Jista’ Tribunal jordna pjanti ġodda fid-deċiżjoni tiegħu mingħajr ma l-każ jintbagħat lura lill-Awtorita’?

View Categories

Jista’ Tribunal jordna pjanti ġodda fid-deċiżjoni tiegħu mingħajr ma l-każ jintbagħat lura lill-Awtorita’?

1 min read

L-Artikolu 31 tal-Kap 551 jgħid hekk:

‘It-Tribunal għandu jkollu s-setgħa li jikkonferma, iħassar jew ibiddel id-deċiżjoni appellata u li jagħti dawk l-ordnijiet lijidhirlu xierqa:

Iżda  t-Tribunal  jista’,  skont  iċ-ċirkostanzi,  u  qabel  ma jikkonferma, iħassar jew ibiddel id-deċiżjoni, jitlob lir-rikorrenti jippreżenta dokumenti u pjanti ġodda, f’liema każ it-Tribunal għandu jagħti r-raġunijiet għal dik it-talba, salv li l-mertu tal-kwistjoni kif ġie ppreżentat quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar ma jinbidilx. Fejn it-Tribunal jidhirlu illi l-mertu tal-kwistjoni kif ġie ppreżentat quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar ser jinbidel, huwa jista’ jagħti dawk l-ordnijiet li jidhirlu xierqa fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tal-pretensjonijiet rispettivi billi jerġa’ jibgħat id-dokumenti u l-pjanti sabiex jiġu deċiżi mill-ġdid mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Jeżistu skorta ta’ sentenzi tal-Qrati fejn deċiżjonijiet tat-Tribunal ġew annullati għaliex il-Qorti ta’ l-Appell dehrilha li l-Artikolu 31 kien applikat b’mod ħażin.[1] Dan, pero’, ma ġarax f’kull każ fejn il-Qorti kellha appell ta’ terzi quddiemha għaliex dawn ma qablux kif it-Tribunal ordna l-ħruġ ta’ permess wara li jiġu ntavolati pjanti ġodda.

L-Artikolu 31 tal-Kap 551, pero’, jagħmilha ċara li t-Tribunal jista’ effettivament jitlob pjanti riveduti qabel jasal għad-deċiżjoni minghajr ma jerġa’ jikkonsulta mal-konsulenti esterni. Dan jidher li huwa possibli meta ma jitqiesx li ser ikun hemm bdil sostanzjali jew tant materjali tramite l-bidliet li t-Tribunal ikun qed jordna. Insibu, infatti, sentenzi tal-Qrati li jgħidu ċar u tond li xejn m’għandu jwaqqaf lit-Tribunal milli jagħti dawk l-ordnijiet li jidhirlu xierqa fiċ-ċirkostanzi, inkluż li jordna ħruġ ta’ pjanti ġodda mingħajr ebda kunsiderazzjoni ulterjuri sakemm, bil-pjanti hekk kif riveduti, it-Tribunal iżomm mal-iskop ta’ l-applikazzjoni oriġinali.[2]

Fil-kors riċenti, per eżempju, kien stabbilit li t-tneħħija ta’ child play area minn proposta biex din, invece, tinqara bħala fetħa aċċessibli għal pubbliku kienet ikkunsidrata li tirrijentra fil-parametri ta’ bdil mhux sostanzjali jew tant materjali.[3]


[1] Ara sentenza fl-ismijiet Jacques-Paul Mifsud vs  L-Awtorita tal-Ippjanar  (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar it-18 ta’ Lulju, 2022 (Ap6/22)

[2]  Ara wkoll sentenza fl-ismijiet Silvan Agius vs Awtorita’ tal-Ippjanar deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar it-30 ta’ Jannar 2019 (App 66/18).

[3] Ara sentenza fl-ismijiet Din l-Art Helwa u Ghaqda Kulturali Wirt Naxxari, Joseph Spiteri, Matthew Vella, Maria Grech, Albert Gatt, Paul Cortis, Anthony Pavia, Karen Zammit Manduca, Julian Muscat, Anne Borg Mizzi, Greta Ellul Xuereb u Joseph Ciliberti  Vs  L-Awtorita tal-Ippjanar u  l-kjamat in kawza San Pawl tat-Targa Investments Limited deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar l-10 ta’ Mejju, 2023  (Appell Nru. 76/2022)