u għaż-żmien kollu li dan idum hekk iservi fi ħdanha. Hu mhuwiex jagħmel parti mill-Kummissjoni bħala membru ta’ partit politiku, iżda huwa membru nominat ex officio fil-kwalita` tiegħu ta’ President tal-Kamra tal-Avukati, u jirrappreżenta lill-kategorija tal-avukati kollha, u għalhekk l-affiljazzjoni tieghu ma’ partit politiku jew xi esponenti ewlenin tiegħu hija, għal dan il-għan, irrelevanti.

Inoltre, kif korrettament osservat mill-ewwel Qorti, ma hemmx prova jew saret xi allegazzjoni li dan il-membru esprima ruħu b’xi mod fir-rigward tal-mozzjoni, jew dwar ir-rikorrenti. Fid-depożizzjoni tiegħu l-Avukat Balzan jgħid espressament : «Jien qatt ma ddiskutejt ma’ Dr.Busuttil dwar il-kaz ».

IS-SEBA’ OSSERVAZZJONI: CUTTINGS TAL-GAZZETTI MA JIKKOSTITWIXXUX PROVA AMMENOKE MHUX ĠURAMENTATI

Jekk il-prova tal-imparzjalita’ ser tkun imsejsa fuq rapporti ta’ ġurnalisti, dawn il-ġurnalisti (jew l-edituri) għandhom jiġu prodotti bħala xhieda biex jikkonfermaw l-awtentiċita’ tar-rapporti esebiti. Altirmenti, tali dokumenti ma jistgħu qatt jikkostitwixxu prova suffiċjenti skont il-liġi biex ixxejjen l-imparzjalita’ ta’ professjonist, – rapport ta’ terz mhux ġuramentat minn dak it-terz huwa meqjus detto del detto.[8]

IT-TMIEN OSSERVAZZJONI: ĠUDIKANT LI JKUN PRESTA SERVIZZ PROFESSJONALI LIL XI PARTI INVOLUTA FIL-VERTENZA M’HUWIEX TENUT JIRRIKUŻA A PRIORI

L-involviment professjonali fil-passat ta’ min ser jagħti ġudizzju ma’ xi parti m’għandux iwassal awtomatikament għal rikuża. Per eżempju, il-Qorti[9] ma waqfitx lill-perit Ellul Vincenti milli jkompli l-inkarigu tiegħu minkejja li dan kien infurmaha li  kien involut professjonalment mal-partijiet – ma’ l-attur għaliex aġixxa ta’ eks-arkitett u disinjatur tal-“villa” tiegħu u mal-konvenuta Enemalta, għaliex għal xi żmien agixxa bħala Chairman tal- Korporazzjoni tagħha.

Il-Qorti kienet komda bl-involviment tal-perit Ellul Vincenti għaliex, apparti li dan kien iddikjara l-involviment tiegħu x’kien fil-passat, huwa  żied jindika li  ma kienx iħoss li kellu xi diffikulta` ta’ possibbli kunflitt ta’ nteress biex jasal għal stima oġġettiva tal-immobbli. Huwa preżunt li l-Qorti ma kinitx ser tippermetti lil dan il-perit iwettaq l-inkarigu kieku, in primo luogo, dan ħassu skomdu. Terġa’ w’tgħid, f’dan il-każ, l-ilment ta’ l-attur kien tardiv wara li l-istess perit irrediga r-rapport li ma kienx kif xtaqu.

ID-DISA’ OSSERVAZZJONI: IL-KOLLABORAZZJONI BEJN IL-KONSULENT U L-PARTI LI JKOLLHA INTERESS FL-APPLIKAZZJONI TRID TKUN FUQ L-OGGETT TA’ L-APPLIKAZZJONI  

Mhux l-ewwel darba li tinqala kwistjoni dwar il-konnessjoni ta’ konsulent u parti li jkollha interess fil-każ. Dan kien approprositu  l-ilment ta’ numru ta’ eNGOS fil-konfront ta’ l-inġinier Marco Cremona li kien konsulent fil-proċess tal-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA) marbuta mal-applikazzjoni u fl-istess hin kien ikkollabora mal-applikant dwar operat ta’ mpjant għar-riċiklaġġ tal-ilma f’waħda mill-lukandi tal-istess applikant (anke jekk dan effettivament qatt ma ġara għaliex ma ħarġux il-permessi).  

