Kif jintrabtu l-aperturi mat-tema tas-servitujiet?

View Categories

Kif jintrabtu l-aperturi mat-tema tas-servitujiet?

16 min read

Fl-ewwel lok, tajjeb nidentifikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti li nsibu fil-liġi.

L-ewwel ser nitratta l-prinċipju ‘qui est dominus soli, dominus est coeli et inferorum’.[1]

L-Artikolu 323 tal-Kap 16 jgħid hekk:

Min għandu l-proprjeta` ta’ l-art, għandu wkoll dik ta’ l-arja ta’ fuqha, u ta’ dak kollu li jinsab fuq jew taħt wiċċ l-art’.

Dan id-dispost qed jgħidilna li min hu sid l-art huwa wkoll sid l-arja sovrastanti. Dan għandu jfisser li jekk f’kuntratt ta’ komprovendita’ ma jkunx hemm esklużjoni espressa, l-Artikolu 323 tal-Kap 16 joħloq preżunzjoni favur l-akkwirent bħala sid l-art u dak kollu li jinsab fuqha u taħtha. Dan huwa rifless, per eżempju, f’ dak li qalet il-Qorti tal-Appell Ċivili Superjuri fil-kawża fl-ismijiet Portelli et vs Pisani et[2] fejn ingħad illi:

‘…meta persuna tittrasferixxi proprjeta` immobbiljari t-terz in bona fede jkun qed jakkwista mhux biss is-superfiċi ta’ dik l-art jew il-benefikati li jinsabu fuqha iżda wkoll kull ħaġa li tinsab taħt dik l-art jew kull benefikat eżistenti fuqha sakemm fil-kuntratt ta’ kompra-vendita ma tiġix indikata l-estensjoni tal-proprjeta` li qed tiġi trasferita. Dan jiġri, per eżempju, fil-każ ta’ trasferimenti ta’ appartamenti li jiġu mibjugħa separatament fejn jiġi dikjarat li l-appartament in vendita huwa sottopost u sovrapost għall-proprjeta` ta’ terzi.

Daqstant, jekk l-arja tkun eskluża mill-istess trasferiment, dan għandu jiġi dikjarat fil-kuntratt, altrimenti l-akkwirent ta’ l-aħħar appartament ikun qed jakkwista wkoll l-arja eżistenti fuq dak il-blokk.

La darba ma jkunx hemm esklużjoni espressa fil-kuntratt tal-akkwist l-Artikolu 323 tal-Kap. 16 joħloq presunzjoni favur l-akkwirent li l-venditur, bħala sid l-art, huwa wkoll sid ta’ dak kollu li jinsab fuqha u taħtha u li konsegwentement it-trasferiment jikkomprendi mhux biss il-proprjeta` deskritta fil-kuntratt iżda wkoll kull ma jinsab taħt dik l-istess proprjeta`. Infatti din il-presunzjoni holqot konswetudini fis-sens li f’kuntratti ta’ trasferiment ta’ proprjeta` immobiljari qatt ma jingħad li tali trasferiment jinkludi dak kollu li jinsab taħt wiċċ l-art, proprju għax dan huwa preżunt…’

Minn dan isegwi li l-proprjeta` testendi b`mod vertikali u mhux orizzontali. Ifisser ukoll li l-iżvilupp ta` dik l-arja jrid isir b’mod li ma jkun hemm ebda invażjoni jew introspezzjoni tal-arja proprjeta` tal-ġar.

Ma jistax, għalhekk, per modo di dire il-proprjetarju tal-fond sovrastanti jonxor mit-twieqi tal-fond tiegħu għal fuq il-bitħa ta` ħaddieħor mingħajr il-kunsens ta` sid il-bitħa[3]. Iżda mhux biss. Wieħed lanqas ma jista’ jiftaħ twieqi li jħarsu fuq l-arja ta’ bitħa jew bejt tal-ġar fejn, kif għidna, sid l-art tal-bitħa jew il-bejt huwa wkoll sid l-arja sovrastanti.

