L-Artikolu 39 tal-Kap 551 jgħid hekk:
‘Id-deċiżjonijiet tat-Tribunal ikunu finali u ma jkun hemm ebda appell minnhom, ħlief fuq punt ta’ liġi deċiż mit-Tribunal jew dwar kull kwistjoni oħra relatata ma’ allegat ksur tad-dritt ta’smigħ xieraq quddiem it-Tribunal.’
Skont dan l-Artikolu 39, il-Qorti ta’ l-Appell (Sede Inferjuri) għandha ġurisdizzjoni ċara w limitata, fis-sens li din tista’ biss tissindika l-operat tat-Tribunal ta’ Revizjoni ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar unikament in kwantu punt ta’ dritt, b’esklużjoni, għalhekk, għal punti ta’ fatt.
Detto cio, il-liġi tagħna ma tagħti ebda definizzjoni ta’ x’inhu punt ta’ dritt. Bħala konsegwenza, id-distinzjoni bejn punt ta’ fatt u punt ta’ dritt m’hix dejjem faċli li ssir minkejja li jeżistu serje ta’ prinċipji li nsibu konsolidati f’numru ta’ ġudikati tal-qrati tagħna, fis-sens illi:
(i) Kwistjonijiet ta’ fatt deċiżi mit-Tribunal ma jistgħux, almenu in via di prinċipju, jiġu sindikati;
(ii) Kwistjoni ta’ dritt li, pero’, ma tkunx ġiet dibattuta, trattata u definita fid-deċiżjoni tat-Tribunal sotto appell ma tistax tiġi sindikata. Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm kwistjoni ta’ dritt li ħolqot vertenza jew diskussjoni fis-sens li t-Tribunal irid ikun applika l-attenzjoni tiegħu lejha permezz ta’ liġi, trattaha debitament u ddefiniha fid-deċiżjoni li jkun ta.[1] Si segue li sempliċi enunċjazzjoni ta’ xi liġi m’hix biżżejjed biex wieħed jgħid li hemm punt ta’ dritt li jista’ jiġi sindikat mill-Qorti;
(iii) Sempliċi applikazzjoni ta’ liġi għall-fatti tal-kawża kif rahom f’għajnejh it-Trubunal, irrispettivament minn x’inhuma tali fatti, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala punt ta’ dritt u għalhekk ma tistax tiġi sindikata;[2]
Biex nagħtu kuntest lil dan li qed ngħid, huwa meħtieġ li nagħmlu differenza bejn:
(i) Interpretazzjoni ħażina tal-liġi għall-fatti kif aċċertati mit-Tribunal (dan huwa punt ta’ liġi sindikabbli);
(ii) Applikazzjoni ħażina tal-liġi għall-fatti kif aċċertati mit-Tribunal (dan huwa punt ta’ liġi sindikabbli);
(iii) Applikazzjoni tajba tal-liġi applikabbli għall-fatti aċċertati b’mod ħażin mit-Tribunal (dan ma jammontax għal punt ta’ liġi sindikabbli);
Dunque, qed inpoġġi erba’ xenarji – tlett xenarji jammontaw għal kwistjoni ta’ dritt fejn, allura, il-Qorti għandha obligu tintrometti ruħha filwaqt li fil-każ tar-raba’ xenarju, il-Qorti trid tieħu pass lura. Ser niddiskuti dawn l-erba’ xenarji b’mod individwali:
L-EWWEL XENARJU: Applikazzjoni tal-liġi ħażina għal fatti kif aċċertati mit-Tribunal huwa meta tkun applikata dispożizzjoni ta’ liġi, pjan jew policy flok oħra li kellha propjament tiġi applikata. Hawnhekk, jiskatta punt ta’ liġi fejn il-Qorti għandha tintrometti ruħha. Dan jiġri, per eżempju, meta organu deċiżjonali jsejjes id-deċiżjoni tiegħu fuq liġi, pjan jew policy defunta jew inkella liġi, pjan jew policy li m’għandha x’taqsam xejn mal-fatti kif aċċertati, bħal per eżempju, deċiżjoni msejsa fuq il-Pjan Lokali ta’ Għawdex meta l-iżvilupp huwa prospettat f’Malta;
IT-TIENI XENARJU: Interpretazzjoni ħażina tal-liġi għall-fatti kif aċċertati mit-Tribunal huwa meta l-organu deċiżjonali jidentifika l-liġi applikabbli għal fatti aċċertati iżda mbagħad dan jitbiegħed minn dak li hemm espressament miktub, anke jekk fi sforz biex tinstab soluzzjoni ta’ ippjanar fattibli u prattika. Hawnhekk, jiskatta punt ta’ liġi fejn il-Qorti għandha tintrometti ruħha. Dan jiġri, per eżempju, meta oganu deċiżjonali jidhirlu li liġi, pjan jew policy tkun timmerita eċċezzjoni jew devjazzjoni meta l-kliem ta’ l-istess liġi, pjan jew policy ma jagħtix lok għal hekk jew inkella jagħżel li jiskarta xi parti miktuba minn dik il-liġi, pjan jew policy, anke jekk, kif spjegajt, b’mottivi tajbin.
