Jista’ sid jieħu lura art mogħtija bil- qbiela?

View Categories

Jista’ sid jieħu lura art mogħtija bil- qbiela?

8 min read

Meta sid il-kera jkun irid jieħu lura l-pussess ta’ xi raba’, jekk il-kerrej ma jkunx ftiehem bil-miktub kemm dwar it-tmiem tal-lokazzjoni u kemm dwar il-kumpens dovut, huwa għandu japplika lill-Bord permezz ta’ rikors li jkun fih –

(a)        Raġunijiet dettaljati l-għala jrid jieħu lura l-pussess, u

(b)        Talba għal-likwidazzjoni  ta’  kull  kumpens  li  jkollu jitħallas.

Ir-rikors għandu  jiġi  ppreżentat  mhux  aktar  tard  minn  tliet  xhur  qabel  id-data  li fiha tagħlaq il-kirja. Detto dan, meta  xi  kirja  bħal  dik  ma  tagħlaqx  fil-15  ta’  Awwissu ta’ xi sena, ebda deċiżjoni li tapprova dak it-teħid lura ta’ pussess ma għandha sseħħ qabel il-15 ta’ Awwissu li jiġi wara d-data tat-terminazzjoni tal-kirja korrenti.

Issa, ir-raġunijiet li jistgħu iwasslu sabiex sid jieħu lura art mogħtija bil- qbiela insibuhom fl-Artikolu 4 tal-Kap 199.

L-Artikolu 4 tal-Kap 199 jgħid hekk:

‘(1) Bla ħsara tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, meta sid il-kera jkun irid jieħu lura l-pussess ta’ xi raba’, jekk il-kerrej ma jkunx ftiehem bil-miktub kemm dwar it-tmiem tal-lokazzjoni u kemm dwar il-kumpens dovut, huwa għandu japplika lill-Bord permezz ta’ rikors li jkun fih – (a) raġunijiet dettaljati l-għala jrid jieħu lura l-pussess, u (b) talba  għal-likwidazzjoni  ta’  kull  kumpens  li  jkollu jitħallas skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ,u jiġi ippreżentat mhux aktar tard minn tliet xhur qabel id-data li fiha tagħlaq il-kirja:

Iżda, meta xi kirja bħal dik ma tagħlaqx fil-15 ta’ Awissuta’ xi sena, ebda deċiżjoni li tapprova dak it-teħid lura ta’ pussess ma għandha sseħħ qabel il-15 ta’ Awissu li jiġi wara d-data tat-terminazzjoni tal-kirja korrenti.

(2) Il-Bord  jilqa’  r-rikors  ta’  sid  il-kera  jekk  sid  il-kera jipprova li –

(a) jeħtieġ ir-raba’ biex jiġi wżat għal skopijiet agrikoli minnu personalment jew minn xi membru tal-familja personalment għal perijodu ta’ mhux anqas minn erba’ snin konsekuttivi li jibdew minnufih wara d-data tat-terminazzjoni; jew

(b) jeħtieġ  ir-raba’,  basta  ma  jkunx  raba’  saqwi,  għall-kostruzzjoni fuqu ta’ bini għal skopijiet ta’ residenza, negozju jew industrjali; jew

(c) ir-raba’ jkun ġie sullokat jew il-kirja tiegħu tkun ġiet trasferita  mingħajr  il-kunsens  ta’  sid  il-kera  lil  xi oħra li ma tkunx xi kerrej ieħor tal-istess raba’ jew membru tal-familja; jew

(d) matul  is-sentejn  minnufih  qabel  id-data  tat-terminazzjoni,  l-għalqa  tħalliet  ma  tinħadimx  għal mill-anqas  tnax-il  xahar  konsekuttivi  skont  il-kalendarju; jew

(e) matul  is-sentejn  minnufih  qabel  id-data  tat-terminazzjoni, il-kerrej ikun naqas, relattivament għal żewġ  perijodi  jew  iżjed,  li  jħallas  il-kera,  f’kull okkażjoni, fi żmien ħmistax-il ġurnata mill-ġurnata li fiha sid il-kera jkun talbu bil-miktub biex iħallas; jew

(f) matul  is-sentejn  minnufih  qabel  id-data  tat-terminazzjoni,  il-kerrej,  li  jkun  marbut  li  jsewwi  u jżomm fi stat tajjeb il-ħitan tar-raba’, naqas li jwettaq dak  l-obbligu  jew  abitwalment  naqas  li  jħares  xi kondizzjoni oħra tal-kirja jew deliberatament jew bi traskuraġni kkaġuna jew ħalla li tiġi kaġunata ħsara, ħlief ħsara ta’ importanza żgħira, f’xi siġar tal-frott fir-raba’:

Iżda  ċ-ċirkostanza  msemmija  fil-paragrafu  (a)  ma  tkunx raġuni biżżejjed biex jiġi milqugħ ir-rikors ta’ sid il-kera, jekk il-kerrej jipprova li r-raba’ in kwistjoni jkun fonti importanti tal-għajxien tiegħu u tal-familja tiegħu u jekk il-Bord ikun sodisfatt lil-kerrej ibati aktar minn sid il-kera jekk ir-rikors jiġi milqugħ:

Iżda wkoll meta r-raba’ jinkludi razzett li jkun użat mill-kerrej bħala l-uniku post ta’ residenza tiegħu u tal-familja tiegħu, iċ-ċirkostanza msemmija taħt il-paragrafu (b) ma għandhiex tkun raġuni biżżejjed biex jiġi milqugħ ir-rikors ta’ sid il-kera sakemm il-kerrej ma jitħalliex iżomm dak ir-razzett bil-kera stabbilita mill-Bord li ma teċċedix tnejn fil-mija (2%) fis-sena tal-valur liberu u frank tar-razzett fis-suq miftuħ, u taħt kondizzjonijiet ġodda, inkluż kondizzjonijiet dwar żiediet gradwali, li jista’ jistabbilixxi l-Bord fir-rigward tal-kera:

Iżda wkoll il-Bord għandu jagħti l-għażla lill-kerrej li ma jkomplix fil-kirja tar-razzett, u jkompli biss fil-kirja ta’ dik l-art litibqa’ intiża esklussivament għall-użu agrikolu taħt kondizzjonijiet ġodda li l-Bord jista’ jistabbilixxi fir-rigward tal-kera skont l-artikolu 3:

Iżda wkoll kull persuna li jkollha dritt li tkun rikonoxxuta bħala kerrej skont it-tifsira “kerrej” fl-artikolu 2 takkwista biss id-drittli tokkupa r-razzett bħala residenza b’titolu ta’ kera għall-perjodu ta’ tmien (8) snin. Il-kera għandha tibqa’ l-istess wara għeluq it-tmien (8) snin, sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor bejn il-kerrej u sid il-kera, jew sakemm sid il-kera ma jerġax jitlob żieda fil-kera skont dan l-Att.

(3) Meta  parti  biss  mir-raba’  tkun  meħtieġa  għal  xi  wieħed mill-iskopijiet imemmija fis-subartikolu (2)(a) jew (b) u l-kejl tal-bqija ta’ dik l-art teċċedi 124 metru kwadru, il-kerrej jista’ jitlob lill-Bord u l-Bord għandu jordna illi l-kirja tiġi mġedda relattivament għal bqija tar-raba’, taħt dawk il-kondizzjonijiet kif il-Bord, wara li jieħu kont tal-kondizzjonijiet tal-aħħar kirja ta’ qabel, jista’ jidhirlu xieraq li jistabbilixxi.

(4) Meta sid il-kera jieħu pussess lura tar-raba’ jew ta’ parti minnu bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Bord bażata fuq is-subartikolu (2)(a), huwa għandu jħallas lill-kerrej kumpens xieraq għal kull benefikat agrikolu li jkun sar mill-kerrej jew minn membru tal-familja fl-imsemmi raba’ jew parti minnu matul il-perijodu ta’ tmien snin konsekuttivi minnufih qabel id-data tat-terminazzjoni.

(5) Meta sid il-kera jieħu pussess lura tar-raba’ jew ta’ parti minnu bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Bord bażata fuq is-subartikolu (2)(b), huwa għandu jħallas lill-kerrej kumpens xieraq kif provdut fl-aħħar subartikolu qabel dan u, barra minn dan, ammont daqs il-valur tal-prodotti miġbura mill-kerrej jew minn membru tal-familja mill-imsemmi raba’ jew parti minnu, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż li jkunu saru għall-koltivazzjoni tiegħu, fl-aħħar erba’ snin minnufih qabel id-data tat-terminazzjoni:

Iżda  ma  għandhomx  jitnaqqsu  bħala  parti  minn  dawk  l-ispejjeż il-prezz tax-xogħol tal-kerrej stess jew tax-xogħol ta’ xi membru tal-familja fir-raba’ jew parti minnu.

(6) L-ammont li għandu jitħallas skont is-subartikolu (4) jew(5) għandu jiġi stabbilit mill-Bord, suġġett għal appell kif provdut skont l-artikolu 10. Dak l-ammont għandu jitħallas lill-kerrej fi żmien xahar mid-data li fiha d-deċiżjoni li tawtorizza t-teħid lura tal-pussess tkun finali fil-partijiet kollha tagħha. Fin-nuqqas ta’ dak il-ħlas f’dak iż-żmien l-imsemmija deċiżjoni tkun mingħajr ebda effett.