L-Artikolu 425 tal-Kap 16, infatti,  jgħid hekk:

‘Ebda wieħed mill-ġirien ma jista’, mingħajr il-kunsens tal-ieħor, jagħmel twieqi jew aperturi oħra fil-ħajt diviżorju’

Issa, dan id-dispost jitkellem dwar aperturi u hitan divizorji.

Ibda biex, il-liġi tagħna ma tagħti ebda tifsira ta’ ħajt diviżorju iżda fis-sentenza fl-ismijiet Gatt vs Mintoff[4] deċiża mill-Prim’ Awla u li hija tant kwotata mill-Qrati tagħna, issir referenza ghall-Artikolu 425 tal-Kap 16 u jingħad li:

‘…mhux il-każ, almenu fis-sistema tal-liġi tagħna, li ssir ebda distinzjoni f’dan ir-rigward bejn ħajt proprju u ħajt komuni jew ħajt li jissepara żewġ edifiċji jew li jissepara dar minn fond ta’ natura oħra, jew dar minn bitħa ta’ oħra sakemm il-ħajt hu diviżorju’.

Impliċitament, hawn qed ngħidu li ħajt li jifred żewġ proprjetajiet  jibqa’ jissejjaħ ‘diviżorju’ anke jekk mhux komuni.

Kwindi, l-Artikolu 425 tal-Kap 16 qed jgħidilna ċar u tond li ma jistax isir ftuħ f’ħitan li jiddividu fond minn ieħor. Il-preżenza ta` twieqi li diġa’ jagħtu fuq il-fondi ta’ terzi bis-saħħa ta’ kuntratt ma jfissrux, għalhekk, li jistgħu jinfetħu aktar aperturi jew jiġu alterati dawk eżistenti. Jekk xejn, l-uniċi fethiet li huma permessi fil- ħajt diviżorju  huma toqob għat-travi, morselli tal- ħitan u ċaċċis tas-soqfa ladarba tali ħajt diviżorju jiġi reż komuni.

Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 443 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) Is-sid ta’ bini ma jistax jiftaħ twieqi f’bogħod ta’ anqas minn sitta u sebgħin ċentimetru mill-ħajt diviżorju.

(2) Fil-każ ta’ gallariji jew opri oħra bħalhom li joħorġu ’l barra mill-ħajt, il-bogħod meħtieġ taħt is-subartikolu (1) jitqies mil-linja ta’ barra ta’ dak il-ġenb tal-gallarija jew opra oħra maħruġa ’l barra, li tkun l-aktar qrib għall-ħajt diviżorju, sal-linja ta’ ġewwa ta’ dan il-ħajt.’

Id-distanza ta’ ‘sitta u sebgħin ċentimetru mill-ħajt diviżorju’ li jippreskrivi l-Artikolu 443 hija tassattiva, irrelevanti jekk il-ħajt ikun proprjeta` esklussiva ta’ min irid jiftaħ it-tieqa jew jibni gallarija. Din id-distanza legali mposta mil-liġi mhux soġġetta għall-ebda nterpretazzjoni u l-applikabilita` tan-norma hemm imsemmija ma tiddependix mill-preġudizzju o meno li jista` jinħoloq. Il-liġi trid kjarament li ma jinfetħux twieqi ‘f`boghod ta` anqas minn sitta u sebghin centimetru mill-hajt divizorju’ u l-ebda kunsiderazzjoni oħra m’hija permessa, u cioe` la jekk it-tieqa tħares fuq il-proprjeta` ta` min jkun fetaħha u lanqas jekk tali tieqa toħloqx xi dritt ta` introspezzjoni fuq il-ġar. Infatti, din id-distanza tapplika wkoll għal aperturi li jitħallew bi ħġieġ fiss[5] kif ukoll jekk fl-apertura jitwaħħlu grills biex ma jkunx hemm introspezzjoni.[6]

Issa, l-Artikolu 455 tal-Kap 16, imbagħad, jgħid hekk:

‘(1) Is-servitujiet huma kontinwi jew mhux kontinwi, li jidhru jew li ma jidhrux.

