L-Artikolu 2107 tal- Kap 16 jgħid hekk:
‘Il-preskrizzjoni hija mod ta’ akkwist ta’ jedd b’pussess kontinwu, mhux miksur, paċifiku, pubbliku, u mhux ekwivoku, għal żmien li tgħid il-liġi’.
Dan jgħodd ukoll anke jekk m’hemmx il- buona fede. Fil-fatt, l- Artikolu 2143 jgħid hekk:
‘L-azzjonijiet kollha, reali, personali, jew misti jaqgħu bil-preskrizzjoni għeluq tlettin sena, u ebda oppożizzjoni għall-preskrizzjoni ma tista’ ssir minħabba nnuqqas ta’ titolu jew ta’ bona fidi’.
Qed ngħidu li l-preskrizzjoni tat-tletin sena ma tirrikjedi la titolu u lanqas buona fede. Timporta li bis-sempliċi pussess leġittimu għal tletin sena, il-possessur tal-ħaġa jakkwista l-proprjeta’ tal-ħaġa, u b’dan il-mod il-possessur jakkwista allura l-azzjoni biex jirrivendika dik il-ħaġa kontra kwalunkwe persuna, anki kontra l-istess proprjetarju preċedenti.
Ta’ min jgħid ukoll li l-proprjeta` ma tintilifx bin-nuqqas ta’ użu da parte tas-sid. Tintilef, invece, jekk ħaddieħor jieħu pussess tagħha u jeżerċita fuqha jedd ta’ poter għaż-żmien kollu mil-liġi stabbilit u skond il-kundizzjonijiet l-oħra preskritti mill-Artikolu 2107 tal-Kap 16. Jispetta għalhekk lil dan ħaddieħor l-oneru li jipprova r-rekwiżiti kollha tax-xorta ta’ akkwist vantat minnu. Isegwi li l-azzjoni tal-proprjetarju biex jieħu dak li huwa tiegħu ma tistax tiġi opposta b’sempliċi preskrizzjoni estintiva, imma b’dik akkwiżittiva konvolġenti l-pussess ta’ l-eċċipjent.
Naturalment dan kollu ma jgħoddx meta l-proprjeta’ tkun għandek b’tolleranza għaliex l- Artikolu 526 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘Dawk l-atti li huma biss fakultattivi jew li jitħallew li jsiru biss bil-bona grazzja ma jistgħux jiswew ta’ bażi għall-ksib tal-pussess’.