Jista’ t-Tribunal jipprovdi fuq xi ħaġa li mhix opposta?

Jista’ t-Tribunal jipprovdi fuq xi ħaġa li mhix opposta?

Huwa prinċipju sagrosant li Tribunal ma jistax jemetti ġudizzju fuq xi ħaġa mhix rikjesta jew difiża mhix opposta. Jekk iseħħ dan, jiġi li l-ġudikant ikun qed jindaħal fil-poter dispożittiv tal-partijiet billi jaltera jew iżid elementi mal-petitum u l-causa petendi ta’ l-azzjoni, jew mad-difiża (f’dal-każ l-Awtorita’) għaliha, u b’hekk jattribwixxi jew jinnega, skond il-każ, lil xi wieħed mill-partijiet oġġett divers minn dak rikjest jew kompriż fid-domanda jew fl-eċċezzjoni.

Dan il-prinċipju huwa ben artikolat fis-sentenza fl-ismijiet Jean Paul Busuttil vs L-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar[1], fejn il-Qorti qalet hekk:

‘ Il-parametri tal-poteri tat-Tribunal u tal-Qorti huma cari. It-Tribunal obbligat jikkunsidra l-aggravji kollha ta’ sustanza li jistghu jkollhom effett ghad-decizjoni pero ma ghandux hu idahhal aggravji li ma jitqajmux mill-partijiet. Wisq anqas ghandha l-Qorti tiehu konjizzjoni ta’ aggravji li ma kienux tqajmu b’mod esplicitu quddiem it-Tribunal.’

Hawn qed ngħid ċar u tond li Tribunal irid jiddeċiedi dwar dak li għandu quddiemu u mhux dwar dak li, f’għajnejh, jidher li jista’ jkun opportun biex il-ġudizzju jkun ‘aħjar’.

Hawnhekk jiġini f’moħħi l-każ fl-ismijiet SC Hire Services vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u l-kjamat in kawza Francis Vella[2]  fejn l-aggravju ta’ l-appellant  kien jikkonsisti filli minkejja li, skont hu (l-appellant), kienu jeżistu ċ-ċirkostanzi msemmija fit-Tmien Skeda (f’dan il-każ kategorija B) tal-Kap 504 biex jingħata konċessjoni minn ordni ta’ enforzar, l-Awtorita’ ċaħditlu dik it-talba. It-Tribunal, min-naħa tiegħu, pero, ma tax tweġiba dwar jekk l-appellant kellux raġun jgħid hekk. Invece, it-Tribunal sejjes id-deċiżjoni tiegħu fuq il-pretest li  appell ikun jagħmel sens meta hemm permess ta’ żvilupp u, jew sanzjonar ta’ żvilupp illegali – ħaġa, li l-appellant ma talabx li ssir indaġini dwarha. Bir-raġun, il-Qorti irrevokat id-deċiżjoni tat-Tribunal.

Ipotetikament, dawn ir-riljevi jibqgħu jgħoddu, ammenoke, it-Tribunal ma jkollux quddiemu kwistjoni ta’ ordni pubbliku u l-istess Tribunal, kif obligat jagħmel,  jirrileva tali kwistjoni ex officio billi jagħti ċans lill-partijiet jesprimu ruħhom fuq tali materja qabel imur għad-deċiżjoni. Ergo, hawn qed ngħid li jista’ jkollok sitwazzjonijiet fejn it-Tribunal isib ruħu f’pożizzjoni li jidhirlu li tapplika policy li lanqas biss ikunu ħolmu dwarha l-partijiet. Biex inkun għidt kollox, pero’, ma naf bl-ebda każ fejn it-Tribunal issospenda l-prolazzjoni ta’ deċiżjoni biex jistieden lill-partijiet jiddibattu dwar xi pjan, policy jew liġi li l-partijiet ma jkunux semmew qabel fil-process.


[1] Ara sentenza fl-ismijiet Jean Paul Busuttil vs L-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar il-11 ta’ Diċembru 2014 (Ap180/12)

[2] Ara sentenza fl-ismijiet SC Hire Services vs  L-Awtorita tal-Ippjanar  (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u  l-kjamat in kawza Francis Vella deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar is-16 ta’ Mejju, 2019 (Ap6/19)