L-Artikolu 439 tal-Kap 16, infatti, jipprovdi hekk:
‘Ħadd ma jista’ jħaffer fil-fond tiegħu bjar, ġwiebi, jew latrini, jew jagħmel tħaffir ieħor għal kull ħsieb li jkun, f’bogħod ta’ anqas minn sitta u sebgħin ċentimetru mill-ħajt diviżorju’.
L- Artikolu 439 ukoll huwa kategoriku fis-sens li jipprojbixxi li jsir tħaffir f’distanza ta’ 76cm minn ħajt diviżorju, komuni u mhux. Fi kliem ieħor, il-viċin għandu dejjem id-dritt jitlob li tiġi osservata din id-distanza anke jekk ma jippruvax danni. Kwindi, dan id-divjet huwa assolut u huwa rrilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu li bit-tħaffir ma saritx ħsara lil ħajt diviżorju. Il-liġi hija ċara u għalhekk ma tħalli ebda lok għal interpretazzjoni. Addirittura, anke jekk l-art tikkonsisti f’ħamrija, il-Qrati qalu li dan huwa meqjus “tħaffir” li ma jistax isir skont il-liġi. Infatti, fis-sentenza fl-ismijiet Mangion vs Borg[1] ntqal hekk:
‘l-artikolu 476 (illum 439) jistabilixxi f’termini generali a rigward ta’ kull speci ta’ fond id-distanza li ghandha tigi osservata fi kwalunkwe thaffir, ikun x’ikun l-oggett ta’ dak it-thaffir’.
Ergo, dan id-dispost huwa ċar. Addirittura, kien hemm sitwazzjonijiet fejn dak li jkun baqa’ għaddej bit-tħaffir fil-plot tiegħu, bena, u l-Qorti ordnatlu, fi stadju wara li jintrama’ shutter ta’ 76cm ‘il barra mil-linja medjana, biex il-parti skavata kontra l-liġi timtela’ bil-konkos biex b’hekk id-distanza ta’ 76 ċentimetru tkun rispettata mill-ġdid.[2]
Per di piu’, il-Qrati lanqas għalqu għajnejhom quddiem sitwazzjonijiet fejn kien ben ċar li l-ħajt diviżorju kien ser jissaħħah jekk il-blat jitħaffer fiż-żewġ piedi u nofs biex isir underpinning bil-konkos taħt l-istess diviżorju, soluzzjoni, din, li fil-każ Carmel u Maryanne konjugi Agius vs Gozo Consolidated Building Contractors Ltd u Ignatius Attard[3] kienet addirittura proposta mill-perit tekniku maħtur mill-Qorti. F’dan il-kaz, l-imhallef Anthony Ellul baqa’ jinsisti li d-distanza ta’ 76 ċentimetru fil-blat trid tibqa’ rispettata ghaliex, altrimenti, il-ligi tkun saret ghal xejn.
[1] Ara sentenza fl-ismijiet Mangion vs Borg mogħtija mill-Prim’ Awla nhar it-3 ta’ Frar, 1983
[2] Ara sentenza fl-ismijiet A&N Properties Limited C 9601 u Vassallo Builders Group Limited C 2448 vs Charles Busuttil deċiża mill-Prim’Awla nhar id-29 ta’ Frar, 2012 (Cit Nru. 763/2009).
[3] Ara sentenza fl-ismijiet Carmel u Maryanne konjugi Agius vs Gozo Consolidated Building Contractors Ltd u Ignatius Attard deċiża mill-Prim’Awla fl-14 ta’ Dicembru, 2007 (Cit 176/00/1)