(2) Is-servitujiet kontinwi huma dawk li l-eżerċizzju tagħhom huwa jew jista’ jkun kontinwu mingħajr ma jkun meħtieġ fil-waqt il-fatt tal-bniedem: hekk huma l-akwedott, l-istilliċidju, il-jedd ta’ prospett, u oħrajn ta’ din ix-xorta.

(3) Is-servitujiet mhux kontinwi huma dawk li għall-eżerċizzju tagħhom hu meħtieġ fil-waqt il-fatt tal-bniedem: hekk huma s-servitujiet ta’ mogħdija, ta’ mili ta’ ilma, u oħrajn bħalhom.

(4) Is-servitujiet li jidhru huma dawk li l-eżistenza tagħhom tidher minn sinjali li jidhru, bħal bieb, tieqa, jew akwedott artifiċjali.

(5) Is-servitujiet li ma jidhrux huma dawk li m’għandhomx sinjali li jidhru tal-eżistenza tagħhom, bħal ma hija l-projbizzjoni li wieħed jibni fuq ċerta art jew li ma jibnix aktar minn ċertu għoli.’

L-Artikolu 457  tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘Is-servitujiet kontinwi u li jidhru jitnisslu –

(a) bis-saħħa ta` titolu;

(b) bil-preskrizzjoni, jekk il-fond li fuqu jig u ezercitati jista` jinkiseb bil-preskrizzjoni;

(c) bid-destinazzjoni tas-sid ta` zewg fondi.’

L-Artikolu 468  tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘Is-servitù tigi stabbilita bid-“destinazzjoni ta` sid ta` zewg fondi , meta jigi ppruvat illi z-zewg fondi, issa maqsuma, kienu tal-istess sid, u illi kien dak is-sid li qiegħed jew ħalla l-ħaga fl-istat li minnu titnissel is-servitù.’

L-Artikolu 469 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) Is-servitujiet kontinwi li ma jkunux jidhru, u s-servitujiet mhux kontinwi, ikunu jew ma jkunux jidhru, jistgħu biss jigu stabbiliti b`saħħa ta` titolu huma ma jistgħux jigu stabbiliti bil-preskrizzjoni jew bid-destinazzjoni ta` sid ta` zewg fondi.

(2) B`danakollu, is-servitù ta` mogħdija għall-uzu ta` fond tista` tinkiseb bil-preskrizzjoni ta` tletin sena, jekk dan il-fond ma jkollux ħrug iehor fuq it-triq pubblika u kull servitù oħra li, fil-11 ta` Frar, 1870, kienet ga miksuba taħt ligijiet ta` qabel, ma tistax tigi attakkata.’

L-Artikolu 474  tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) Is-sid tal-fond serventi ma jista’ jagħmel xejn li jista’ jnaqqas l-użu tas-servitù jew li jagħmel li dan l-użu jkun ta’ xkiel akbar. Hu ma jistax ibiddel il-kondizzjoni tal-fond, lanqas ma jista’jiddestina għall-eżerċizzju tas-servitù parti oħra tal-fond diversa minn dik li fiha s-servitù kienet ġiet stabbilita fil-bidu.

(2) Iżda, jekk l-eżerċizzju tas-servitù fil-parti jew fuq il-parti tal-fond li fil-bidu tkun ġiet iddestinata jsir ta’ xkiel akbar għas-sid tal-fond serventi, jew jekk dan is-sid ma jkunx jista’ minħabba dan l-eżerċizzju jagħmel xogħlijiet, tiswijiet jew miljoramenti fil-fond tiegħu, hu jista’ joffri lil sid il-fond dominanti parti oħra xorta waħda tajba għall-eżerċizzju tas-servitù, u dan ma jistax jirrifjutaha.

