L-Artikolu 427 tal-Kap 16 jgħid hekk:
‘(1) Dak li min fil-bini tiegħu għandu taraġ li jieħu għall-bejt, għandu jgħolli, spejjeż tiegħu, il-ħajt diviżorju sa metru u tmenin ċentimetru mil-livell tal-bejt.
(2) Il-biċċa tal-ħajt li tiżdied ’il fuq mil-livell tal-bejt għandha tkun tal-istess ħxuna tal-ħajt diviżorju minn dak il-livell ’l isfel.
(3) Jekk kull wieħed miż-żewġ ġirien għandu taraġ li jieħu għall-bejt tiegħu, kull wieħed minnhom jista’ jġiegħel lill-ieħor joħroġ in-nofs tal-ispiża meħtieġa biex jitgħolla l-ħajt diviżorju, kif jingħad hawn fuq’
Qari ta’ dan l-Artikolu 427 isib li l-ħames (5) elementi li għandhom jiġu mħarsa huma:
- li s-sid ikollu bejt (inkluż setaħ);
- li jitla’ jew jista’ jitla’ għalih b’taraġ, jew, kif ingħad f’għadd ta’ sentenzi, b’modi oħra ta’ aċċess li jirrendu t-tlugħ fuq dak il-bejt jew setaħ mhux wieħed diffiċli jew skabruż;[1]
- li l-ħajt għandu jitgħolla sa metru u tmenin ċentimetru ’l fuq minn wiċċ il-bejt jew setaħ tal-post l-iżjed għoli;
- li l-ħajt li jittella’ għandu jkun ta’ l-istess ħxuna tal-ħajt li fuqu jittella’;[2] u
- li dan jittella’ bi spejjeż tas-sid tal-post l-iżjed għoli, sakemm is-sidien taż-żewg postijiet ma jkollhomx bejt jew setaħ li t-tnejn jitilgħu għalih b’taraġ jew mezz ieħor ta’ aċċess kif ingħad u li jkunu, bejn wieħed u ieħor fl-istess livell[3], f’liema każ l-ispejjeż għat-tlugħ tal-ħajt jinqasmu bejniethom.
[1] Ara sentenza fl-ismijiet Josephine Fenech et vs John Grima et mogħtija mill-Prim’Awla fl-14 ta’ Novembru 2002 u sentenza fl-ismijiet Maria Ċini vs Lucia Saliba et mogħtija mill-Qorti tal-Appell fit-30 ta’ Ġunju 2010
[2] Artikolu 427(2) tal-Kap 16
[3] Artikolu 427(2) moqri flimkien mal-Artikolu 421 tal-Kap 16