Preċedent ifisser commitment?

Preċedent ifisser commitment?

X’RILEVANZA JISTA’ JKOLLHOM PERMESSI OĦRAJN?

Bir-raġun, bosta jistaqsu x’relevanza jista’ jkollhom permessi oħrajn, speċjalment meta dawn ikunu nħarġu fil-viċinanzi.

Ser nibda biex niddiskuti s-subartikolu 2(d) tal-Artikolu 72 tal-Kap. 552 tal-Liġijiet ta’  Malta. Dan jitlob li:

“Fid-determinazzjoni ta’ applikazzjoni għall-permess għall-iżvilupp, il-Bord tal-Ippjanar għandu jqis kull ħaġa oħra ta’ sustanza, kompriż commitments legali fil-viċin, konsiderazzjonijiet ambjentali, estetiċi u sanitarji, li l-Bord tal-Ippjanar jista’ jqis bhala rilevanti.”

Wieħed għalhekk jista’ jargumenta li, qabel xejn u fuq kollox, l-Awtorita’ għandha tqis jekk iż-żona hijiex kommessa jew le, u dan jgħodd aktar u aktar meta l-applikant innifsu jkun iċċita numru ta’ commitments fl-inħawi. Terġa’ w’ tgħid, il-commitment għandu jgħodd anke jekk l-iżvilupp jew l-użu jkun inħareġ f’qafas legali differenti stante li s-subartikolu 2(d) tal-Artikolu 72 tal-Kap. 552 tal-Liġijiet ta’  Malta jitkellem dwar ‘commitments legali fil-viċin’ u mhux gratia argumenti ‘commitments legali fil-viċin maħruġa taħt dan l-Att’.

Issa, huwa minnu li teżisti l-fehma li  l-pjanijiet u policies huma l-fondament tal-kontroll tal-Iżvilupp li fl-aħħar mill-aħħar għandhom saħħa ta’ Liġi u, għalhekk, l-Awtorita’ hija fid-dmir tikkunsidra jekk il-proposta li għandha quddiemha hix konformi mal-pjanijiet u policies li huma approvati taħt l-istess Att. Jien mhux qed nikkontesta dan. Qed ngħid biss li f’każ li hemm kunsiderazzjonijiet oħra ta’ materja jew sustanza relevanti għall-ippjanar, dawn għandhom jiġu meqjusa wkoll mill-Awtorita’ fid-determinazzjoni tal-applikazzjoni għall-permess – ovvjament,  dejjem fil-kuntest li jista’  jkun hemm dawk iċ-ċirkostanzi partikolari u fattispeċi li jirriżultaw minn kull każ speċifiku.

Il-konsegwenza ta’ dak kollu li qed ngħid hija li il-prinċipju tal-commitment ma jitlifx il-validita’ tiegħu benche l-Artikolu 72(2) tal-Kap 552 jipprovdi lill-Bord tal-Ippjanar sabiex iqis il-pjanijiet u policies kif ukoll kunsiderazzjonijiet ta’ natura regolamentari, kontestwali, estetiċi u ambjentali kif ukoll rappreżentazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet minn konsulenti esterni.

KIF TINDUNA LI HEMM COMMITMENT?

Il-liġi hija siekta. Din hi kwistjoni ta’ fatt b’element qawwi ta’ soġġettivita’. Detto dan, id-dipartenza mill-pjan jew policies, jekk ser ikun hemm, minħabba l-commitment trid  tkun fl-‘interess tal-ippjanar, ambjentali jew interess pubbliku.’[1]

Kwindi, il-mistoqsija li trid dejjem issir hija din:

Tenut kont tas-sitwazzjoni in situ kif inhi, xi gwadann ta’ ippjanar u, jew ambjentali u, jew ta’ interess pubbliku jista’ ikun hemm bid-dipartenza tal-pjan jew policy?


Kwindi, mod il-commitment ikun jifforma parti minn ‘cluster’ ta’ żvilupp jew użu simili li huwa kommess legalment fejn qed jintalab l-iżvilupp il-ġdid u mod ieħor jekk ikun inħareġ permess wieħed jew tnejn.