(3) It-tibdil tal-parti tal-fond iddestinata għall-eżerċizzju tas-servitù jista’ wkoll isir fuq talba tas-sid tal-fond dominanti, jekk hu jipprova li dan it-tibdil huwa għalih ta’ ġid kbir, u ma hu ta’ ebda ħsara għall-fond serventi.’

L-Artikolu 475  tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘Kull min għandu jedd ta’ servitu’ għandu jinqeda b’dan il-jedd skond it-titolu tiegħu, u ma jista’ jagħmel la fil-fond servjenti u lanqas fil-fond dominanti ebda tibdil li jista’ jtaqqal iżjed il-piż tal-fond serventi.’

L-Artikolu 2115 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘(1) Il-preskrizzjoni tolqot il-jeddijiet u l-azzjonijiet li jmissu lil kull persuna, istitut, jew korp morali, bla distinzjoni, kif ukoll il-beni suggetti għal fedekommess.

(2) Izda, l-eccezzjoni tal-preskrizzjoni ma tistax tingħata kontra jeddijiet u azzjonijiet li jmissu lill-Gvern ta` Malta, ħlief fil-kaz ijiet imsemmijin fl-artikoli 2149, 2153, 2154, 2155 u 2156.’

Minn dan kollu jitnissel li tieqa tifforma parti mill-familja ta’ ‘servitujiet kontinwi u li jidhru’  u għalhekk, in bażi ta’  l-Artikolu 457, tali servitu’ jista’  jiġi stabbilit b`saħħa ta` titolu, bid-destinazzjoni tas-sid ta’ żewġ fondi, jew  bil-preskrizzjoni ta’ 30 sena.

Detto cio’, dwar it-tgawdija ta’ 30 sena, jew aħjar il-preskrizzjoni, hemm bosta ħwejjeġ oħra x’jintqalu għaliex mhux kull fetħa tikkwalifika għal preskrizzjoni. Infatti, fil-każ ta’ ‘rewwieħat’, għal kuntrarju ta’ twieqi, it-trapass ta’ żmien ma jistax iservi għall-akkwist ta’ servitu’. 

Tqum għalhekk il-mistoqsija loġika: x’jikkwalifika rewwieħa minn tieqa?

Għal din il-mistoqsija ma hemmx twegiba wahda ghalkemm ikun utili jekk inħarsu x’qalu l-Qrati dwar tali materja.

Per eżempju, il- Qrati rritenew li ‘ghax forsi jista’ jghaddi tifel ta’ eta’ ta’ struttura medja, ma jfissirx li l-apertura hi tieqa u mhux rewwieha’.[7]

Il-Qrati qalu wkoll li l-presenza ta’ ċaċċis ma jfissirx neċessarjament li l-apertura hi tieqa.[8]

Fis-sentenza fl-ismijiet Micallef vs Muscat[9] , il-Qorti, imbaghad, qalet hekk:

‘Illi huwa tajjeb li jinghad li l-aperturi fil-hitan divizorji jistghu jkunu jew dawk li komunemenet jissejhu twieqi (`luci`) jew dawk li volgarment jissejhu rewwiehat (`ventiere`). Generalment is-servizz taghhom jiddeterminahom, imma ma hux dejjem facli li jinghad liema apertura tista` tigi kwalifikata tieqa, u liema rewwieha. Jekk bniedem jipprocedi razzjonalment, jista` jinghad li jekk l-apertura tkun ta` daqs bizzejjed biex jidhol id-dawl minnha u sabiex iddawwal l-ambjent li ghalih taghti, u tkun qieghda f` certa altezza mal-pareti ta` l-istess ambjent, ghandha latitudni li tkun klassifikata tieqa, li tissupponi anki l-prospett; mentri jekk id-dimensjonijiet taghha jkunu zghar hafna u f` pozizzjonijiet fil-pareti fejn il-prospett huwa difficli u wisq malgevoli, generalment taqa` taht il-klassifika ta` rewwieha, li certament ma hijiex intiza ghall-prospett. Huwa ghalhekk li mentri t-twieqi jikkostitwixxu b` konvenzjoni, bil-preskrizzjoni jew bid-destinazzjoni tal-missier tal-familja, servitu`, ir-rewwiehat ma jikkostitwixxu qatt servitu’’.