Il-Qorti għamlitha ċara li l-interess personali irid ikun versu l-proġett in kwistjoni u mhux sempliċiment kollaborazzjoni professjonali mifruxa fuq ħwejjeġ oħra.  Infatti, il-Qorti qalet hekk:

‘…il-kollaborazzjoni ta’ bejn l-Inġinier Cremona u l-applikanta ma tirrigwardax l-applikazzjoni li hija mertu ta’ dan l-appell u għalhekk ma jistax jingħad li l-Inġinier Cremona kellu xi interess personali fil-proġett in kwistjoni.

L-GĦAXAR OSSERVAZZJONI: IL-KONSULENTI TA’ L-EIAs IRIDU JIDDIKJARAW L-IMPARZJALITA’ TAGĦHOM

Ir-Regolament 17(3) tal-Liġi Sussidjarja 549.46 tgħid hekk:

‘il-konsulenti  għandu  jkollhom  l-obbligu  li  jiffirmawdikjarazzjoni  li  m’għandhom  ebda  kunflitt  ta’  interessi  li  jista’jaffettwa  xi  aspett  kopert  minn  dawn  ir-regolamenti.  Din  id-dikjarazzjoni għandha tkun konformi mat-termini u l-ispeċifiki li tkunstabbiliet l-Awtorità.’

Ergo din ir-regola trid li l-konsulenti tal-EIA iridu jiffirmaw dikjarazzjoni li m’għandhomx kunflitt t’interess. M’hemmx dubju, li din ir-regola trid tittieħed b’serjeta’ kbira. Infatti, it-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kien sab problema bil-fatt li, wieħed mill-konsulenti ta’ l-EIA fil-każ tal-proġett ta’ Manoel Island, il-Perit Edward Said, ma ddikjarax li kellu kunflitt ta’ interess fir-redazzjoni tiegħu meta dan kien iben wieħed mid-diretturi tal-MIDI Plc u perit ewlieni fid-ditta ta’ periti li tingaġġja l-istess MIDI Plc biex tassistiha fi żvilupp f’Manoel Island stess.[10] B’konsewgenza ta’ dik id-deċiżjoni tat-tribunal, l-ERA ordnat lill-applikanti sabiex jerġgħu jissottomettu l-EIA mill-ġdid.

Preċiżat dan, ir-Regolament 17(3) tal-Subsidiary Legislation 549.46  irid  biss li jkunu il-konsulenti tal-EIA li jridu jiffirmaw dikjarazzjoni dwar kunflitt t’interess u mhux kull min iwettaq xi studji anċillari li setgħu għenu fit-twettieq ta’ l-EIA iżda m’humiex speċifikament  parti mill-bżonnijiet rikjesti fit-terms of reference tal-EIA.[11]

IL-HDAX OSSERVAZZJONI: TALBA GĦAL RIKUŻA MA TISTAX ISSIR TARDIVAMENT

Talba għal rikuża għandha dejjem issir fil-ħin appożitu cioe’ waqt is-smiegħ quddiem l-Awtorita’ jew it-Tribunal. Is-skiet ifisser adeżjoni għall- parteċipazzjoni tal-membri preżenti[12]. Addirittura, dan jgħodd ukoll jekk jinstab li l-membru tal-Bord ta servizz professjonali fuq xi ħaġa oħra lil xi parti u min qed jilmenta tardivament kien jaf dwar dan kollu qabel l-ilment. Dan huwa rifless fis-sentenza fl-ismijiet Din l-Art Helwa et  vs  L-Awtorita tal-Ippjanar u  l-kjamat in kawza San Pawl tat-Targa Investments Limited.[13] fejn il-Qorti qalet hekk fir-rigward ta’ l-ilment ta’ l-appellanti li l-perit Robert Sarsero, membru tat-Tribunal, ma kienx irrikuża minkejja li kien serva ta’ perit lill parti l-oħra sentejn qabel:

