L-argument li permessi b’fattizzi simili nħarġu fi bnadi oħra għandu validita’ legali?

View Categories

L-argument li permessi b’fattizzi simili nħarġu fi bnadi oħra għandu validita’ legali?

2 min read

Il-kwistjoni ta’ permessi simili maħruġa f’żoni oħra u l-effett tal-element tal-commitment fil- qies ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 72(2) tal-Kap 552 huma ħwejjeġ differenti.

L-utilita’ ta’ l-ewwel presuppost hija dwar kif policy għandha tiġi nterpretata u applikata meta l-fattizzi aċċertati jkunu simili f’siti muniti bl-istess policies.

It-tieni presuppost huwa msejjes fuq il- fatt dwar jekk jeżistix commitment viċinanti bil-permess, f’liema każ dan jista’ jinċidi fuq l-eżitu tad-determinazzjoni ta’ applikazzjoni kif dettat mill-Artikolu 72(2).

Huwa konċess li permess ma jistax jinħareġ sempliċiment fuq il- preċett ta’ preċedent. Detto cio, minkejja li fis-sistema legali Maltija ma nħaddnux il-prinċipju tal-preċedent, jibqa’ b’danakollu il-prinċipju sagrosant li argumentum simili valet in lege. In poche parole, sakemm ma jinstabx li d-deċiżjonijiet passati ta’ l-Awtorita’ kienu proċeduralment skorretti jew irraġjonevoli fiċ-ċirkostanzi, l-istess Awtorita’ ma tistax tivvinta massimi li jmorru kontra l-prinċipju li d-diskrezzjoni ma tippermettix distinzjoni bejn talbiet simili, jekk tali distinzjoni ma teżistix fil-liġi.  Kif b’mod mirqum ġie mtenni fis-sentenza fl-ismijiet Emanuel Portelli pro et noe et vs Estelle Azzopardi[1]:

 ‘F’sitwazzjonijiet fejn il-fatturi determinanti jixxiebħu jew huma identiċi, id-deċiżjoni għandha tkun l-istess, mhux għax qorti hija marbuta b’dak li tgħid qorti oħra iżda għax lill-istess mistoqsija għandha tingħata l-istess tweġiba’

Hekk per eżempju, l-Awtorita’ ma tistax tinqeda b’konsulent esternbħala paraventu biex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha meta jidhrilha, w imbagħad, f’ċirkostanzi b’fattizzi simili ġo żoni muniti bl-istess policies, din tiskarta dak li jgħidilha dak l-istess konsulent estern.

Min ipoġġi fuq l-organi deċiżjonali, pero’, għandu dejjem jifhem id-differenza bejn il- commitment viċinanti b’permess validu li, minnu nnifsu, għandu biss valur fid-determinazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ żvilupp (peress li l-commitment viċinanti jilgħab irwol fid-determinazzjoni ta’ applikazzjoni) u, min-naħa oħra, l-evalwazzjoni ta’ kif gew trattati applikazzjonijiet b’fattizzi simili f’żoni oħra muniti bl-istess policies.    

Infatti, dan kollu huwa illustrat fis-sentenza Cristinu Cassar vs L-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar[2]li tagħraf tajjeb din id-differenza bil-mod kif isegwi:

‘Dan l-aggravju wkoll jisthoqqlu jigi milqugh billi l-kwistjonijet ta’ commitment kif mressqa mill-appellant ma gietx trattata mit-Tribunal. It-Tribunal illimita ruhu biss li jghid li ma hemmx stables ohra b’permess validu fil-vicinanzi. Dan ma kienx l-aggravju tal-appellant izda li premessi simili nghataw f’zoni ohra u din l-applikazzjoni kellha tigi trattata bl-istess mod. Dan hu dak li kellu jigi indirizzat mit-Tribunal u cioe jekk dan l-argument kienx wiehed validu jew le u r-ragunijiet ghaliex dan l-aggravju kellu jigi michud. Id-decizjoni trid tikkunsidra l-aggravji mressaqa u mhux tahrab minnhom jew tinjorahom. It-Tribunal f’dan l-aggravju wkoll naqas li jiddilibera fuq il-lanjanzi tal-appellant, liema lanjanzi kienu jikkostitwixxu punti ta’ ligi li setghu, jekk fondati, ibiddlu d-decizjoni tal-Awtorita. Dan l-aggravju bhal ta’ qablu ma kienx wiehed superficjali jew periferali ghal kwistjoni izda materjalment rilevanti. Ghalhekk it-Tribunal naqas mill-obbligu li jaghti risposta cara ghall-aggravju bhall-ohrajn mertu ta’ dan l-appell u kwindi d-decizjoni ma ghandhiex fundament sod fil-ligi.’

Il-qofol ta’ dan li qed ngħid huwa li jekk l-Awtorita’ tkun użat id-diskrezzjoni tagħha b’mod li wasslitha biex adoperat ċertu nterpretazzjoni tat-test tal-policy f’każijiet b’fattizzi simili ġo siti muniti bl-istess policies, ma tistax imbagħad, aktar ‘il quddiem, l-istess Awtorita’ toħloq distinzjoni fl-għoti ta’ permess billi tadopera nterpretazzjoni differenti.  Il-ġustizzja mhux biss trid issir iżda trid tidher li qed issir siccome l-inkonsistenza, għandha bħala konsegwenza l-kontestazzjoni ġustifikata, id-diskriminazzjoni, l-inugwaljanza u, mill-aspett soġġettiv tal-applikant, l-inġustizzja. 


[1] Ara sentenza fl-ismijiet Emanuel Portelli pro et noe et vs Estelle Azzopardi deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar il-31 ta’ Ottubru, 2014

[2] Ara sentenza fl-ismijiet Cristinu Cassar vs L-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar is-7 ta’ Mejju, 2014 (Ap77/2013)