Sentenza oħra rilevanti fil-kuntest ta’ x’jiddistingwi tieqa minn rewwieha hija dik fl-ismijiet Borg vs D`Anastasi et[10] fejn ingħad:

‘Huwa necessarju li jigu ezaminati u studjati sew in-natura, d-daqs, il-forma, il-pozizzjoni, l-origini u l-funzjoni taz-zewg aperturi in kwistjoni. Dan ghandu jsir fid-dawl tad-disposizzjonijiet tal-art 462 (425) u ohrajn konnessi tal-Kodici Civili u tal-gurisprudenza antika u kostanti in materia li giet ezaminata mill-Qorti. L-ewwel wahda minn dawn iz-zewg aperturi tinsab faccata tal-entrata tal-attur, hija gholja xi tmien piedi mill-art u ta` dimensjoni ta` xi hames jew sitt pulzieri wisa` bl-istess tul, mentri hija fonda xi zewg piedi u nofs daqs il-hxuna tal-hajt divizorju tal-kantun antik. It-tieni apertura qeghda hafna izjed fil-baxx max-xellug tal-hajt divizorju ghal min ihares minn naha tal-bitha tal-attur ; hija biss xi erba` piedi ghola mill-art u hija xi erba` pulzieri b` erba` pulzieri fid-dimensjoni taghha. Minhabba l-apparenza esterna, dimensjonijiet wisq ckejkin u pozizzjoni tal-aperturi in kwistjoni, mill-qtugh rozz u irregolari taghhom, u nuqqas ta` injam u cassis li huwa solitu fit-twieqi, ma jezisti ebda dubju li l-aperturi in kwistjoni huma effettivament rewwiehat u mhux twieqi. ….ir-rewwiehat idumu kemm idumu jrewwhu ma jistghu qatt jikkostitwixxu servitu u ghalhekk l-antikita` taghhom guridikament ma zzidilhom xejn…’

Sentenza oħra dwar l-istess tema hija dik fl-ismijiet Galea vs Fenech[11] fejn ingħad hekk:

‘Li fil-ligi taghna (art. 462 tal-Kodici Civili), huwa espressament dispost li ebda wiehed mill-girien ma jista` minghajr il-kunsens ta` l-iehor, jaghmel twieqi jew aperturi ohra fil-hajt divizorju. Izda huwa lilu permess li jiftah dawk l-aperturi maghrufa fil-gurisprudenza bhala rewwihiet, li ma jikkostitwixxu ebda servitu` prediali, basta li l-apertura ma tkunx tal-estensjoni ta`tieqa.

Li mid-dispozizzjoni li ghamel dwar il-ftuh tat-twieqi fil-hitan divizorji, il-legislatur jidher li ried jevita l-inkonvenjent tal-introspezzjoni, u fl-istess hin ried isalva f` certi limiti l-ingress tad-dawl u l-arja fl-istabili konfinati’.