Mill-atti jirrizulta li f’dan l-appell it-Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar kien originarjament kompost minn Joseph Borg bhala c-Chairman tieghu, u l-Avukat Abigail Bugeja u l-Perit Robert Sarsero bhala membri. Waqt l-udjenza tas-17 ta’ Frar 2022 kemm Joseph Borg u kemm l-Avukat Abigail Bugeja kienu rrikuzaw ruhhom. Fl-udjenza li kien imiss, u cioe dik tat-22 ta’ Frar 2022, il-Bord kien imbaghad kompost mill-Perit Robert Sarsero bhala c-Chairman tieghu u l-Avukat Andre Borg u Alex Zammit bhala membri. Dakinhar gie ddikjarat hekk: “Il-partijiet ma jsibu l-ebda oggezzjoni ghall-komposizzjoni gdida tat-Tribunal.”

Sussegwentement, fil-11 ta’ Marzu 2022 l-appellanti talbu r-rikuza tal-Perit Robert Sarsero permezz ta’ talba maghmula mill-Avukat taghhom Claire Bonello li kitbet hekk:

“It has just been brought to my attention that one of the said appellants Din l-Art Helwa has filed an appeal from the decision of an application of which you are the architect.  The appeal in question is PAB 476/20 from PA 4443/19. In view of the above and to ascertain the impartiality of the Tribunal, appellants humbly request that you recuse yourself from hearing and deciding on the appeal.”

Din it-talba giet michuda mit-Tribunal fid-29 ta’ Marzu 2022.

Fil-fehma ta’ din il-Qorti huma korretti l-appellati meta jargumentaw li t-talba tal-appellanti ghar-rikuza tal-Perit Robert Sarsero tressqet tardivament. Jirrizulta li l-appell dwar l-applikazzjoni l-ohra li ghaliha qed jaghmlu referenza l-appellanti, li fiha l-Perit Robert Sarsero qieghed jidher bhala l-perit tal-applikant, gie intavolat fl-2020, u cioe cirka sentejn qabel ma’ gie intavolat dan l-appell. L-appellanti tabilfors kienu jafu bl-involviment tal-Perit Robert Sarsero f’dak l-appell, ikkonsidrat li huma kienu qed jippartecipaw fih bhala terzi interessati. Ghalhekk huwa irrelevanti meta l-avukat patrocinanti taghhom saret taf b’dan kollu f’dawn il-proceduri. L-appellanti innifishom kienu jafu bl-involviment tal-Perit Robert Sarsero f’dak l-appell l-iehor u ghalhekk kien id-dmir taghhom li jinfurmaw lill-avukat patrocinanti taghhom b’dan tempestivament jekk kellhom dubbju dwar l-imparzjalita tal-Perit Sarsero. Minflok, meta l-appellanti kienu diga konsapevoli bil-partecipazzjoni tal-Perit Sarsero f’dak l-appell l-iehor, appellanti sahansitra hallew lill-avukat patrocinanti taghhom tivverbalizza li ma kellhomx oggezzjoni ghall-komposizzjoni tat-Tribunal.

Din id-dikjarazzjoni saret ghalhekk fi stadju meta l-appellanti kienu ilhom jafu dwar il-partecipazzjoni tal-Perit Sarsero fl-appell numru 476/20 sahansitra sentejn qabel l-udjenza tat-22 ta’ Frar 2022 meta saret id-dikjarazzjoni. Dan apparti illi l-appellanti kienu ilhom jafu li l-Perit Sarsero kien wiehed mill-membri tat-Tribunal f’dan l-appell sa minn Frar 2022 meta ma qajjmu l-ebda oggezzjoni fir-rigward tal-Perit Sarsero f’udjenza fejn proprju kienet qed tigi trattata l-komposizzjoni tal-Bord minhabba possibli kunflitti ta’ interess ta’ xi membri ohra, u dan minkejja li dakinhar kienu diga jafu dwar l-involviment tal-Perit Sarsero fl-appell numru 476/20. Ghaldaqstant il-Qorti tqis li l-appellanti huma marbuta bid-dikjarazzjoni li ghamlu fit-22 ta’ Frar 2022 u ma jistghux jibdlu l-posizzjoni taghhom sussegwentement. Jekk huma kellhom riservi dwar l-imparzjalita tal-Perit Sarsero kellhom jivventilaw din il-kwistjoni qabel ma ddikjaraw li ma kellhomx oggezzjoni ghall-komposizzjoni tal-Bord, u jekk naqsu milli jaghmlu dan allura imputet sibi.