(7) Jekk il-kerrej jerġa’ jieħu l-pussess ta’ xi raba’ jew ta’ partiminnu bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-Bord skont l-artikolu 13, huwa għandu jħallas lura lill-sid il-kera kull ammont riċevut relattivament għar-raba’ jew parti minnu skont is-subartikolu (4) jew (5).’

Konċiżament, ir-raġunijiet li jistgħu iwasslu għar-ripreża tal-art mis-sid wara li dan jagħmel rikors quddiem il-Bord tal-Qbiela jistgħu, għalhekk, jiġu ragruppati kif ġej:

•           Jekk sid il-kera jipprova li jeħtieġ ir-raba’  biex  jiġi  wżat  għal  skopijiet  agrikoli minnu  personalment  jew  minn  xi  membru  tal-familja personalment għal perijodu ta’ mhux anqas minn erba’ snin  konsekuttivi  li  jibdew  minnufih  wara  d-data  tat-terminazzjoni. Hawn, pero,  ta’ min jgħid li, skont il- liġi, ma  tkunx raġuni biżżejjed, jekk il-kerrej jipprova li r-raba’ in kwistjoni jkun fonti mportanti tal-għajxien tiegħu u tal-familja tiegħu u jekk il-Bord ikun sodisfatt li l-kerrej ibati aktar minn sid il-kera jekk ir-rikors jiġi milqugħ;

•    Jekk sid il-kera jipprova li jeħtieġ  ir-raba’,  basta  ma  jkunx  raba’  saqwi,  għall-kostruzzjoni fuqu ta’ bini għal skopijiet ta’ residenza, negozju jew industrjali.  Dan il-provvediment daqstant ma japplikax  meta  r-raba’  jinkludi  razzett  li  jkun  użat  mill-kerrej bħala l-uniku post ta’ residenza tiegħu u tal-familja tiegħu, dejjem jekk il-kerrej ma jżommx dak ir-razzett bil-kera u taħt il-kundizzjonijiet li jiġu stabbiliti mill-Bord jew jekk ma jkunx provdut minn sid il-kera dar oħra fejn joqgħod, raġonevolment tajba għall-mezzi tiegħu u għall-mezzi tal-familja tiegħu u għall-bżonnijiet tagħhom dwar il-kobor;

•    Jekk sid il-kera jipprova li r-raba’ jkun  ġie  sullokat  jew  il-kirja  tiegħu  tkun  ġiet trasferita  mingħajr  il-kunsens  ta’  sid  il-kera  lil  xi persuna oħra li ma jkunx xi kerrej ieħor tal-istess raba’ jew membru tal-familja. F’dan il- każ, pero, tali prova mhux biżżejjed li tkun indizju jew probabilita` iżda jeħtieġ li tkun univoka u kredibbli sal-punt li twassal lill-ġudikant għall-konvinċiment illi l- inkwilin ma kienx għadu bħala fatt li jużufruwixxi mid-drittijiet lilu kompetenti bħala kerrej u li kien għadda dawn l-istess drittijiet kompriżi fit-tgawdija tal-ħaġa lilu mikrija lil ħaddieħor;

•    Jekk sid il-kera jipprova li matul is-sentejn minnufih qabel id-data tat-terminazzjoni, l-għalqa tħalliet ma tinħadimx għal mill-anqas tnax -il xahar konsekuttivi skont il-kalendarju;

•    Jekk sid il-kera jipprova li  matul is-sentejn minnufih qabel id-data tat-terminazzjoni, il-kerrej ikun naqas, relattivament għal-żewġ perijodi jew iżjed, li jħallas il-kera, f’kull okkażjoni, fi  żmien ħmistax -il ġurnata  mill-ġurnata  li fiha sid il-kera jkun talbu bil-miktub biex iħallas;

•    Jekk sid il-kera jipprova li matul is-sentejn minnufih qabel id-data tat-terminazzjoni, il-kerrej, li jkun marbut li jsewwi u jżomm fi stat tajjeb il-ħitan tar-raba’, naqas li jwettaq dak l-obbligu jew abitwalment naqas li jħares xi kondizzjoni oħra tal-kirja jew deliberatament jew bi traskuraġni kkaġuna jew ħalla li tiġi kaġunata ħsara, ħlief ħsara  ta’  importanza żgħira, f’xi  siġar tal-frott fir-raba’.