Sentenza, din id-darba pjuttost riċenti, li titkelem dwar twieqi u  rewwieħat hija dik fl-ismijiet Zahra et vs Sacco,[12] fejn, tista’ tgħid, ġew ribaditi l-prinċipji fuq enunċjati. Ingħad hekk:

‘L-aperturi fil-hitan divizorji jistghu jkunu jew twieqi (luci) jew rewwiehat (ventiere). Taghzel wahda minn ohra skond l-uzu u s-servizz li jaghtu. Mhux dejjem facli li tghid liema apertura tista` tikkwalifika bhala tieqa u liema bhala rewwieha. Jekk pero` bniedem jipprocedi razzjonalment, jista` jinghad li jekk l-apertura tkun ta` daqs bizzejjed biex jidhol id-dawl minnha, sabiex idawwal l-ambjent li ghalih taghti, u tkun f`qaghda jew f`gholi fil-kuntest tal-ambjenti fejn tkun tinsab, allura tkun timmerita l-klassifika ta` tieqa li tinkorpora anke prospett ; mentri jekk id-daqs taghha jkun zghir hafna u f`posizzjoni fil-hajt fejn il-prospett huwa difficli allura dik il-fetha taqa` fil-klassifika ta` rewwieha ghax certament ma tkunx ghall-prospett’.

Fuq l-evalwazzjoni ta’ dawn is-sentenzi fil-kumpless tagħhom, bħal donnu wieħed jista’ jikkonkludi li rewwieħa hi apertura li m’hix intiża biex titfa` dawl naturali fil-kamra iżda invece l-ħsieb warajha huwa l-arja jew ventilazzjoni (ergo mhux dawl). Twieqi, mill-banda l-oħra, huma ntiżi wkoll għad-dawl apparti l-ventilazzjoni.

Interessanti wkoll il-pożizzjoni legali dwar tieqa f’ħajt diviżorju li jagħti għal fuq art jew spazju ta’ terzi li ghadu mhux mibni jew żviluppat. Hawnhekk ukoll għandna sitwazzjoni simili għal dik tar-rewwieħat stante dak li jkun ma jistax jirreklama servitu’ peress li, f’tali ċirkostanzi, l-apertura, irrispettivament mid-daqs,  tkun meqjusa sofferenza prekarja sakemm l-art jew spazju jibqgħu mhux mibnija.  Infatti, fis-sentenza fl-ismijiet  Xuereb Montebello et vs Magri et.,[13] il-Qorti tal-Appell qalet hekk:

‘Hu ormai paċifiku fil-ġurisprudenza Maltija illi l-eżistenza ta` tieqa miftuħa fil-fond proprju għal fuq art jew spazju mhux mibni ta` ħaddieħor ma hix servitu`, imma sofferenza prekarja sakemm l-art jew spazju jibqgħu mhux mibnija ; u sid dina l-art jew spazju jista` jibni u jimmura t-tieqa ammenokke` sid il-fond li fih hi miftuħa t-tieqa ma jipprovax, mhux is-sempliċi servitu’ luminum, imma jew is-servitu’ ne luminibus officiatur jew is-servitu’ altius non tollendi. Dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu akkwistati bil-preskrizzjoni imma jeħtieġilhom titolu (art 506(1) (art 469(1) tal-kodici Civili)’.

Ta’ interess hija wkoll is-sitwazzjoni legali meta tieqa tkun fil-ħajt tal-faċċata fuq barra.

L-Artikolu 426 tal-Kap 16 jgħid hekk:

‘Meta s-sulari ta’ dar ikunu ta’ diversi sidien, kull wieħed mis-sidien jista’, fil-ħajt ta’ barra tas-sular tiegħu, jagħmel gallariji, twieqi, bibien jew aperturi oħra, basta li b’daqshekk ma tiġix imnaqqsa s-saħħa ta’ dak il-ħajt’.

Hawnhekk, l-Artikolu 426 jitkellem dwar ħajt ta’ barra [fit-test Ingliż external wall] tal-binja u  jagħti l-fakolta’ li jinfetħu aperturi w gallariji f’ tali ħitan. Issa, l-Qrati nostrani kostantement irritenew li ħitan ‘ta’ barra’ huma speċifikament dawk li jikkonfinaw triq pubblika u mhux ħitan li jagħtu għal fuq side curtilage jew parapett ta’ terzi ‘il ġewwa mit-triq. Infatti, fis-sentenza fl-ismijiet  Zammit Lupi et v Ripard et.[14] jingħad hekk dwar is-sinnifikat ta’ ‘ħajt ta’ barra’ fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 426:

‘…..Il-“hajt ta’ barra” huwa dak il-hajt li jaghti ghat-triq pubblika, filwaqt li l-hajt divizorju, huwa dak il-hajt li jiddividi proprjeta’ minn ohra, u f’dak il-hajt divizorju, anke jekk mhux komuni (ara “Gatt vs Mintoff” deciza minn din il-Qorti fit-3 ta’ Dicembru, 1999) ma jistghu jinfethu ebda twieqi jew aperturi ohra.Dan il-punt gie diskuss mill-Onorabbli Qorti tal-Appell fil-kawza “Cutajar vs Buttigieg”, deciza fl-24 ta’ Frar, 1989, fejn gie enfasizzat li l-permess biex jinfethu twieqi moghti bil-ligi fl-artikolu 426 tal-kodici civili japplika ghall-hajt ta’ barra u mhux ukoll ghall-hitan l-ohra li jaghtu ghall-proprjeta’ ta’ terzi. Dan il-punt kompla jigi enfasizzat mill istess Onorabbli Qorti tal-Appell fil-kawza “Sultana vs Cassar”, deciza fl-4 ta’ Frar, 1992, fejn intqal li l-artikolu 426 tal-Kodici Civili ma jaghtix fakolta’ lill-persuna tiftah gallerija li taghti ghal fuq il-parapett tal-attur, anke jekk dak il-parapett ikun imiss mat-triq.’


[1] min ghandu l-proprjeta’ ta’ l-art ghandu ukoll il-proprjeta’ ta’ l-ispazju sovrastanti

[2] Ara sentenza fl-ismijiet Francis Portelli et vs Stanislaw Pisani et mogħtija mill-Qorti tal-Appell fl-24 ta’ Settembru 2004

[3] Ara sentenza fl-ismijiet Francis Apap vs Michael Galea mogħtija mill-Qorti ta` l-Appell nhar l-24 ta` Marzu 1975

[4] Ara sentenza fl-ismijiet Gatt vs Mintoff mogħtija mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili nhar it-3 ta’ Diċembru 1999

[5] Ara sentenza fl-ismijiet Alfred Mizzi et. vs Warren Attard mogħtija mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili nhar il- 8 ta’ Marzu 2012

[6]  Ara sentenza fl-ismijiet George Shaw vs Marcus Bonello mogħtija mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili nhar it-28 ta` April 2014.

[7] Ara sentenza fl-ismijiet Micallef vs Muscat mogħtija mill- Qorti ta’ l- Appell nhar il-5 ta’ Ġunju 1950

[8] Ibid.

[9] Ara sentenza fl-ismijiet Angelo Micallef vs Giuseppe Muscat mogħtija mill-Prim’ Awla nhar il-5 ta` Ġunju 1950

[10] Ara sentenza fl-ismijiet Francesco Borg vs Giuseppa D`Anastasi et mogħtija mill-Prim’ Awla nhar l-14 ta` Awwissu 1967

[11] Ara sentenza fl-ismijiet Annunziata Galea vs Antonio Fenech mogħtija mill-Prim’ Awla nhar it-2 ta` Diċembru 1964,

[12] Ara sentenza fl-ismijiet Jane Zahra et vs Rita Sacco mogħtija mill-Prim’ Awla nhar il-15 ta` Diċembru 2009

[13] Ara sentenza fl-ismijiet Annetto Xuereb Montebello et vs Paolina Magri et. mogħtija mill-Qorti tal-Appell nhar id-19 ta` Ġunju 1953

[14] Ara sentenza fl-ismijiet Maria Concetta Zammit Lupi et v Maggur Peter Paul Ripard et mogħtija mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili nhar it-30 ta’ Ottubru 2003 u konfermata mill-Qorti ta’ l-Appell nhar it-3 ta’ Novembru 2006