Approfondiment ta’ dan it-tieni xenarju nsibuh profess f’diversi sentenzi, fosthom dik fl-ismijiet Paul Falzon vs L-Awtorita tal-Ippjanar[3] fejn ingħad:
‘Il-Qorti tintrometti ruhha biss jekk l-interpretazzjoni tmur kontra l-kelma u intenzjoni espressa tal-ligi jew f’kaz ta’nuqqas ta’kjarezza, l-interpretazzjoni hi tant assurda li tista’tippregudika l-applikazzjoni l-aktar korretta u prattika tal-intenzjoni tal-legislatur.’
Fuq l-istess vena, il-Qorti tinsisti li l-organi deċiżjonali ma jistgħux jistrieħu fuq ‘eccezzjoni li ma tinsabx f’ligi, pjan jew policy, attraenti kemm tista’ tkun attrajenti t-talba ta’ zvilupp.’[4]
IT-TIELET XENARJU: Applikazzjoni tal-liġi għal fatti kif aċċertati mit-Tribunal li ma jeżistux. Hawnhekk, jiskatta punt ta’ liġi fejn il-Qorti għandha tintrometti ruħha. Sa ċertu punt, hawn qed nisilfu mill-ewwel xenarju li jitkellem dwar applikazzjoni tal-liġi ħażina għal fatti kif aċċertati. Hekk per eżempju ġara fis-sentenza fl-ismijiet Mikiel Farrugia vs L-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-kjamat in kawza Charles Camilleri[5] fejn il-Qorti sabet li t-Tribunal idderieġa lilu nnifsu fuq policy partikulari għaliex, skont hu, il-proposta ma kinitx tirrigwardja redevelopment meta l-appellant stess kien iddikjara li ħa jwaqqa l-bini eżistenti u jagħmel wieħed f’loku. Is-silta rilevanti minn din is-sentenza appena ċitata hi din:
‘F’dan il-kaz pero l-policy hi pjuttost cara. Titkellem dwar redevelopment of land. It-Tribunal sostna li dan il-kaz ma kienx jaqa’ f’din id-definizzjoni. Il-Qorti ma tistax tifhem kif it-Tribunal wasal ghal din il-konkluzzjoni meta s-sid cioe l-applikant qed jiddikjara li l-uzu tar-razzett ser jispicca u floku ser isir l-izvilupp urbanistiku.’
