Kemm huwa possibli li sid jirkupra r-raba’ mqabbla jekk għandu bżonnha personalment?

Kemm huwa possibli li sid jirkupra r-raba’ mqabbla jekk għandu bżonnha personalment?

L-Artikolu 4(2)(a) tal-Kap 199  jistipula li sid jista’ jieħu lura r-raba’ mqabbla jekk ‘jeħtieġ ir-raba’ biex jiġi wżat għal skopijiet agrikoli minnu personalment jew minn xi membru tal-familja personalment għal perijodu ta’ mhux anqas minn erba’ snin konsekuttivi li jibdew minnufih wara d-data tat-terminazzjoni’.

Hawnhekk, tajjeb li nifmhu wkoll x’implikazzjonijiet għandhom il- kliem ‘jeħtieġ ir-raba’ biex jiġi wżat għal skopijiet agrikoli minnu personalment jew minn xi membru tal-familja personalment’. Fil-każistika nsibu li dan il-kliem ifisser appuntu li r-raba’ m’għadux parti mportanti għall-għixien tal-kerrej u s-sid jeħtieġ dik ir-raba’ għall- bżonnijiet tiegħu.  Dan ifisser illi:

•       Ir-ripreża trid tkun meħtieġa għal skopijiet agrikoli – Il-Bord irid allura jkun sodisfatt illi s-sid tar-raba’ kien jeħtieġu biex jiġi wżat għal skopijiet agrikoli minnu personalment jew minn xi membru tal-familja personalment. Din il-prova ssir qabel kollox u fl-ewwel lok;

•       Sid il-kera irid juri li se juża r-raba’ personalment jew li dir-raba’ se tiġi wżata minn xi membru tal-familja tiegħu personalment – Biex jilqa’ għal dan, il-kerrej b’hekk jeħtieġ jipprova li r-raba’ in kwistjoni kien parti mportanti ta’ għixien tiegħu  tal-familja tiegħu;

•       Il-Bord għandu imbagħad jinduċi l-eżami komparattiv li l-liġi teżiġi biex ikun sodisfatt li l-kerrej kien ser ibati aktar minn sid il-kera jekk ir-rikors jiġi milqugħ. Dan l-eżami jinvolvi żewġ stadji:

(ii)         il-Bord jara jekk id-dħul mir-raba’ jikkostitwix fonti mportanti għall-għixien ta’ l-inkwilin, u

(iii)        f’każ affermattiv il-Bord irid imbagħad jiżen il-hardship rispettiv tal-partijiet u jara min minnhom jista’ jbati l-iktar jekk it-talba tiġi aċċettata nkella rifjutata.

B’dana kollu qed ngħidu li l- Bord irid jissodisfa ruħu li r-raba’ tikkostitwixxi l-fonti prinċipali għall-għixien tal- bidwi u mhux sempliċiment fonti ieħor tal-għixien tiegħu u tal-membri tal-familja tiegħu. Għaldaqstant, il-kliem ‘importanti għall-għixien’ ma jfissrux sempliċiment fonti ta’ dħul,  fis-sens ili jekk jonqos dak id-dħul, il-mezzi ta’ l-għixien ta’ l-inkwiln ser ikunu markament preġudikati iżda l-preġudizzju irid ikun determinanti u,jew vitali.