IT-TNAX OSSERVAZZJONI: NUQQAS TA’ MEMBRU WIEĦED JINKWINA L-ĠUDIZZJU SĦIĦ

Nuqqas ta’ imparzjalita ta’ wieħed mill-ġudikanti fil-proċess ta’ aġġudikazzjoni jinkwina l-ġudizzju kollu meħud kollettivament.[14] B’hekk, ma jiswiex l-argument li kien hemm biżżejjed membri fil-kumplament tal-Bord li vvotaw l-istess u li, għalhekk, l-eżitu tal-vot ma kienx ser jinbidel.


[1] Artikolu 13(1) u Artikolu 63(4) tal-Kap 552

[2] Ara sentenza fl-ismijiet Emanuel sive Noel Ciantar vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u l-kjamati in kawza Ian u Rachelle konjugi Borg deċiża mill-Qorti tal-Appell fid-19 ta’ Ġunju, 2019 (Ap11/19)

[3] Ara sentenza fl-ismijiet Kunsill Lokali Pembroke, Kunsill Lokali San Giljan, Kunsill Lokali Swieqi, Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Zminijietna – Voice of the Left, Din l-Art Helwa, Flimkien Ghal Ambjent Ahjar, Alison Pullicino, Sonya Tanti, Rita Zammit, Norman Zammit, Mario Sultana, Adrian Grima, Josef Buttigieg, Stephanie Buttigieg, u Arnold Cassola  vs  L-Awtorita tal-Ippjanar  (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u  l-kjamat in kawza Silvio Debono

[4] Ara sentenza fl-ismijiet Din l-Art Helwa u Ghaqda Kulturali Wirt Naxxari, Joseph Spiteri, Matthew Vella, Maria Grech, Albert Gatt, Paul Cortis, Anthony Pavia, Karen Zammit Manduca, Julian Muscat, Anne Borg Mizzi, Greta Ellul Xuereb u Joseph Ciliberti vs L-Awtorita tal-Ippjanar u l-kjamat in kawza San Pawl tat-Targa Investments Limited deċiża mill-Qorti tal-Appell fl-10 ta’ Mejju, 2023 (Ap76/22)

[5] Ara sentenza fl-ismijiet Kunsill Lokali Pembroke, Kunsill Lokali San Giljan,  Kunsill Lokali Swieqi, Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Zminijietna – Voice of the Left, Din l-Art Helwa, Flimkien Ghal Ambjent Ahjar, Alison Pullicino, Sonya Tanti, Rita Zammit, Norman Zammit, Mario Sultana, Adrian Grima, Josef Buttigieg, Stephanie Buttigieg, u Arnold Cassola  vs  L-Awtorita tal-Ippjanar  (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u  l-kjamat in kawza Silvio Debono ghan-nom u in rapprezentanza ta’ db San Gorg Property Limited deċiża mill-Qorti tal-Appell fid-19 ta’ Ġunju 2019 (Ap9/19)

[6] Ara sentenza fl-ismijiet Kunsill Lokali Pembroke, Kunsill Lokali San Giljan,  Kunsill Lokali Swieqi, Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Zminijietna – Voice of the Left, Din l-Art Helwa, Flimkien Ghal Ambjent Ahjar, Alison Pullicino, Sonya Tanti, Rita Zammit, Norman Zammit, Mario Sultana, Adrian Grima, Josef Buttigieg, Stephanie Buttigieg, u Arnold Cassola  vs  L-Awtorita tal-Ippjanar  (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u  l-kjamat in kawza Silvio Debono ghan-nom u in rapprezentanza ta’ db San Gorg Property Limited deċiża mill-Qorti tal-Appell fid-19 ta’ Ġunju 2019 (Ap9/19)