IR-RABA’ XENARJU: Applikazzjoni tajba tal-liġi applikabbli għall-fatti aċċertati b’mod ħażin mit-Tribunal. Hawnhekk, almenu in via di prinċipju, il-Qorti ma tindaħalx anke jekk din ma taqbilx mal-fatti kif aċċertati mit-Tribunal. B’fatti aċċertati m’aħniex qed ninkludu fatti li qatt ma ġew aċċertati tant li ma jirriżultawx in atti bħal fil-każ tat-tielet xenarju. Hawnhekk qed nitkellmu dwar fatti li ġew aċċertati mit-Tribunal anke jekk b’mod ħażin u li, imbagħad, dawn ġew applikati fil-policy applikabbli. Hekk ġara, per eżempju, fis-sentenza fl-ismijiet Michael Carter et. vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) et.[6]F’dan l-imsemmi każ, l-appellanti lmentaw li t-Tribunal żbalja fl-apprezzament tekniku sa fejn kien jirrigwardja l-mod kif ħares lejn il-bdil fit-topografija għaliex, skont huma, tali tibdil kien sinnifikanti u mhux kif qal it-Tribunal. Min-naħa tagħha, il-Qorti, pero, qalet hekk:
‘Rigward il-bidla fit-topografija li l-appellanti jqisu sinifikanti dan hu kontradett mir-rappport tal-Awtorita stess u apparti dan, din hi kwistjoni teknika liema kwistjoni hi afdata f’idejn l-Awtorita u t-Tribunal munitab’persuni esperti fil-qasam tekniku u ta’ ippjanar. Din il-Qorti ma ghandhiex tintrometti ruhha f’dan l-aspett tekniku jekk mhux ghal kaz ta’ zball sinifikanti fuq is-sustanza tal-materja…..
[…]’
L-istess raġunament, tista’ tgħid, huwa rifless fis-sentenza fl-ismijiet Karkanja Development Ltd u Euchar Vella vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar)[7]fejn intqal hekk:
‘…hi l-applikazzjoni hazina ta’ligi, pjan jew policy li jistghu jsiru appelli dwarhom cioe ‘punti ta’ligi stretti’mhux interpretazzjoni ta’policy indikata bhala dik applikabbli u li dwarha l-appellant ma jaqbilx kif giet interpretata. In linea ta’massimu,kwistjonijiet ta’interpretazzjoni, specjalment fejn jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ippjanar jew teknici huma fdati fid-diskrezzjoni tat-Tribunal. Il-Qorti tintervjeni biss jekk it-Tribunal ikun interpreta ligi, pjan jewpolicy b’tali mod li tirrendi inapplikabbli l-applikazzjoni korretta taghhajew ir-ragunament tat-Tribunal ikun tant assurdjew skorrett fattwalment li toqtol l-applikazzjoni tal-ligi, pjan jew policy.’
[1] Ara sentenza fl-ismijiet Emanuel Mifsud vs Kummissarju għall-Kontroll tal-Iżvilupp deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar il-31 ta’ Mejju 1996
[2] Ara sentenza fl-ismijiet Zaren Camilleri vs L-Awtorita’ tal-Ippjanar deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar it-28 ta Frar 1997
[3] Ara sentenza fl-ismijiet Paul Falzon vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar is-6 ta’ Lulju, 2022 (Appell Nru. 50/2021)
[4] Ara sentenza fl-ismijiet Din l-Art Helwa, Moviment Graffiti, The Archaeological Society Malta, Karl Buhagiar u James Buhagiar vs l-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-kjamat in kawza, Dominic Micallef ghan-nom ta’ Mdina Property Ltd deċiża mill-Qorti ta’ l-Appell nhar l-1 ta’ Frar, 2023 (Ap 58/22)
[5] Ara sentenza fl-ismijiet Mikiel Farrugia vs L-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-kjamat in kawza Charles Camilleri deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar il-5 ta’ Novembru 2015
[6] Ara sentenza fl-ismijiet Michael Carter, Jennifer Carter, Daniel Carter, Stephen Carter, Andrew Carter, Laura Jones, Richard Cohen, Charles Donington, Tony u Margaret Zammit, Hans Bucking, u Din l-Art Helwa vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) u l-kjamat in kawza Sarah Nolan deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar id-19 ta’ Ġunju 2019
[7] Ara sentenza fl-ismijiet Karkanja Development Ltd u Euchar Vella vs L-Awtorita tal-Ippjanar (gia l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) deċiża mill-Qorti tal-Appell nhar il-25 ta’ Frar, 2021 (Ap20/20)