Fil-kawza fl-ismijiet Għaqda tar-Residenti ta’ Santa Marija Estate vs l-Awtorita’ tal-Ippjanar[2], il-Qorti tal-Appell tagħmel propju din il-puntwalizzazjoni:

“……fejn zona tkun fil-maggor parti taghha tant gia kommessa ghal zvilupp li mhux konformi ma’ policy, ligi jew pjan tant lil-izvilupp propost jekk ma jigix approvat ikun l-eccezzjoni flagranti ghal dak li jirrizulta legalment zviluppat fiz-zona ujmur kontra aspettattiva legittima u ta’ sustanza, allura f’dak il-kaz l-element tal-commitment ikun importanti ghalevalwazzjoni tal-applikazzjoni. F’kaz simili il-ligi, pjan jew policy issir biss kelma mejta li ghandha tinbidelimmedjatament mill-legislatur biex tirrispekkja z-zona jew il-parti taz-zona milquta.”

Ergo, biex ngħid li jeżisti commitment legali, irid jemerġi ċar li tali commitment qed jikkomprometti l-kuntest immedjat li jifforma parti minnu s-sit in kwistjoni u b’hekk irendi dak li jkun qed jintalab bħala ‘eċċezzjoni flagranti’ jekk dan ma jiġix approvat.

IL-PREĊEDENT JISWA BISS META M’HEMMX COMMITMENT

Mill-premess jitnissel li meta m’hemmx biżżejjed commitments legali fil-viċin, wieħed irid neċessarjament jimxi mal- pjan u l- policy. Wieħed irid għalhekk jistabilixxi kif, quddiem proposti b’fattizzi simili f’siti bl-istess karatteristiċi, liema pjanijiet u policies ġew applikati u kif dawn ġew interpretati.

Dan huwa abbazi tal-prinċipju sagrosant li argumentum simili valet in lege, u cioe’ li sakemm ma jinstabx li d-deċiżjonijiet passati ta’ l-Awtorita’ kienu bażati fuq interpretazzjoni irraġjonevoli tal-pjan jew policy, l-istess Awtorita’ ma tistax sussegwentement, quddiem proposta ġdida b’fattizzi simili f’sit bl-istess karatteristiċi kif jitnisslu mill-Pjan Lokali,  tadopera interpretazzjoni differenti ta’ dik l-istess policy. Dan huwa rifless f’numru t’insenjamenti tal-Qrati fosthom is-sentenza fl-ismijiet Emanuel Portelli pro et noe et vs Estelle Azzopardi[3]fejn ingħad hekk:

“F’sitwazzjonijiet fejn il-fatturi determinanti jixxiebħu jew huma identiċi, id-deċiżjoni għandha tkun l-istess, mhux għax qorti hija marbuta b’dak li tgħid qorti oħra iżda għax lill-istess mistoqsija għandha tingħata l-istess tweġiba.”

Kieku ma jiġrix hekk, l-Awtorita’ tkun qed tonqos u tikser il-massima ta’ legitimate expectation msejsa fuq ‘a standing practice’.   

Ergo, hawn mhux qed ngħid li permess jikkostitwixxi commitment u għalhekk għandu jinċidi fuq l-eżitu tad-determinazzjoni ta’ applikazzjoni kif dettat mill-Artikolu 72(2).

Invece, hawn qed ngħid li, f’ġieħ iċ-ċertezza legali, l-Awtorita’ ma tistax toħloq distinzjoni fl-għoti ta’ permess billi tadopera nterpretazzjoni differenti ta’ l-istess policy quddiem proposti b’ fattizzi simili f’siti bl-istess karatteristiċi.


[1] Ara deċiżjoni fl-ismijiet Colin Tonna v L-Awtorita’ tal-Ippjanar mogħtija mit-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar nhar it-30 ta’ MEjju 2023 (PA6316/21, Ap43/22JB)

[2] Ara sentenza fl-ismijiet Ghaqda tar-Residenti ta’ Santa Marija Estate vs l-Awtorita’ tal-Ippjanar deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar il-15 t’Ottubru 2020 (Appell Nru. 43/2019)

[3] Ara sentenza fl-ismijiet Emanuel Portelli pro et noe et vs Estelle Azzopardi deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar il-31 ta’ Ottubru, 2014