[7] Ara sentenza fl-ismijiet L-Imħallef Dottor Carmelo sive Lino Farrugia Sacco  vs  L-Onorevoli Prim’Ministru, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali fis-27 ta’ Jannar, 2014 (Ap3/13/1)

[8] Ara sentenza fl-ismijiet Moviment Graffiti, Din l-Art Ħelwa, Friends of the Earth Malta, The Archeological Society Malta, Żminijietna – Voice of the Left, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, Green House Malta, Rota, Alison Pullicino, Sonia Tanti, Rita Zammit, Norman Zammit, Adrian Grima, Josef Buttigieg, Stephanie Buttigieg, Arnold Cassola vs L-Awtorita għall-Ambjent u Riżorsi u l-kjamat in kawża db San Gorg Property Limited deċiża mill-Qorti tal-Appell fil-11 ta’ Jannar, 2023 (Ap2/22)

[9] Ara sentenza fl-ismijiet Alfred J. Baldacchino vs Kummissarju ta’ l-Artijiet; Godfrey Leone Ganado fil-kwalita` tieghu ta’ Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta, u b’nota tas-6 ta’ April 1993 Anthony Ventura assuma l-atti tal-kawza ghan-nom u in rapprezentanza tal-Korporazzjoni Enemalta; u Direttur tax-Xoghlijiet deċiża mill-Qorti tal-Appell fit-23 ta’ Settembru, 2009 (Ap273/93/2)

[10] Ara deċiżjoni fl-ismijiet Flimkien ghall-Ambjent Ahjar kontra l-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-kjamat in kawza, Mark Portelli ghan-nom ta’ MIDI PLC mogħtija mit-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar nhar is-17 ta’ Ġunju 2020 (PAB149/19, PA9407/17)

[11] Ara sentenza fl-ismijiet Ghaqdiet non-Governattivi: Bicycle Advocacy Group; Din l-Art Helwa;  Flimkien ghal Ambjent Ahjar; Friends of the Earth Malta;  Ramblers’ Association of Malta; Green House; Moviment Graffitti; Malta Youth in Agriculture Foundation; u Ralph Cassar,  Malcolm Vella Haber, Edward Mallia, Stephen Pace,  Cristino Antonio Scerri, Adrian Mallia, u John Camilleri  vs  L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar)  u l-kjamati in kawza Infrastructure Malta u l-Awtorita ghall-Ambjent u r-Rizorsi deċiża mill-Qorti tal-Appell fit-12 ta’ Frar, 2020(Ap44/19)

[12] Ara sentenza fl-ismijiet Cefai Dr Emmanuel George v L-Awtorita tal-Ippjanar  (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u  l-kjamat in kawza Thomas Devenish deċiża mill-Qorti tal-Appell fis-16 ta’ Marzu 2022 (Ap15/2021)

[13] Ara sentenza fl-ismijiet Din l-Art Helwa u Ghaqda Kulturali Wirt Naxxari, Joseph Spiteri, Matthew Vella, Maria Grech, Albert Gatt, Paul Cortis, Anthony Pavia, Karen Zammit Manduca, Julian Muscat, Anne Borg Mizzi, Greta Ellul Xuereb u Joseph Ciliberti vs L-Awtorita tal-Ippjanar u l-kjamat in kawza San Pawl tat-Targa Investments Limited deċiża mill-Qorti tal-Appell fl-10 ta’ Mejju, 2023 (Ap76/22)

[14] Ara sentenza fl-ismijiet Kunsill Lokali Pembroke, Kunsill Lokali San Giljan,  Kunsill Lokali Swieqi, Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Zminijietna – Voice of the Left, Din l-Art Helwa, Flimkien Ghal Ambjent Ahjar, Alison Pullicino, Sonya Tanti, Rita Zammit, Norman Zammit, Mario Sultana, Adrian Grima, Josef Buttigieg, Stephanie Buttigieg, u Arnold Cassola  vs  L-Awtorita tal-Ippjanar  (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u  l-kjamat in kawza Silvio Debono ghan-nom u in rapprezentanza ta’ db San Gorg Property Limited deċiża mill-Qorti tal-Appell fid-19 ta’ Ġunju 2019 (Ap9/19)